VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIR-RUMANIJA

(31 TA’ MEJJU - 2 TA’ ĠUNJU 2019)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Santwarju ta’ Sumuleu-Ciuc

Is-Sibt 1 ta’ Ġunju 2019

 

B’ferħ u gratitudni lejn Alla ninsab hawn magħkom, għeżież ħuti, f’dan is-Santwarju Marjan għażiż, għani bi storja u fidi, fejn bħala wlied niġu niltaqgħu mal-Omm tagħna u nagħrfu li aħna lkoll aħwa. Is-santwarji, imkejjen kważi “sagramentali” ta’ Knisja sptar fuq il-kamp tal-battalja, iħarsu l-memorja ta’ poplu fidil li qalb it-tiġrib tiegħu ma jegħja qatt ifittex l-għajn tal-ilma ħaj mnejn iġedded it-tama tiegħu. Huma mkejjen ta’ festa u ta’ ċelebrazzjoni, ta’ dmugħ u ta’ talb ħerqan. Niġu f’riġlejn l-Omm, bla ħafna kliem, u nħalluha tħares lejna u biex b’ħarsitha twassalna għand Dak li hu “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6).

 

Dan ma nagħmluhx b’mod kien li kien, imma bħala pellegrini. Hawn, ta’ kull sena, is-Sibt ta’ qabel Għid il-Ħamsin, intom tinġabru f’pellegrinaġġ biex tonoraw il-wegħda li għamlu missirijietkom u biex issaħħu l-fidi tagħkom f’Alla u d-devozzjoni lejn il-Madonna, kif tidher f’din l-istatwa monumentali tal-injam. Dan il-pellegrinaġġ annwali hu parti mill-wirt tat-Transilvanja, imma jweġġaħ flimkien it-tradizzjonijiet reliġjużi kemm tar-Rumanija u kemm tal-Ungerija; għandhom sehem minnu wkoll il-fidili ta’ konfessjonijiet oħrajn u huwa simbolu ta’ djalogu, għaqda u fraternità; sejħa biex nagħmlu tagħna x-xhieda ta’ fidi li saret ħajja u ta’ ħajja li saret tama. Nagħmlu pellegrinaġġ ifisser nagħrfu li aħna poplu li miexi lejn daru. Ifisser li nafu li aħna poplu. Poplu li l-għana tiegħu huma l-elf wiċċ, l-elf kultura, lingwa u tradizzjoni; il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla li flimkien ma’ Marija jgħaddi l-pellegrinaġġ tiegħu jgħanni l-ħniena tal-Mulej. Jekk f’Kana tal-Galilija Marija daħlet quddiem Ġesù biex għamel l-ewwel miraklu, hekk f’kull santwarju hi ħares u tinterċedi, mhux biss quddiem Binha, imma anki quddiem kull wieħed u waħda minna, biex ma nħallux lil dawk l-ilħna li jrewħu l-firda u l-qsim jisirqulna l-fraternità. Il-ġrajjiet kumplessi u dolorużi tal-passat ma nistgħux ninsewhom jew niċħduhom, imma lanqas jistgħu jsiru xkiel jew argument biex ma jkollniex dik il-konvivenza fraterna tant mixtieqa.

 

Nagħmlu pellegrinaġġ ifisser inħossuna msejħa u mħeġġa biex nimxu flimkien aħna u nitolbu lill-Mulej il-grazzja li jibdlilna r-rabja u s-suspetti tal-imgħoddi u anki tal-lum f’opportunitajiet ġodda għall-komunjoni; ifisser nitilqu ċ-ċertezzi u l-kumditajiet tagħna u nfittxu art ġdida li l-Mulej jixtieq jagħtina. Il-pellegrinaġġ hu sfida biex niskopru u nittrasmettu l-ispirtu li ngħixu flimkien, li ma nibżgħux nitħalltu mal-oħrajn, li niltaqgħu u ngħinu lil xulxin. Nagħmlu pellegrinaġġ ifisser nintefgħu f’dak il-baħar daqsxejn kaotiku li jista’ jinbidel f’vera esperjenza ta’ fraternità, karwana dejjem solidali li tibni l-istorja (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 87). Nagħmlu pellegrinaġġ ifisser li nħarsu mhux daqstant lejn dak li seta’ kien (u ma kienx), imma pjuttost lejn dak kollu li hemm jistenniena u ma nistgħux inħalluh iżjed għal darb’oħra. Ifisser nemmnu fil-Mulej li ġej u li jinsab f’nofsna jippromovi u jħeġġeġ is-solidarjetà, il-fraternità, ix-xewqa għat-tajjeb, għall-verità u għall-ġustizzja (ara ibid., 71). Il-pellegrinaġġ hu l-impenn tagħna biex nitqabdu biex dawk li lbieraħ baqgħu lura jsiru l-protagonisti ta’ għada, u l-protagonisti tal-lum għada ma jitħallewx lura. U dan, ħuti, jitlob ix-xogħol ta’ sengħa li ninsġu flimkien il-futur. Għalhekk qegħdin hawn biex ngħidulha flimkien: Omm tagħna, għallimna nfasslu l-futur! 

 

Li nagħmlu pellegrinaġġ lejn dan is-santwarju jdawrilna ħarsitna lejn Marija u lejn il-misteru ta’ dawk li Alla jagħżel. Hi, xebba ta’ Nazaret, lokalità ċkejkna tal-Galilija, fil-perferija tal-Imperu Ruman u anki fil-periferija ta’ Iżrael, bl-“iva” tagħha kellha l-ħila tniedi r-rivoluzzjoni tal-ħlewwa (ara ibid., 88). Il-misteru tal-ħatra min-naħa ta’ Alla, li jixħet ħarstu fuq id-dgħajjef biex iħawwad lill-qawwija, iwassalna u jħeġġeġ lilna wkoll biex ngħidu “iva”, bħalha, bħal Marija, biex nimxu fit-toroq tar-rikonċiljazzjoni. Ħuti, ma ninsewhx dan: min jirriskja, il-Mulej ma jiddeludihx! Ejjew nimxu, u nimxu flimkien, nirriskjaw, u nħallu l-Vanġelu jkun il-ħmira li kapaċi ttella’ l-għaġna kollha u trodd lill-popli tagħna l-ferħ tas-salvazzjoni, tal-għaqda u tal-fratellanza.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard