VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIR-RUMANIJA

(31 TA’ MEJJU – 2 TA’ ĠUNJU 2019)

 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

 

Titjira Papali

Il-Ħadd 2 ta’ Ġunju 2019

 

Alessandro Gisotti:

Il-lejla t-tajba! Merħba, Santità, merħba lilkom ukoll. Titjira lura… Santità, il-motto ta’ dan il-vjaġġ kien “Nimxu flimkien”, imma wkoll “intiru flimkien”, għax naħseb li veru tirna ħafna u anki l-impenn, it-taħbit… Fid-diskors lill-istampa barranija, ftit jiem ilu, għalaqt billi għidt: “B’mod partikulari fil-vjaġġi appostoliċi nara t-taħbit tagħkom”. Ara t-taħbit, il-passjoni, l-impenn tal-kollegi li rrakkuntaw dan il-vjaġġ… Illum hu l-Jum tal-Komunikazzjoni Soċjali, kif tafu, iddedikat lilna, bħala ġurnalisti, operaturi tal-komunikazzjoni, bit-tema: “Aħna membri ta’ xulxin”. Ara, Santità, naf li qabel il-mistoqsijiet tixtieq toffrilna riflessjoni qasira fuq dan il-Jum iddedikat lilna.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-lejla t-tajba. Grazzi ħafna tal-kumpanija tagħkom! Kif qal Gisotti, illum dan il-Jum ifakkarna fikom, idawrilna ħsiebna fuqkom. Intom taħdmu fil-komunikazzjoni, intom operaturi – kif qal Alessandro –, imma qabel kollox intom, għandkom tkunu, xhieda tal-komunikazzjoni. Illum il-komunikazzjoni sejra lura, b’mod ġenerali; huwa l-kuntatt li sejjer ’il quddiem: nagħmlu l-kuntatti imma ma naslux biex nikkomunikaw. U intom, b’vokazzjoni, intom xhieda tal-komunikazzjoni. Huwa minnu, tridu tagħmlu l-kuntatti, imma tiqfux hemm, ibqgħu mexjin. Nawguralkom li timxu ’l quddiem f’din il-vokazzjoni, f’din ix-xhieda tal-komunikazzjoni, għax żminijietna għandhom bżonn ħafna ta’ ftit inqas kuntatti u iżjed komunikazzjoni. Grazzi. U awguri għall-Jum tagħkom. U issa mmorru għall-mistoqsijiet.

 

Gisotti:

Mela, Santità, kif inhi t-tradizzjoni, l-ewwel żewġ mistoqsijiet isiru mill-midja tal-pajjiż li żorna. Tibda Diana Dumitrascu mit-televiżjoni Rumena TVR. Jekk jogħġbok:

 

Diana Dumitrascu:

Santità, grazzi taż-żjara tiegħek ir-Rumanija. Santità, int taf li miljuni minn pajjiżna fl-aħħar snin kellhom jemigraw. X’inhu l-messaġġ tiegħek għal familja li tħalli lil uliedha biex tmur taħdem f’pajjiż barrani bl-għan li tiżguralhom ħajja aħjar? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn dan iġagħalni naħseb fl-imħabba tal-familja, għax li tinqasam fi tnejn, fi tlieta mhix ħaġa sabiħa. Dejjem hemm in-nostalġija li terġa’ tiltaqa’ flimkien. Imma li tinfired biex tara li l-familja ma jkun jonqosha xejn, dan hu att ta’ mħabba. Fil-quddiesa tal-bieraħ smajna l-aħħar talba ta’ dik il-mara li kienet taħdem barra mill-pajjiż biex tgħin lill-familja tagħha. Distakk bħal dan dejjem hu għafsa ta’ qalb. Imma għaliex jitilqu? Mhux bħala turisti, imma għall-bżonn. Bżonn. U ħafna drabi, mhux għax il-pajjiż ma jsibx… Ħafna drabi huma riżultati ta’ politika dinjija li taffettwa dan. Naf li hi l-istorja ta’ pajjiżek, wara l-waqgħa tal-Komuniżmu… Imbagħad tant intrapriżi barranin għalqu biex imorru jiftħu f’pajjiż ieħor biex jagħmlu iżjed flus. Illum meta tagħlaq negozju tkun qed tixħet in-nies fit-triq. U din ukoll hi inġustizzja dinjija, ġenerali, ta’ nuqqas ta’ solidarjetà. Hi tbatija. Kif nitqabdu? Billi nippruvaw niftħu għejun ta’ xogħol. Mhux faċli; mhux faċli fis-sitwazzjoni dinjija tal-lum fejn jidħlu l-finanzi, l-ekonomija. Imma aħsbu ftit li intom għandkom rata tat-twelid impressjonanti: hawn m’hawnx ix-xitwa demografika li naraw fl-Ewropa. Hi inġustizzja din li ma jistax ikollok għejun ta’ xogħol għal tant żgħażagħ. U għalhekk nawgura li tissolva din is-sitwazzjoni li ma tiddependix biss mir-Rumanija, imma mill-ordni finanzjarju fid-dinja, minn din is-soċjetà tal-komsumiżmu, ta’ li jkolli iżjed, ta’ li naqla’ iżjed… U tant nies tibqa’ hemm, waħidha. Ma nafx, din hi t-tweġiba tiegħi: sejħa għas-solidarjetà dinjija f’dan il-mument li fih ir-Rumanija għandha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea, narawha ftit… Grazzi.

 

Gisotti:

U issa se jistaqsik Cristian Micaci minn Radio Maria-Romania.

 

Cristian Micaci:

Santità, kif qal ukoll id-direttur l-ewwel, f’dawn il-jiem smajna ħafna fuq li “nimxu flimkien”. Issa, fit-tluq tiegħek, nixtieq nistaqsik: x’parir tagħtina, lilna r-Rumeni? Liema għandhom ikunu r-relazzjonijiet bejn il-konfessjonijiet, b’mod partikulari bejn il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa – il-minoranza Kattolika u l-maġġoranza Ortodossa – ir-relazzjonijiet bejn id-diveri etniċitajiet u r-relazzjoni bejn id-dinja politika u s-soċjetà ċivili?

 

Il-Papa Franġisku:

B’mod ġenerali, ngħid jien, ir-relazzjoni tal-id imnewla, meta jkun hemm il-kunflitti. Illum pajjiż fi żvilupp b’rata għolja tat-twelid bħalma hu tagħkom, b’dan il-futur, ma jistax jippermetti l-lussu li jkollu l-għedewwa ġo fih. Irid isir proċess ta’ tqarrib, dejjem: bejn id-diversi gruppi etniċi, id-diversi konfessjonijiet reliġjużi, fuq kollox it-tnejn Insara… Din l-ewwel ħaġa: dejjem l-id imnewla, is-smigħ tal-ieħor. Mal-Knisja Ortodossa: intom għandkom Patrijarka kbira, bniedem ta’ qalb kbira u studjuż kbir. Jaf il-mistika tal-Padri tad-deżert, il-mistika spiritwali, studja l-Ġermanja… Huwa wkoll bniedem ta’ talb. Faċli tersaq lejn Daniel, faċli, għax jiena nħossu bħala ħija u aħna tkellimna bħal aħwa. Jien mhux ħa ngħid: “Għax intom…”, u hu mhux ħa jgħid: “Għax intom…”. Nimxu sew flimkien! Dejjem b’din l-idea: l-ekumeniżmu mhuwiex li tasal sal-aħħar tal-partita, tad-diskussjonijiet; l-ekumeniżmu hu li timxi flimkien. Nimxu flimkien. Nitolbu flimkien. L-ekumeniżmu tat-talb. Fl-istorja tagħna għandna l-ekumeniżmu tad-demm: meta kienu joqtlu lill-Insara ma kinux jistaqsuhom: “Int Ortodoss? Int Kattoliku? Int Luteran? Int Anglikan?”. Le. “Int Nisrani”, u d-demm kien jitħallat. Ekumeniżmu tax-xhieda, dak ekumeniżmu ieħor. Tat-talb, tad-demm, tax-xhieda. Imbagħad, l-ekumeniżmu tal-fqir, kif insejjaħlu jien, li jfisser naħdmu flimkien, fejn nistgħu, naħdmu biex ngħinu lill-morda, lill-batuti, lin-nies li qiegħda xi ftit jew wisq fit-tarf u ftit għandha biex tgħix: ngħinu. Mattew 25: dan hu programm ekumeniku sabiħ, le? Nimxu flimkien, u din hi diġà għaqda tal-Insara. Imma ma nistennewx lit-teologi jaslu għal ftehim biex naslu għall-Ewkaristija. L-Ewkaristija ssir kuljum bit-talb, bil-memorja tad-demm tal-martri tagħna, bl-opri ta’ karità u anki billi nixtiequ l-ġid lil xulxin. F’belt tal-Ewropa kien hemm relazzjoni tajba – hemm! – bejn l-Arċisqof Kattoliku u l-Arċisqof Luteran. L-Arċisqof Kattoliku kellu jiġi l-Vatikan il-Ħadd filgħaxija u ċempel li ħa jasal it-Tnejn filgħodu. Meta wasal qalli: “Skużani, imma lbieraħ l-Arċisqof Luteran kellu jmur għal xi laqgħa u talabni: ‘Jekk jogħġbok, ejja fil-katidral tiegħi u mexxi l-liturġija int’”. Hemm il-fratellanza! Jekk naslu sa hawn, ikun ħafna! U l-prietka għamilha l-Kattoliku. M’għamilx l-Ewkaristija, imma l-prietka iva. Din hi fratellanza. Meta jiena kont Buenos Aires kont niġi mistieden mill-Knisja Skoċċiża biex nagħmel diversi prietki, u kont immur hemm, nipprietkalhom… Tista’! Tista’ timxi flimkien. Għaqda, fratellanza, id imnewla, inħarsu lejn xulxin bi tjieba, ma nitkellmux ħażin fuq l-oħrajn… Difetti lkoll għandna, ilkoll. Imma jekk nimxu flimkien, id-difetti nħalluhom għall-ġenb: dawk ħa joqogħdu jikkritikawhom l-“għożieba”… Grazzi.

 

Gisotti:

Xavier Lenormand, mill-Média Franċiża.

 

Xavier Lenormand:

Santità, il-mistoqsija tiegħi hi xi ftit bħal ta’ qabilha. Fl-ewwel jum ta’ dan il-vjaġġ, int mort il-Katidral Ortodoss għal mument sabiħ imma wkoll xi ftit iebes tat-talba tal-Missierna. Ftit iebes għax jekk il-Kattoliċi u l-Ortodossi kienu flimkien, ma talbux flimkien. Int għadek kemm tkellimt fuq l-ekumeniżmu tat-talb. Allura l-mistoqsija tiegħi hi din: Santità, fiex ħsibt int meta bqajt fis-skiet waqt il-Missierna bir-Rumen? U liema huma l-passi konkreti li jmiss f’din il-mixja flimkien? Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

Se naqsam miegħek ħaġa: jien ma bqajtx fis-skiet, tlabt il-Missierna bit-Taljan. Int ukoll? U rajt, waqt it-talba tal-Missierna, li l-parti l-kbira tan-nies sew jekk bir-Rumen, sew jekk bil-Latin, kienet qed titlob. In-nies kapaċi tmur iktar lil hemm minna l-kapijiet: aħna l-kapijiet irridu noqogħdu naħsbu għall-bilanċi diplomatiċi biex niżguraw li nimxu flimkien. Hemm drawwiet, regoli diplomatiċi li tajjeb inżommuhom biex ma nirvinawx kollox; imma l-poplu jitlob flimkien. Aħna wkoll, meta nkunu waħidna, nitolbu flimkien. Din hi xhieda. Jien għandi l-esperjenza ta’ talb ma’ ħafna nies, ħafna pastors Luterani, Evanġeliċi u anki ma’ Ortodossi. Il-Patrijarki huma moħħhom miftuħ. Iva, anki aħna l-Kattoliċi għandna nies moħħhom magħluq, li ma jkunux iridu u jgħidu: “Le, l-Ortodossi huma xiżmatiċi”. Dawn huma affarijiet tal-antik. L-Ortodossi huma Nsara. Imma hemm gruppi Kattoliċi xi ftit integralisti: irridu nittollerawhom, nitolbu għalihom biex il-Mulej u l-Ispirtu s-Santu jrattbulhom xi ftit qalbhom. Imma jiena tlabt. It-tnejn li huma. Ma ħaristx lejn Daniel, imma naħseb li hu l-istess għamel.

 

Gisotti:

Grazzi, Santità. Issa ħa tagħmillek mistoqsija Manuela Tulli mill-Ansa.

 

Manuela Tulli:

Il-lejla t-tajba, Santità. Żorna r-Rumanija, pajjiż li qed juri li hu Ewropeista. Fl-aħħar elezzjonijiet, xi mexxejja politiċi, bħall-Viċi Prim Ministru tagħna Matteo Salvini, għamlu kampanja elettorali b’simboli reliġjużi: fil-meetings rajna kuruni tar-rużarju, slaleb, konsagrazzjonijiet lill-Qalb Immakulata ta’ Marija. Ridt naf x’impressjoni ħallielek dan jekk hu minnu, kif hemm min qal, li int ma tridx tiltaqa’ mal-Viċi Prim Ministru.

 

Il-Papa Franġisku:

L-ewwel – ħa nibda mit-tieni – sa fejn naf jien ħadd mill-Gvern [Taljan], ħlief il-Prim Ministru, ma talabni udjenza. Ħadd. Biex titlob udjenza, trid tkellem lis-Segreterija tal-Istat, titlob udjenza. Il-Prim Ministru Conte talabha u ngħatatlu, kif jindika l-protokoll. Kienet udjenza sabiħa, mal-Prim Ministru, ta’ siegħa jew iżjed, forsi. Bniedem intelliġenti, professur li jaf fuqiex qed jitkellem. Dwar il-Viċi Prim Ministru, ma kelli l-ebda talba, u lanqas minn ministri oħra. Iva, lill-President tar-Repubblika lqajtu.

 

It-tieni, fuq dawn ix-xbihat. Stqarrejt kemm-il darba li ġurnali jien naqra biss tnejn: il-“ġurnal tal-partit”, jiġifieri L’Osservatore Romano, dan naqrah u kieku tagħmlu sew taqrawh intom ukoll, għax hemmhekk hemm imfietaħ ta’ interpretazzjoni interessanti ħafna. U anki affarijiet li ngħid jien issibhom hemm. U mbagħad Il Messaggero, li jogħġobni, għax għandu titli kbar: jien inqallbu hekk, xi drabi nieqaf naqra… U ma dħaltx f’dawn l-aħbarijiet tal-propaganda, kif għamel il-propaganda elettorali tiegħu dak il-partit jew l-ieħor… Veru.

 

Hemm it-tielet element, u f’dan nistqarr li jien injorant: jien fuq politika Taljana ma nifhem xejn. Huwa minnu, hemm bżonn nistudjaha, ma nifhimhiex. Li nagħti opinjoni fuq atteġġjamenti ta’ kampanja elettorali, ta’ wieħed mill-partiti, bla ma jien infurmat, hekk, ikun imprudenti ħafna min-naħa tiegħi. Jien nitlob għal kulħadd, biex l-Italja tibqa’ miexja ’l quddiem, biex it-Taljani jingħaqdu u jkunu leali għall-impenn tagħhom. Jien ukoll Taljan għax jien bin emigranti Taljani: fid-demm jien Taljan. Ħuti kollha għandhom iċ-ċittadinanza. Jien ma ridtx li jkolli għax dak iż-żmien li fih akkwistawha jiena kont isqof, u għidt: “Le, l-isqof għandu jkun ta’ pajjiżu”, u ma ħadthiex. U għalhekk m’għandix. Fil-politika ta’ ħafna pajjiżi – ħafna – hemm il-marda tal-korruzzjoni, kullimkien. Issa għada tmorrux tgħidu: “Il-Papa qal li l-politika Taljana hi korrotta”, le. Jien għidt li waħda mill-mardiet tal-politika kullimkien hi li tiżloq fil-korruzzjoni. Fatt universali. Nitlobkom, tpoġġux fuq fommi ħwejjeġ li ma nkunx għidt. U darba qaluli kif inhuma l-pattijiet politiċi: nimmaġinaw laqgħa ta’ disa’ imprendituri ma’ mejda; jiddiskutu biex jiftiehmu fuq l-iżvilupp tal-intrapriżi tagħhom u fl-aħħar, wara sigħat u sigħat u sigħat, u kafè, kafè u kafè, jaslu għal qbil. Għamlu l-verbal, ġabru kollox fil-qosor, jaqrawh… Miftehmin? Miftehmin. Huma u jistampawh jieħdu whiskey biex jiffesteġġjaw u mbagħad jibdew idawru l-karti biex jiffirmaw il-ftehim. Huma u jdawru l-karti, minn taħt il-mejda, jien u dak… nagħmlu ieħor minn taħt il-mejda. Din hi l-korruzzjoni politika, li ssir xi ftit jew wisq kullimkien. Jeħtieġ ngħinu lill-politiċi jkunu onesti, ma jagħmlux kampanja bi bnadar diżonesti – il-kalunnja, il-malafama, l-iskandli… U, tant drabi, niżirgħu l-mibegħda u l-biża’: dan terribbli. Politika, politiku qatt, qatt m’għandu jiżra’ l-mibegħda u l-biża’. Tama biss. Ġusta, esiġenti, imma tama. Għax għandu jmexxi l-pajjiż sa hemm, u mhux ibeżżgħu. Ma nafx weġibtekx. Imma fuq id-dettalji tal-kondotta tal-politiċi ma nafx.

 

Gisotti:

Santità, issa se tagħmillek mistoqsija Eva Fernández, ġurnalista tal-Cope.

 

Eva Fernández:

Santità, ilbieraħ fil-laqgħa maż-żgħażagħ u l-familji, inti sħaqt mill-ġdid fuq l-importanza tar-relazzjoni bejn in-nanniet u ż-żgħażagħ, biex iż-żgħażagħ ikollhom għeruq biex jimxu ’l quddiem u n-nanniet jistgħu joħolmu. Int m’għandekx familja qrib tiegħek imma għidt li Benedittu XVI hu bħal nannu, qisek għandek nannu d-dar…

 

Il-Papa Franġisku:

Veru!

 

Eva Fernández:

Għadek tarah bħala nannu?

 

Il-Papa Franġisku:

U iżjed minn hekk! Kull darba li mmur inżuru hekk inħossu. U naqbadlu idu u rridu jitkellem. Ftit jitkellem, bil-kalma, imma bl-istess profondità ta’ dejjem. Għax il-problema ta’ Benedittu huma l-irkopptejn, mhux rasu: għandu ċarezza kbira u jiena meta nisimgħu jitkellem, inħossni nissaħħaħ, inħoss il-“meraq” tal-għeruq li jasal għandi u jgħinni nibqa’ miexi. Inħoss din it-tradizzjoni tal-Knisja li mhijiex ħaġa ta’ mużew, it-tradizzjoni, le. It-tradizzjoni hi bħall-għeruq, li jisquk il-meraq biex tgħix. U int ma ssirx bħall-għeruq, le: int twarrad, is-siġra tikber, tagħti l-frott u ż-żerriegħa ssir għeruq għall-oħrajn. It-tradizzjoni tal-Knisja hi dejjem f’moviment. F’intervista li għamel Andrea Monda fuq l-Osservatoreintom taqrawh l-Osservatore, le? – xi jiem ilu, kien hemm sitwazzjoni li għoġbitni ħafna, tal-mużiċista Gustav Mahler. U huwa u jitkellem fuq it-tradizzjonijiet, qal: “It-tradizzjoni hi l-garanzija tal-futur u mhux il-ħarriesa tal-irmied”. Mhijiex mużew. It-tradizzjoni ma tħarisx l-irmied, in-nostalġija tal-integralisti, li jmorru lura fuq l-irmied, le. It-tradizzjoni hi l-għeruq li jiggarantixxu li s-siġra tikber, twarrad u tagħti l-frott. U ntenni dik il-biċċa tal-poeta Arġentin li tant nieħu gost nikkwota: “Dak kollu li s-siġra għandha mwarrad, ġej minn dak li għandha taħt il-ħamrija”. Jiena kuntent, għax f’Iași tkellimt fuq dik in-nanna [bin-neputi tarbija tat-twelid f’dirgħajha]: kien ġest ta’ “kompliċità”, u b’dawk l-għajnejn… F’dak il-mument tant kont emozzjonat li ma rreaġixxejtx u mbagħad il-Popemobile baqgħet miexja; insomma, stajt ngħidilha tersaq fuq quddiem, lil din in-nanna, biex turi dak il-ġest lil kulħadd… U lill-Mulej Ġesù għidtlu: “X’dispjaċir, imma int tista’ ssolviha l-biċċa”. U l-bravu Francesco tagħna [fotografu], meta ra l-komunikazzjoni li għamilt b’għajnejja ma’ dik il-mara, ħa ritratt u issa hu pubbliku: rajtu llejla fuq Vatican Insider. Dawn huma l-għeruq, u dawn jikbru. Mhux ħa jkun bħali, imma jien nagħti tiegħi. Importanti din il-laqgħa [bejn anzjani u żgħażagħ]. Imbagħad hemm il-verbi. Meta n-nanniet iħossu li għandhom neputijiet li jistgħu jmexxu l-istorja ’l quddiem, jibdew joħolmu – in-nanniet meta ma joħolmux jaqgħu f’dipressjoni –: Aħ! Hawn futur! U ż-żgħażagħ, bil-kuraġġ li jagħtuhom, jibdew jipprofetizzaw u jagħmlu l-istorja. Importanti!

 

Eva Fernández:

Grazzi, Santità.

 

Gisotti:

Naħseb fadlilna ħin għal mistoqsija waħda: Lucas Wiegelmann mill-Herder Korrespondenz…

 

Il-Papa Franġisku:

Din ir-rivista jien kont naqraha fi Buenos Aires…

 

Lucas Wiegelmann:

Santità, f’dawn il-jiem int tkellimt ħafna fuq il-fraternità bejn il-popli u fuq li nimxu flimkien, ħaġa li diġà smajna. Imma qed naraw li fl-Ewropa qed jiżdied l-għadd ta’ dawk li ma jixtiqux il-fraternità imma l-egoiżmu u l-iżolament, jippreferu jimxu waħidhom. Għaliex huwa hekk, skont int, u x’għandha tagħmel l-Ewropa biex tibdlu dan? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Skużani jekk sa nikkwota lili nnifsi, bla vanità ħa nagħmlu dan, għax jiswa għal xi ħaġa. Tkellimt fuq din il-problema fiż-żewġ [tliet] diskorsi: dak fi Strasbourg; dak li għamilt meta rċivejt il-Premju Karlu Manju; u mbagħad fid-diskors lill-Kapijiet kollha tal-Istat u tal-Gvern fis-Sala Regia: kienu kollha hemm, fl-anniversarju tal-Pattijiet għat-twaqqif tal-Unjoni Ewropea. F’dawn id-diskorsi għidt kulma naħseb. U hemm ukoll diskors ieħor, li m’għamiltux jien imma għamlu s-Sindku, il-Bürgermeister ta’ Aachen: dan hu ġojjell, ġojjell tagħkom, Ġermaniż. Ġojjell. Aqrah u tintebaħ. L-Ewropa jeħtieġ tiddjaloga. L-Ewropa ma għandhiex tgħid: “Aħna magħqudin, issa ħa ngħidu lil Brussell: irranġaw intom, mexxu intom”. Le. Ilkoll aħna responsabbli tal-Unjoni Ewoprea, ilkoll. U din iċ-ċirkulazzjoni tal-presidenza mhix xi ġest ta’ kortesija qisek qed tiżfen ma’ xi żifna: imiss lilek, imiss lilek. Hi simbolu tar-responsabbiltà li kull pajjiż għandu lejn l-Ewropa. Jekk l-Ewropa ma tħarisx tajjeb lejn l-isfidi tal-futur, l-Ewropa se tinxef. Fi Strasbourg wasalt biex għidt li nħoss li l-Ewropa m’għadhiex qed tkun l-“Ewropa omm” u qed issir l-“Ewropa nanna”. Xjaħet. Tilfet ix-xewqa li taħdem flimkien. Forsi, bil-moħbi, xi ħadd jista’ jistaqsini: “Imma mhux ħa jkun dan it-tmiem ta’ avventura ta’ sebgħin sena?”. Hemm bżonn nerġgħu niksbu l-ispirtu tal-Missirijiet fundaturi: nerġgħu nsibuh. L-Ewropa għandha bżonn tagħha nfisha, li tkun hi nfisha, tal-identità tagħha, tal-għaqda tagħha, u tegħleb b’dan, b’tant affarijiet li toffri l-politika tajba, tegħleb il-firdiet u l-fruntieri. Qed naraw il-fruntieri, fl-Ewropa: dan mhux tajjeb. Lanqas il-fruntieri kulturali, ma jagħmlux ġid. Hu minnu li kull pajjiż għandu l-kultura tiegħu u għandu jieħu ħsiebha u jħarisha, imma fl-ispirtu ta’ priżma: hemm globalizzazzjoni fejn jiġu rrispettati l-kulturi ta’ kulħadd, imma kulħadd magħqud. Imma nitlobkom, tħallux li l-Ewropa tintrebaħ mill-pessimiżmu jew mill-ideoloġiji, għax l-Ewropa, bħalissa, qed tiġi attakkata mhux b’kanuni u bombi, imma b’ideoloġiji: ideoloġiji li mhumiex Ewropej, li ġejjin minn barra jew jitwieldu minn gruppi żgħar Ewropej, imma mhumiex kbar. Aħsbu fl-Ewropa, mifruda u fi gwerra, tas-snin 1914 u tal-1932-1933 sal-1939, meta faqqgħet il-gwerra: ejja ma nerġgħux lura għal dan, nitlobkom! Nitgħallmu mill-istorja. Ma naqgħux fl-istess ħofra. L-aħħar darba għidtilkom li jingħad li l-uniku annimal li jaqa’ darbtejn fl-istess ħofra hu l-bniedem: il-ħmar qatt ma jagħmel hekk!

 

Ma nafx x’nista’ ngħidlek iżjed… Imma aqrah dak id-diskors tas-Sindku, tal-Bürgermeister ta’ Aachen: hu ġojjell.

 

Gisotti:

Grazzi, Santità. Grazzi ta’ din id-disponibbiltà fi tmiem tlitt ijiem impenjattivi ħafna, anki għal dawn il-ħames vjaġġi wieħed wara l-ieħor, f’din l-ewwel parti tas-sena, hekk mimlija b’mumenti, hekk differenti minħabba fil-laqgħat li kellek. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Issa żewġ affarijiet. Minħabba l-klima [tal-kundizzjonijiet meterjoloġiċi], ilbieraħ kelli mmur bil-karozza: sagħtejn u erbgħin minuta. Kienet grazzja ta’ Alla: rajt pasjaġġ mill-isbaħ, li qatt ma kont rajt bħalu qabel. Qsamt it-Transilvanja kollha: xi ġmiel! Qatt ma kont rajt ħaġa bħal din. U llum, biex immur Blaj, l-istess: ħaġa sabiħa sabiħa sabiħa! Il-pajsaġġ ta’ dan il-pajjiż. Nirringrazzja wkoll lix-xita li ġagħlitni nivvjaġġa hekk u mhux bil-ħelikopter, biex seta’ jkolli iżjed kuntatt mar-realtà.

 

U t-tieni ħaġa, naf li xi wħud minnkom jemmnu, oħrajn le, imma jien sa ngħid lil dawk li jemmnu: itolbu għall-Ewropa, itolbu għall-Ewropa, għall-għaqda. Jalla l-Mulej jagħtina l-grazzja. Lil min ma jemminx: awguraw ir-rieda tajba, l-awgurju tal-qalb, ix-xewqa li l-Ewropa terġa’ ssir il-ħolma tal-Missirijiet fundaturi. Grazzi. Grazzi ħafna. U nawguralkom tmiem tajjeb tal-“festa” tagħkom [il-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali].

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard