VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

FESTA TA’ MERĦBA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

TISLIMA MILL-Q.T. PAPA FRANĠISKU

Xatt il-baħar ta’ Copacabana, Rio de Janeiro,

Il-Ħamis, 25 ta’ Lulju 2013

 

Għeżież Żgħażagħ,  il-lejla t-tajba!

Qabel xejn irrid nirringrazzjakom għax-xhieda taghkom ta’ fidi li qed tagħtu lid-dinja.  Dejjem smajt min jgħid li n-nies ta’ Rio ma jieħdux pjaċir bil-bard u x-xita, imma intom qegħdin hawn turu li l-fidi tagħkom hija aktar qawwija mill-bard u mix-xita.  Nifirħilkom! Intom eroj tassew!

Nara fikom il-ġmiel tal-wiċċ żgħażugħ ta’ Kristu u qalbi qed timpela bil-ferħ!  Niftakar l-ewwel Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar fuq skala internazzjonali.  Kien ċelebrat fl-1987 fl-Arġentina, fil-belt tiegħi ta’ Buenos Aires.  Għadni ngħożż ħaj f’moħħi l-kliem tal-Beatu Gwanni Pawlu II: “Għandi tant tama fikom!  Nawguralkom fuq kollox li ġgeddu il-fedeltà tagħkom fi Kristu u fis-salib feddej tiegħu” (Diskors liż-żgħażagħ, 11 ta’ April 1987, 1261).

Qabel inkompli nixtieq infakkar l-inċident traġiku fil-Guyana Franċisża fejn weġġgħu ż-żgħażagħ li kienu ġejjin għal din il-Jum.  Hemm tilfet ħajjitha ż-żagħzugħa Sophie Morinière, u kienu feruti żgħażagħ oħra.

Nitlobkom tagħmlu mument ta’ skiet u ta’ talb lil Alla, Missier tagħna għal Sophie, għal dawk feruti u għall-familji.

Din is-sena, il-Jum Dinji jsir mill-ġdid, għat-tieni darba, fl-Amerika Latina.  U intom iż-żgħażagħ weġibtu daqstant għall-istedina tal-Papa Benedittu XVI, li sejħilkom biex tiċċelebrawha.  Inroddilkom ħajr b’qalbi kollha! Lilu li sejħilna flimkien illum, hawn, nibgħatulu tislima u applaws kbir.  Intom tafu li qabel ma ġejt il-Brażil tkellimt miegħu, u tlabtu jkun miegħi fil-vjaġġ, bit-talb.  U hu qalli: nakkumpanjak bit-talb u nkun qrib tat-televiżjoni.  Għalhekk, bħalissa qiegħed qiegħed jarana.

Il-ħarsa tiegħi tinfirex fuq din il-folla kbira: Qegħdin tant!  Ġejtu mill-kontinenti kollha!  Spiss intom imbegħdin mhux biss ġeografikament, imma wkoll mill-aspett eżistenzjali, kulturali, soċjali, uman. Imma llum intom hawn, anzi llum qegħdin hawn, flimkien, magħqudin flimkien biex naqsmu bejnietna l-fidi u l-ferħ tal-laqgħa ma’ Kristu, li aħna dixxipli tiegħu.  Din il-ġimgħa, Rio jsir iċ-ċentru tal-Knisja, qalb tiegħu ħajja u żagħżugħa, għaliex intom weġibtu b’ġenerożità u kuraġġ għall-istedina li Ġesù għamlilkom biex tibqgħu miegħu, biex tkun il-ħbieb tiegħu.

Il-trejn ta’ dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ġie mill-bogħod u qasam in-Nazzjon Brażiljan kollu, għadda fuq il-passi tal-proġett «Bota fé – Qawwi l-fidi».  Illum wasal f’Rio de Janeiro.  Mill-Corcovado, Kristu Redentur jgħannaqna u jberikna.  Waqt li nħares lejn dan il-baħar, ix-xatt, u lejkom ilkoll, jiġi f’moħħi il-mument meta Ġesù sejjaħ l-ewwel dixxipli biex jimxu warajh fuq xatt l-għadira tat-Tiberja. Illum Ġesù qed jistaqsina mill-ġdid: Trid tkun dixxiplu tiegħi?  Trid tkun ħabib tiegħi?  Trid tkun xhud tal-Evanġelju tiegħi? Fil-qalba tas-Sena tal-Fidi dawn id-domandi jistednuna biex inġeddu l-impenn tagħna ta’ nsara.  Il-familji tagħkom u il-komunità lokali għaddewlkom dan ir-rigal kbir tal-fidi.  Illum ridt niġi hawn biex nikkonfermakom f’din il-fidi, il-fidi fi Kristu ħaj li jgħammar fikom, imma ġejt ukoll biex inkun jiena stess konfermat mill-entużjażmu tal-fidi tagħkom!  Intom tafu li fil-ħajja ta’ isqof hemm tant problem li jkunu jridu jiġu solvuti.  U b’dawn il-problemi u diffikultajiet, il-fidi ta’ isqof tista’ ssir waħda ta’ dieqa. Xi kruha meta jkollok isqof imdejjaq! Xi kruha!  U biex il-fidi tiegħi ma tkun ta’ dieqa, ġejt hawn biex nittieħed mill-entużjażmu tagħkom ilkoll!

Insellem mill-qalb lilkom lkoll.  Intom hawn preżenti, li ġejtu mill-ħames kontinenti, u permezz tagħkom. Insellem ukoll liż-żgħażagħ tad-dinja, b’mod speċjali lil dawk li xtaqu jiġu Rio de Janeiro u ma setgħux jiġu.  Lil dawk li huma magħqudin magħna permezz tar-radju, tat-televiżjoni u l-internet, lilkom ilkoll ngħidilkom: Merħba f’din il-festa ta’ fidi!  F’partijiet differenti tad-dinja, f’dan l-istess waqt, ħafna żgħażagħ inġabru biex jgħixu flimkien magħna dan il-mument: inħossuna magħqudin hemmhekk, wieħed mal-oħrajn fil-ferħ, fil-ħbiberija, fil-fidi.  U ibqgħu ċerti: il-qalb tiegħi tgħannaqkom ikoll b’imħabba universali.  Għaliex dak li hu l-aktar importanti llum huwa l-għaqda tagħkom u l-għaqda taż-żgħażagħ kollha li qegħdin isegwuna permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.  Kristu Redentur, minn fuq il-quċċata tal-muntanja ta’ Corcovado, jilqgħakom u jgħannaqkom f’din il-belt sabiħa ta’ Rio!

Tislima partikolari lill-President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Lajċi, l-għażiż Kardinal Stanislaw Rylko, li ma jgħijjiex, u lil dawk kollha li jaħdmu miegħu.  Inrodd ħajr lil Monsinjur Orani João Tempesta, Arċisqof ta’ San Sebastjan f’Rio de Janeiro, għall-kordjalità li laqgħani biha – u hawn irrid ngħid li n-nies ta’ Rio jafu jilqgħu tajjeb, jafu jagħtu merħba kbira – u nroddilhom ħajr tax-xogħol kbir biex isir dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ flimkien mal-isqfijiet awżiljarji tagħkom u mad-djoċesijiet differenti ta’ dan il-Brażil immense.  Nuri r-ringrazzjament tiegħi lill-awtoritajiet kollha, nazzjonali, statali u lokali u lil dawk kollha li kienu nvoluti biex dan il-mument uniku ta’ ċelebrazzjoni ta’ għaqda, ta’ fidi, ta’ fraternità, isir realtà.  Grazzi lil ħuti Isqfijiet, lis-saċerdoti, lis-seminaristi, lill-persuni konsagrati u lill-insara lajċi li qed jakkumpanjaw liż-żgħażagħ, mill-partijiet differenti tal-Pjaneta tagħna, fil-pellegrinaġġ tagħhom lejn Ġesù.  Lilkom ilkoll tgħannieqa mill-qalb f’Ġesù u ma’ Ġesù.

Ħuti u ħbieb, nagħtikom merħba għat-28 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, f’din il-belt meraviljuża ta’ Rio de Janeiro!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia