VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

LAQGĦA MAL-VOLUNTIERA

DISKORS TAL-Q.T. PAPA FRANĠISKU

Padiljun 5 ta’ Rio Centro, Rio de Janeiro
Il-Ħadd, 28 ta’ Lulju 2013

 

 

Għeżież Voluntiera, Il-lejla t-tajba!

Ma stajtx nirritorna Ruma bla ma qabel inkun raddejt ħajr b’mod personali u affettiv lil kull wieħed u waħda minnkom għax-xogħol u d-dedikazzjoni li bihom akkumpanjajtu, għintu u qdejtu l-eluf ta’ żgħażagħ pellegrini; għal tant ġesti żgħar, li għamlu dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ esperjenza ta’ fidi li ma tinteshiex.  Bit-tbissim ta’ kull wieħed minnkom, bil-ġentilezza, bid-disponibbiltà fil-qadì, tajtu prova li nkunu aktar hienja meta nagħtu milli meta nirċievu.  (Atti 20:35).

Il-qadì li tajtu f’dawn il-jiem fakkarni fil-missjoni ta’ San Ġwann il-Battista, li ħejja għall-mixja ta’ Ġesù. Kull wieħed, bil-mod tiegħu, kien strument sabiex eluf ta’ żgħażagħ kellhom it-triq imħejjija biex jiltaqgħu ma’ Ġesù.  U dan huwa l-isbaħ qadì li nistgħu nagħmlu bħala dixxipli missjunarji. Inħejju t-triq biex kulħadd ikun jistgħu jagħrfu, jiltaqgħu miegħu u jħobbu lill-Mulej.  Lilkom li f’dan il-perjodu weġibtu b’tant prontezza u ġenerożità għas-sejħa biex tkunu volontarji fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, irrid ngħidilkom: kunu dejjem ġenerużi ma’ Alla u mal-oħrajn: ma titilfu xejn, anzi l-għana ta’ ħajja li tirċievu hija kbira!

Alla jsejjaħ għal għażliet definittivi, għandu proġett għal kull wieħed: li tiskopruh, twieġbu għas-sejħa proprja tagħkom huwa li timxu lejn ir-realizzazzjoni hienja tagħkom stess. 

Alla jsejjaħ lil kulħadd għall-qdusija, biex jgħix il-ħajja tiegħu, imma għandu triq għal kull wieħed.  Uħud huma msejħa biex jitqaddsu billi jibnu familja permezz tas-Sagrament taż-żwieġ. Hemm min jgħid li llum iż-żwieġ m’għadux moda.  M’għadux moda? [Le …]  Fil-kultura tal-proviżorju, tar-relattiv, ħafna jippriedkaw li l-importanti huwa li tgawdi l-mument, li ma jiswa xejn li timpenja lilek innifsek għal ħajtek kollha., li tagħmel għażliet definittivi għal dejjem, għaliex ma tafx l-għada x’għandu għalik.  Imma jiena ngħidilkom biex tkunu rivoluzjonarji, nitlobkom  li tmorru kontra l-kurrent; iva, f’dan nitlobkom li tirribbellaw kontra din il-kultura tal-proviżorju, li fil-fond tagħha temmen li intom mhux preparati li tassumu responsabiltà, temmen li m’intomx kapaċi li tħobbu tassew.  Jiena għandi fiduċja fikom żgħażagħ u nitlob għalikom.  Kunu kuraġġużi li tmorru kontra l-kurrent.  U kunu wkoll kuraġġużi li tkunu ferħanin.

Il-Mulej issejjaħ uħud għas-saċerdozju, biex jagħtu lilhom infushom b’mod totali, biex iħobbu lil kulħadd bil-qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb.  Oħrajn isejħilhom biex jaqdu fil-ħajja reliġjuża: fil-monasteri fejn jiddedikaw lilhom infushom għat-talb għall-ġid tad-dinja, f’setturi differenti tal-appostolat, li jagħtu lilhom infushom għall-kulħadd, speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn.  Jiena ma ninsa’ qatt dak il-21 ta’ Settembru – kelli 17-il sena – meta, wara li kont waqaft fil-knisja ta’ San Ġużepp ta’ Flores biex inqerr, ħassejt għall-ewwel darba, li Alla kien qed isejjaħli. Tibżgħux minn dak li Alla jitlobkom! Jiswa li tgħid “iva” lil Alla.  Fih hemm l-hena!

Għeżież żgħażagħ, forsi hawn min għadu mhux ċar dwar x’se jagħmel b’ħajtu.  Staqsuha lil Mulej, Huwa jgħinkom tagħrfu t-triq.   Kif għamel iż-żagażugħ Samwel li sema’ ġewwa fih il-leħen insistenti tal-Mulej li kien qed isejjaħlu, imma ma kienx qed jifhem, ma kienx jaf xi jgħid u, bl-għajnuna tas-saċerdot Eli, fl-aħħar wieġeb lil dak il-leħen: “Tkellem, Mulej, għax jiena qiegħed nisemgħek” (ara 1 Sam 3:1-10). Staqsu intom ukoll lil-Mulej: Xi trid li jiena nagħmel, xi triq għandi ngħaddi minnha?

Għeżież ħbieb, inroddikom ħajr mill-ġdid għal dak li għamiltu f’dawn il-jiem. Inrodd ħajr lill-gruppi parrokkjali, lill-movimenti u lill-komunitajiet il-ġodda li poġġew lill-membri tagħhom għas-servizz ta’ dan il-Jum.  Grazzi!  Tinsewx dak kollu li rajtu hawn!  Ibqgħu dejjem ċerti mit-talb tiegħi u naf li jiena nista’ nibqa’ ċert mit-talb tagħkom.  L-aħħar ħaġa, itolbu għalija.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia