VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 

VIA CRUCIS MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Xatt ta’ Copacabana, Rio de Janeiro

Il-Ġimgħa 26 ta’ Lulju 2013

 

 

Għeżież żgħażagħ!

 

Ġejna hawn il-lum biex nakkumpanjaw lil Ġesù tul il-mixja tiegħu ta’ tbatija u ta’ mħabba, it-triq tas-Salib, li hi wieħed mill-mumenti qawwija tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Fi tmiem is-Sena Mqaddsa tal-Fidwa, il-Beatu Ġwanni Pawlu II ried jafda s-Salib f’idejkom iż-żgħażagħ, u qalilkom: “Ħuduh fid-dinja bħala sinjal ta’ l-imħabba ta’ Ġesù għall-bnedmin u ħabbru lil kulħadd li fi Kristu mejjet u rxuxtat biss hemm is-salvazzjoni u l-fidwa” (Messaġġ liż-żgħażagħ, 22 ta’ April 1984: Insegnamenti VII,1 [1984], 1105).  Minn dak in-nhar dan is-Salib rifes fuq kull kontinent u mess mad-diversi realtajiet ta’ l-eżistenza umana, biex ġie kważi assorbit fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ tant żgħażagħ li rawh u refgħuh.  Għeżież ħuti, ħadd ma jista’ jmiss is-Salib ta’ Ġesù mingħajr ma jħalli fih parti minnu nnifsu u mingħajr ma jieħu mis-Salib ta’ Ġesù Kristu xi ħaġa li tiswa għal ħajtu.  Tliet mistoqsijiet nixtieq li jidwu fi qlubkom il-lejla meta qegħdin nagħmlu din il-mixja mal-Mulej: X’ħallejtu fis-Salib intom, għeżież żgħażagħ tal-Brażil, f’dawn is-sentejn li tulhom qasam il-pajjiż kbir tagħkom?  U x’ħalla s-Salib ta’ Ġesù f’kull wieħed u waħda minnkom?  U fl-aħħar nett, x’jgħallimna fil-ħajja tagħna dan is-Salib?

 

1. Tradizzjoni antika tal-Knisja ta’ Ruma tirrakkonta kif l-Appostlu Pietru, huwa u ħiereġ mill-belt biex jaħrab mill-persekuzzjonijiet ta’ Neruni, jilmaħ lil Ġesù miexi fid-direzzjoni opposta u kollu mistagħġeb jistaqsih: “Mulej, fejn int sejjer?”.  It-tweġiba ta’ Ġesù kienet: “Dieħel Ruma biex nissallab mill-ġdid”.  F’dak il-mument, Pietru fehem li kellu jimxi wara l-Mulej bil-kuraġġ, sa l-aħħar nett, imma fuq kollox fehem li qatt ma kien waħdu fil-mixja; miegħu kien hemm dejjem dak Ġesù li kien ħabbu tant li miet għalih.  Araw, Ġesù bis-Salib tiegħu jimxi fit-toroq tagħna u jerfa’ fuqu l-biżgħat tagħna, il-problemi tagħna, it-tbatijiet tagħna, anki dawk l-iżjed profondi.  Bis-Salib tiegħu Ġesù jingħaqad mas-silenzju tal-vittmi tal-vjolenza, li m’għadhomx jistgħu jgħajtu iżjed, fuq kollox ma’ l-innoċenti u dawk li m’għandhom ħadd min jiddefendihom; b’Salibu, Ġesù jingħaqad mal-familji li jinsabu fid-diffikultà, u li qed jibku l-mewt traġika ta’ wliedhom, bħal fil-każ tal-242 vittmi żgħażagħ tal-ħruq fil-belt ta’ Santa Maria fil-bidu ta’ din is-sena.  Nitolbu għalihom.  Bis-Salib tiegħu, Ġesù jingħaqad ma’ dawk kollha li qed ibatu l-ġuħ f’dinja li, min-naħa l-oħra, tippermetti l-lussu li kuljum tarmi tunnellati ta’ ikel; bis-Salib, Ġesù hu magħqud ma’ tant ommijiet u missirijiet li qed ibatu jaraw lil uliedhom vittmi ta’ ġenniet artifiċjali bħalma hi d-droga; bis-Salib, Ġesù jingħaqad ma’ min hu ppersegwitat minħabba r-reliġjon, il-fehmiet tiegħu, jew sempliċement minħabba l-kulur tal-ġilda; fis-Salib, Ġesù hu magħqud ma’ tant żgħażagħ li tilfu l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet politiċi għax jilmħu l-egoiżmu u l-korruzzjoni jew li tilfu l-fidi fil-Knisja, u saħansitra f’Alla, minħabba l-inkoerenza ta’ l-Insara u tal-ministri tal-Vanġelu.  Kemm iġagħluh ibati lil Ġesù l-inkoerenzi tagħna!  Fis-Salib ta’ Kristu hemm it-tbatija, id-dnub tal-bniedem, anki tagħna, u Hu jilqa’ kollox b’idejh miftuħa, jerfa’ fuq spallejh is-slaleb tagħna u jgħidilna: Kuraġġ!  M’intix terfagħhom waħdek!  Jiena qed inġorrhom miegħek u jiena rbaħt il-mewt u ġejt biex nimliek bit-tama, biex nagħtik il-ħajja (ara Ġw 3:16).

 

2. Issa nistgħu nwieġbu għat-tieni mistoqsija: X’ħalla s-Salib f’dawk li rawh u f’dawk li messew miegħu?  Xi jħalli s-Salib f’kull wieħed u waħda minna?  Araw: iħalli ġid li ħadd iżjed ma jista’ jagħtina: iċ-ċertezza ta’ l-imħabba fidila ta’ Alla lejna.  Imħabba hekk kbira li tidħol fid-dnub tagħna u taħfirlu, tidħol fit-tbatija tagħna u tagħtina l-qawwa biex inġorruha, tidħol anki fil-mewt biex tirbaħha u tifdina.  Fis-Salib ta’ Kristu hemm l-imħabba kollha ta’ Alla, hemm il-ħniena tiegħu bla tarf.  U din hi mħabba li nistgħu nafdawha, li nistgħu nemmnuha.  Għeżież żgħażagħ, ejjew nafdaw f’Ġesù, nafdaw ruħna f’idejh (ara Ittra enċiklika Lumen fidei, 16), għax Hu qatt ma jiddeludi lil ħadd!  Fi Kristu mejjet u rxuxtat biss nistgħu nsibu s-salvazzjoni u l-fidwa.  Bih, il-ħażen, it-tbatija u l-mewt m’għandhomx l-aħħar kelma, għax Hu jagħtina t-tama u l-ħajja: hu bidel is-Salib minn strument ta’ mibegħda, ta’ telfa u ta’ mewt għal sinjal ta’ mħabba, ta’ rebħa, ta’ trijonf u ta’ ħajja.

 

L-ewwel isem mogħti lill-Brażil kien propju dak ta’ “Terra de Santa Cruz”.  Is-Salib ta’ Kristu mhux biss ġie mwaqqaf fuq ir-ramel ta’ xatt il-baħar ’il fuq minn ħames sekli ilu, imma anki fl-istorja, fil-qalb u fil-ħajja tal-poplu Brażiljan u ta’ għadd ta’ popli oħra.  Kristu li jbati nħossuh qrib tagħna, wieħed minna li jaqsam magħna l-mixja tagħna sa l-aħħar.  F’ħajjitna m’hemmx salib, kbir jew żgħir, li l-Mulej ma jerfgħux magħna.

 

3. Imma s-Salib ta’ Kristu jistedinna wkoll biex nittieħdu minn din l-imħabba, mela jgħallimna nħarsu dejjem lejn il-persuna l-oħra bi ħniena u mħabba, fuq kollox lejn min qed ibati, min għandu bżonn l-għajnuna, min qed jistenna kelma, ġest; is-Salib jistedinna noħorġu minna nfusna biex niltaqgħu magħhom u nagħtuhom idejna.  Rajniehom kemm-il darba fil-Via Crucis, kemm-il darba mxew ma’ Ġesù fil-mixja tiegħu lejn il-Kalvarju: Pilatu, iċ-Ċirinew, Marija, in-nisa…  Il-lum jien nistaqsik: Int bħal min minnhom tixtieq tkun?  Trid tkun bħal Pilatu, li m’għandux il-kuraġġ jimxi kontra l-kurrent biex isalva l-ħajja ta’ Ġesù, u jaħsel idejh minnu?  Għidli: int wieħed minn dawk li jaħslu jdejhom, li jagħmluha ta’ boloh u jdawru wiċċhom in-naħa l-oħra?  Jew int bħaċ-Ċirinew, li jgħin lil Ġesù jerfa’ dik l-għuda tqila, bħal Marija u n-nisa l-oħra, li ma jibżgħux jimxu ma’ Ġesù sa l-aħħar, bi mħabba, b’tenerezza?  U int, bħal min minn dawn tixtieq tkun?  Bħal Pilatu, bħaċ-Ċirinew, bħal Marija?  Ġesù qed iħares lejk issa u jgħidlek: Trid tgħinni nerfa’ dan is-Salib?  Ħuti: bl-enerġija kollha ta’ żgħażagħ li intom, x’se tweġbuh?

 

Għeżież żgħażagħ, f’riġlejn is-Salib ta’ Kristu nġibu l-ferħ tagħna, it-tbatija tagħna, il-fallimenti tagħna; hawn insibu Qalb miftuħa li tifhimna, taħfrilna, tħobbna u titlobna nwasslu din l-istess imħabba fil-ħajja tagħna, biex b’din l-istess imħabba nħobbu lil kull wieħed u waħda minn ħutna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard