VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
VELJA TA’ TALB MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Xatt ta’ Copacabana, Rio de Janeiro Is-Sibt 27 ta’ Lulju 2013
Għeżież żgħażagħ,
Jiena u nħares lejkom hawn preżenti l-lum, tiġini f’moħħi l-istorja ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Quddiem il-Kurċifiss jisma’ l-leħen ta’ Ġesù jgħidlu: “Franġisku, mur u sewwi d-dar tiegħi”. U ż-żagħżugħ Franġisku jwieġeb minnufih u b’ġenerożità għal din is-sejħa tal-Mulej: li jsewwi d-dar tiegħu. Imma liema dar? Ftit ftit jintebaħ li dan ma kienx ifisser li jagħmilha ta’ bennej u jsewwi l-binja magħmula mill-ġebel, imma li jagħti l-kontribut tiegħu b’riżq il-ħajja tal-Knisja; kien ifisser li jingħata għas-servizz tal-Knisja, iħobbha u jħabrek biex fiha jkun rifless dejjem iżjed il-Wiċċ ta’ Kristu.
Anki l-lum il-Mulej għad għandu bżonn tagħkom iż-żgħażagħ għall-Knisja tiegħu. Għeżież żgħażagħ, il-Mulej għandu bżonnkom! Anki l-lum hu qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom biex timxu warajh fil-Knisja tiegħu u biex tkunu missjunarji. Għeżież żgħażagħ, il-Mulej il-lum qed isejħilkom! Mhux il-mases! Imma lilek, lilek, lilek, lil kull wieħed u waħda. Isimgħu f’qalbkom dak li jrid jgħidilkom. Naħseb li nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minn dak li seħħ f’dawn il-jiem, minn kif, minħabba l-maltemp, kellna nħassru din il-Velja mill-“Campus Fidei”, fi Guaratiba. Forsi dan m’hux il-Mulej li jrid jgħidilna li l-vera għalqa tal-fidi, il-veru “Campus Fidei”, m’hux post ġeografiku, imma aħna stess? Iva! Hekk hu! Kull wieħed u waħda minna, kull wieħed u waħda minnkom, jiena, kulħadd! U li tkun dixxiplu missjunarju jfisser li nkunu nafu li aħna l-Għalqa tal-Fidi ta’ Alla! Għaldaqstant, nitlaq minn din ix-xbieha ta’ l-Għalqa tal-Fidi biex nirrifletti fuq tliet xbihat li jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar xi jfisser tkun dixxiplu-missjunarju: l-ewwel xbieha, l-għalqa bħala post fejn wieħed jiżra’; it-tieni, l-għalqa bħala post ta’ taħriġ; it-tielet, l-għalqa bħala sît tal-bini.
1. L-ewwel: L-għalqa bħala post fejn wieħed jiżra’. Ilkoll nafuha l-parabbola ta’ Ġesù li tirrakkonta kif il-bidwi ħareġ jiżra’; xi żerriegħa waqgħet fil-mogħdija, qalb il-blat, f’nofs ix-xewk u ma rnexxilhiex tinbet; imma żerriegħa oħra waqgħet fuq art tajba u għamlet ħafna frott (ara Mt 13:1-9). Ġesù nnifsu jagħti t-tifsira tal-parabbola: iż-żerriegħa hi l-Kelma ta’ Alla li hu jitfa’ fil-qlub tagħna (ara Mt 13:18-23). Il-lum… kuljum, imma l-lum b’mod speċjali, Ġesù qed jiżra’. Meta nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, allura nsiru l-Għalqa tal-Fidi. Nitlobkom, ħallu lil Kristu u l-Kelma tiegħu jidħlu fil-ħajja tagħkom, ħallu ż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla tidħol fikom, ħalluha tinbet, ħalluha tikber. Alla hu li jagħmel kollox, imma intom ħalluh jaħdem, ħallu lilU jaħdem f’dan il-proċess ta’ tkabbir!
Ġesù jgħidilna li ż-żerriegħa li waqgħet fuq il-ġenb tal-mogħdija jew qalb il-blat inkella f’nofs ix-xewk, din ma tatx frott. Nemmen li, bl-onestà kollha, nistgħu nagħmlu din il-mistoqsija lilna nufsna: Xi kwalità ta’ art aħna, x’tip ta’ art nixtiequ nkunu? Forsi xi kultant aħna bħall-mogħdija: nisimgħu lill-Mulej, imma dan ma jibdel xejn f’ħajjitna, għax inħallu jdallmulna moħħna tant sejħat superfiċjali li nisimgħu. Jien nistaqsikom, imma tweġbux issa, kull wieħed u waħda jwieġeb fil-qalb tiegħu: Jien żagħżugħ, żagħżugħa, stordut? Jew aħna bħall-art kollha blat: nilqgħu bil-ħeġġa lil Ġesù, imma m’aħniex sodi quddiem id-diffikultajiet u m’għandniex il-kuraġġ li nimxu kontra l-kurrent. Kull wieħed u waħda minna jwieġeb fil-qalb tiegħu: Għandi l-kuraġġ jew jien beżżiegħ? Jew aħna bħall-art mimlija xewk: il-ħwejjeġ, il-passjonijiet negattivi joħonqu l-kelma ta’ Alla li hemm fina (ara Mt 13:18-22). Jaqaw f’qalbi mdorri nġib ruħi issa mod u issa ieħor: nipprova nidher sabiħ ma’ Alla u nidher sabiħ max-Xitan? Irrid nirċievi ż-żerriegħa ta’ Ġesù u fl-istess ħin insaqqi x-xewk u l-ħaxix ħażin li jinbet fil-qalb tiegħi? Il-lum, imma, jiena ċert li ż-żerriegħa tista’ taqa’ fuq art tajba. Qed nisimgħu dawn ix-xhieda, kif iż-żerriegħa waqgħet fuq art tajba. “Le, Dun, jien m’iniex art tajba, jiena diżastru, jiena mimli blat, xewk, minn kollox”. Iva, jista’ jkun li hemm minn dan fil-qoxra, imma int agħmel ftit wisa’ għal roqgħa ċkejkna ta’ art tajba, u ħalliha taqa’ hemm u tara kif tinbet. Jiena naf li intom tridu tkunu art tajba, Insara ta’ veru, mhux Insara part-time; mhux Insara “illamtati”, maqtugħin, hekk li minn barra jagħmluha ta’ Nsara imma, minn taħt, ma jagħmlu xejn; mhux Insara tal-qoxra, dawk l-Insara li għandhom “dehra pura”, imma Nsara awtentiċi. Naf li intom ma tridux tgħixu fl-illużjoni ta’ libertà inkonsistenti li tinġarr mill-moda u l-konvenjenzi tal-mument. Naf li intom timmiraw fl-għoli, lejn għażliet defenittivi li jagħtu sens sħiħ lill-ħajja. Hekk hu? Jew għandi żball? Hekk hu? Tajjeb, jekk hu hekk, nagħmlu ħaġa: ilkoll fis-skiet, inħarsu lejn qalbna u kull wieħed u waħda minna jgħid lil Ġesù li jixtieq jirċievi din iż-żerriegħa. Għidulu lil Ġesù: Ħares, Ġesù, kemm hawn ġebel, ara x-xewk, ara l-ħaxix ħażin, imma ħares lejn din ir-roqgħa ċkejkna ta’ art li qed noffrilek biex fiha tpoġġi ż-żerriegħa. Fis-skiet, inħallu ż-żerriegħa ta’ Ġesù tinfed. Ftakruh dan il-mument, kull wieħed u waħda minnkom jaf l-isem ta’ dik iż-żerriegħa li rċieva. Ħalluha tikber, u Alla jieħu ħsiebha hu.
2. L-għalqa. L-għalqa, barra li hi post ta’ żrigħ, hi post ta’ taħriġ. Ġesù jitlobna nimxu warajh tul ħajjitna kollha, jitlobna nkunu dixxipli tiegħu, “nilagħbu fit-tîm tiegħu”. Il-parti l-kbira minnkom tħobbuh l-isport. U hawn fil-Brażil, bħal f’pajjiżi oħra, il-logħob tal-ballun hu passjoni nazzjonali. Iva jew le? Tajjeb, mela x’jagħmel plejer meta jiġi msejjaħ biex jagħmel parti minn tîm? Hemm bżonn jitħarreġ, u jitħarreġ ħafna! Hekk hi ħajjitna bħala dixxipli tal-Mulej. San Pawl, huwa u jiddeskrivi l-Insara, jgħidilna: “Kull atleta jiċċaħħad minn kollox, u dawn biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx” (1 Kor 9:25). Ġesù joffrilna xi ħaġa bil-wisq aqwa mit-Tazza tad-Dinja! Xi ħaġa aqwa mit-Tazza tad-Dinja! Ġesù joffrilna l-possibbiltà ta’ ħajja li tagħmel il-frott, ta’ ħajja hienja, u joffrilna wkoll futur flimkien miegħU li m’għandux tmiem, fil-ħajja ta’ dejjem. Dan hu li joffrilna Ġesù. Imma jitlobna nħallsu l-biljett tad-dħul, u l-biljett tad-dħul hu li aħna nitħarrġu biex inkunu “in forma”, biex naffrontaw bla biża’ s-sitwazzjonijiet kollha tal-ħajja, billi nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. Dan permezz tad-djalogu miegħU: it-talb. Dun, issa se ġġegħilna nitolbu kollha? Le? Nistaqsikom… imma wieġbu fil-qalb tagħkom, mhux b’leħen għoli, imma fis-skiet: Jiena nitlob? Kull wieħed u waħda jwieġeb hu fil-qalb tiegħu. Jien nitkellem ma’ Ġesù? Jew nibża’ mis-silenzju? Inħallih lill-Ispirtu s-Santu jitkellem fil-qalb tiegħi? Nitolbu lil Ġesù: Xi trid li jiena nagħmel? Xi trid minn ħajti? Dan hu t-taħriġ. Staqsuh lil Ġesù, tkellmu ma’ Ġesù. U jekk fil-ħajja tagħmlu xi żball, jekk tiżolqu xi waħda, jekk tagħmlu xi ħaġa ħażina, tibżgħux. Ġesù, ara x’għamilt! Issa xi rrid nagħmel? Imma tkellmu dejjem ma’ Ġesù, fit-tajjeb u fil-ħażin, sew jekk tagħmlu xi ħaġa tajba u sew jekk tagħmlu xi ħaġa ħażina. Tibżgħux minnU! Dan hu t-talb. U b’dan tkunu qed titħarrġu fid-djalogu ma’ Ġesù, f’dan id-dixxipulat missjunarju! Permezz tas-Sagramenti, li jkabbru l-preżenza tiegħu fina. Permezz ta’ l-imħabba bejn l-aħwa, li nsiru kapaċi nisimgħu, nifhmu, naħfru, nilqgħu, ngħinu lill-oħrajn, lil kull persuna, mingħajr ma neskludu lil ħadd, mingħajr ma nemarġinaw. Għeżież żgħażagħ, kunu veri “atleti ta’ Kristu”!
3. U t-tielet: L-għalqa bħala sît tal-bini. Hawn qed naraw quddiem għajnejna kif dan seta’ jinbena propju hawn: l-ewwel tħeġġu ż-żgħażagħ, tħabtu u bnew il-Knisja. Meta l-qalb tagħna hi art tajba li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, meta biex ngħixu ta’ Nsara “inxarrbu l-flokk bl-għaraq”, aħna nesperjenzaw xi ħaġa kbira: m’aħna qatt waħidna, aħna parti minn familja ta’ aħwa li mexjin fl-istess triq: aħna parti mill-Knisja. Dawn iż-żgħażagħ ma kinux waħidhom, imma flimkien għamlu mixja u bnew il-Knisja, flimkien wettqu dak li għamel San Franġisk: bena, sewwa l-Knisja. Nistaqsikom: Tridu tibnu l-Knisja? [Iva…] Għandkom biżżejjed ħeġġa biex tagħmlu dan? [Iva…] U għada sa tkunu nsejtu din l-“iva” li għidtu? [Le…] Hekk irrid! Aħna parti mill-Knisja, anzi, insiru bennejja tal-Knisja u protagonisti ta’ l-istorja. Żgħażagħ, nitlobkom: toqogħdux f’tarf id-“denb” ta’ l-istorja. Kunu protagonisti. Ilagħbu fl-attakk! Ixxuttjaw il-ballun ’il quddiem, ibnu dinja aħjar, dinja ta’ aħwa, dinja ta’ ġustizzja, ta’ mħabba, ta’ paċi, ta’ fraternità, ta’ solidarjetà. Ilagħbu dejjem fl-attakk! San Pietru jgħidilna li aħna ġebel ħaj li jinbena f’dar spiritwali (ara 1 Piet 2:5). U ejjew inħarsu lejn dan il-palk, jidher li hu f’għamla ta’ knisja mibnija b’ġebel ħaj. Fil-Knisja ta’ Ġesù aħna l-ġebel ħaj, u Ġesù jitlobna nibnu l-Knisja tiegħu; kull wieħed u waħda minna hu ġebla ħajja, hu biċċa żgħira mill-binja, u, meta tinżel ix-xita, jekk ma jkunx hemm din il-biċċa, jidhru x-xquq, u jidħol l-ilma fid-dar. U tibnux xi kappella ċkejkna li tista’ tikkuntenta biss grupp ċkejken ta’ persuni. Ġesù jitlobna li l-Knisja ħajja tiegħu tkun kbira biex tista’ tilqa’ fiha lill-bnedmin kollha, tkun id-dar ta’ kulħadd! Hu jgħid lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”. Il-lejla nweġbuh: Iva, Mulej, anki jien irrid inkun ġebla ħajja; flimkien irridu nibnu l-Knisja ta’ Ġesù! Irrid noħroġ biex insir bennej tal-Knisja ta’ Kristu! Se titħeġġu biex ittennuh dan? Irrid noħroġ biex insir bennej tal-Knisja ta’ Kristu. Ħa naraw issa… [iż-żgħażagħ jirrepetu] Imbagħad ftakru li dan għidtuh flimkien.
Il-qalb tiegħek, qalb żagħżugħa, trid tibni dinja aħjar. Insegwi l-aħbarijiet tad-dinja u nara li tant żgħażagħ f’tant partijiet tad-dinja ħarġu fit-toroq biex jesprimu x-xewqa tagħhom għal ċiviltà iktar ġusta u fraterna. Iż-żgħażagħ fit-toroq. Huma żgħażagħ li jridu jkunu protagonisti tal-bidla. Nitlobkom, tħallux li oħrajn ikunu l-protagonisti tal-bidla flokkom! Intom dawk li għandhom il-futur f’idejhom! Intom… Permezz tagħkom jidħol il-futur fid-dinja. Lilkom nitlob ukoll li tkunu protagonosti ta’ din il-bidla. Komplu irbħu l-apatija, biex toffru tweġiba Nisranija għat-taqlib soċjali u politiku, li qed jixref f’tant irkejjen tad-dinja. Nitlobkom li tkunu bennejja tad-dinja, biex timpenjaw ruħkom b’riżq dinja aħjar. Għeżież żgħażagħ, nitlobkom, “tibqgħux gallarija” quddiem il-ħajja, imma idħlu fiha. Ġesù ma qagħadx gallarija, imma ntefa’ kollu kemm hu ġol-ħajja. Tħarsux lejn il-ħajja “mill-gallarija”, imma ntefgħu fiha kif għamel Ġesù.
Imma baqa’ mistoqsija: Mnejn nibdew? Lil min se nitolbu biex jibdieh dan? Mnejn nitilqu? Darba lil Madre Teresa ta’ Calcutta staqsewha xi xtaqet tibdel fil-Knisja, minn liema ħajt kellhom jibdew. Minn fejn – staqsewha lil Madre Teresa – hemm bżonn nibdew? “Minnek u minni!”, wieġbet hi. X’determinazzjoni kellha din il-mara! Kienet taf mnejn għandha tibda. Anki jien il-lum nisraq il-kelma minn fuq fomm Madre Teresa u ngħidilkom: Nibdew? Minn fejn? Minnek u minni! Mill-ġdid, kull wieħed u waħda fis-skiet, jistaqsi lilu nnifsu: Jekk hu minni nnifsi li rrid nibda, mnejn eżatt sa nitlaq? Kull wieħed u waħda jiftaħ qalbu biex Ġesù jgħidlu mejn jibda.
Għeżież ħbieb, tinsewx: kunu intom l-għalqa tal-fidi! Kunu l-atleti ta’ Kristu! Kunu l-bennejja ta’ Knisja isbaħ u ta’ dinja aħjar. Ngħollu ħarsitna lejn il-Madonna. Hi tgħinna nimxu wara Ġesù, tagħtina l-eżempju bl-“iva” tagħha lil Alla: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek” (Lq 1:38). Flimkien ma’ Marija, ngħidulu aħna wkoll lil Alla: Ħa jsir minni skond kelmtek. Ammen!
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard
|