VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO
FL-OKKAŻŻJONI TAT-28 JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

QUDDIESA GĦAT-28 JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Lungomare di Copacabana, Rio de Janeiro
Il-Ħadd, 28 ta’ Lulju, 2013

Għeżież ħuti,

Għeżież żgħażagħ! 

 

Morru, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”.  B’dawn il-kelmiet, Ġesu’jdur lejn kull wieħed u waħda minnkom u jgħidilkom: “Kienet ħaġa sabiħa li ħadtu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, tgħixu l-fidi flimkien ma’ żgħażagħ li ġew mill-erbat irjieħ tad-dinja, imma issa inti trid tmur u tgħaddi din l-esperjenza lill-oħrajn”. Ġesu’ qed isejjaħlek biex tkun dixxiplu f’missjoni!  Illum, fid-dawl tal-Kelma t’Alla li għadna kemm smajna, x’inhu jgħidilna l-Mulej?  X’inhu jgħidilna l-Mulej? Tlitt kelmiet:  Morru, mingħajr biża’, biex taqdu.

1. Morru.  F’dawn il-jiem, hawn f’Rio, stajtu tagħmlu l-esperjenza sabiħa li tiltaqgħu ma’ Ġesu u li tiltaqgħu miegħu flimkien, ħassejtu l-ferħ tal-fidi. Imma l-esperjenza ta’ din il-laqgħa ma tistax tibqa’ magħluqa f’ħajjitkom jew fil-grupp żgħir tal-parroċċa, tal-moviment, tal-komunita’ tagħkom.  Jekk dan iseħħ, ikun bħallikieku wieħed qed ineħħi l-ossiġnu minn fjamma li tkun qed taqbad.  Il-fidi hija fjamma li ssir dejjem iktar ħajja daqskemm tkun maqsuma ma’ oħrajn, tiġi mogħtija sabiex kulħadd ikun jista’ jagħraf, iħobb u jistqarr li Ġesu’ hu l-Mulej tal-ħajja u tal-istorja (ara Rum 10, 9).

Iżda kunu attenti!  Ġesu’ ma qalx: jekk tridu, jekk għandkom żmien, morru, imma qal: “Morru, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”.  Li naqsmu mal-oħrajn l-esperjenza tal-fidi, nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, inħabbru l-Evanġelju  huwa l-kmand li Ġesu’ ħalla lill-Knisja kollha, lilek ukoll; iżda huwa kmand li ma jiġix mir-rieda li taħkem, mir-rieda tal-poter, imma mill-qawwa tal-imħabba, mill-fatt li Ġesu’ kien l-ewwel li ġie fostna li ma taniex xi ħaġa tiegħu, imma tana lili nnifsu kollu kemm Hu, Hu ta ħajtu biex isalvana u jurina l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.  Ġesu’ ma jimxix magħna bħala lsiera, imma bħala persuni ħielsa, bħala ħbieb, bħala aħwa; u mhux biss jibgħatna, imma jimxi magħna, huwa dejjem ħdejna f’din il-missjoni ta’ mħabba.

Fejn qed jibgħatna Ġesu’?  M’hemmx konfini, m’hemmx limiti:  jibgħatna għand kulħadd.  L-Evanġelju huwa għal kulħadd u mhux għal ftit.  Mhux għal dawk li jidhrilna li huma qribna, li jistgħu jilqgħuh aktar, li juru sens aktar ta’ ħbiberija.  Huwa għal kulħadd.  La tibżgħux tmorru u twasslu ‘l Kristu f’kull ambjent, sal periferiji eżistenzjali, anke lil dawk li jidhru l-aktar imbegħeda, l-aktar indifferenti.  Il-Mulej ifittex lil kulħadd, irid li kulħadd iħoss is-sħana tal-ħniena tiegħu u tal-imħabba tiegħu.

B’mod speċjali, nixtieq li dan il-kmand ta’ Kristu: “Morru”, jinstema’ fikom, żgħażagħ tal-Knisja fl-Amerika Latina, impenjati fil-missjoni kontinentali mnedija mill-Isqfijiet.  Il-Brażil, l-Amerika Latina, id-dinja tenħtieġ lil Kristu!  San Pawl jgħid:  “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!” (I Kor 9, 16).  Dan il-Kontinent laqa’ l-aħbar tal-Evanġelju li mmarkat mixjietu u tat ħafna frott.  Issa din l-aħbar hija afdata lilkom ukoll, biex tinstema’ b’qawwa mġedda.  Il-Knisja teħtieġkom, teħtieġ l-entużjażmu, il-kreattivita’ u l-ferħ li huma l-karatteristiċi tagħkom.  Appostlu kbir tal-Brażil, il-Beatu José de Anchieta, telaq għall-missjoni meta kellu biss dsatax-il sena.  Tafu liema huwa l-aħjar strument biex tevanġeliżża ż-żgħażagħ?  Żgħażugħ ieħor.  Din hija t-triq li tridu timxu minnha intom ilkoll!

2. Mingħajr biża’.  Xi ħadd jista’ jaħseb:  “Jien m’għandi l-ebda tħejjija speċjali, kif nista’ mmur u nxandar l-Evanġelju?”.  Għażiż ħabib, il-biża’ tiegħek m’huwiex wisq differenti minn dak ta’ Ġeremija, kif għadna kemm smajna fil-Qari, meta huwa kien imsejjaħ minn Alla sabiex ikun profeta: “Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir”.  Alla jgħid lilkom ukoll dak li qal lil Ġeremija: “La tibżax [...], għax jien miegħek biex neħilsek” (Ġer 1, 7.8).  Huwa hu magħna!

“La tibżgħux!”.  Meta mmorru biex inxandru ‘l Kristu, huwa nnifsu jmur qabilna u hu jmexxina.  Meta bagħat id-dixxipli tiegħu għal missjoni, wegħedhom: “Jiena magħkom dejjem” (Mt 28, 20).  U dan huwa veru għalina wkoll!  Ġesu’ qatt ma jħalli ‘l ħadd waħdu!  Huwa jakkumpanjana dejjem.

Ġesu’, imbagħad ma qalx: “Mur”, imma “Morru”:  aħna mibgħutin flimkien.  Għeżież żgħażagħ, ħossu l-kumpannija tal-Knisja kollha kemm hi u wkoll tal-komunjoni tal-Qaddisin.  Meta naffrontaw flimkien l-isfidi, imbagħad inkunu qawwijin, niskopru riżorsi li ma konniex nafu li għandna.  Ġesu’ ma sejjaħx l-Appostli biex jgħixu maqtugħin; huwa sejjħilhom biex jiffurmaw grupp, komunita’.  Irrid indur ukoll fuqkom, għeżież saċerdoti li qegħdin  tikkonċelebraw  miegħi din l-Ewkaristija: intom ġejtu biex takkumpanjaw iż-żgħażagħ tagħkom, u dan huwa sabiħ, li taqsmu din l-esperjenza ta’ fidi!  mIngħajr dubju dan jagħmilkom ilkoll żgħażagħ mill-ġdid.  Iż-żgħażugħ jgħaddi ż-żgħożija tiegħu bħal marda tittieħed.  Imma din hija waqfa waħda mill-mixja.  Nitlobkom, komplu akkumpanjawhom bil-ġenerożita’ u bil-ferħ, għinuhom sabiex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fil-Knisja; m’għandhom qatt iħossuhom weħidhom!  U hawn nixtieq inrodd ħajr minn qalbi lill-gruppi tal-pastorali taż-żgħażagħ, lill-movimenti u l-komunitajiet ġodda li jakkumpanjaw liż-żgħażagħ fl-esperjenza li jkunu Knisja, hekk kreattivi u hekk qalbienaImxu ‘l quddiem u la tibżgħux!

3.  L-aħħar kelma: biex taqdu.  Fil-bidu tas-Salm li pproklamajna hemm dawn il-kelmiet:  “Għannu lill-Mulej għanja ġdida” (Salm 95, 1).  Liema hija din l-għanja ġdida?  Mhux kliem, mhux melodija, imma huwa l-kant ta’ ħajjitkom; huwa meta tħallu li ħajjitna ssir tixbah lil dik ta’ Ġesu’, huwa meta jkollkom is-sentimenti tiegħu, il-ħsibijiet tiegħu, l-azzjonijiet tiegħu.  U l-ħajja ta’ Ġesu’ hija ħajja mgħotija għall-oħrajn.   Hija ħajja ta’ qadi.

San Pawl, fil-Qari li għadna kemm smajna ftit ilu, jgħid: “Jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna” (I Kor, 9, 19).  Biex ixandar lil Ġesu’, Pawlu sar “ilsir ta’ kulħadd”.  Li xxandar l-Evanġelju jfisser nagħtu xhieda b’ħajjitna stess tal-imħabba t’Alla, ifisser nirbħu l-egoiżmi tagħna, ifisser naqdu billi nitbaxxew u naħslu riġlejn ħutna bħalma għamel Ġesu’.

Tlitt kelmiet:  Morru, la tibżgħux, biex taqdu.  Morru, la tibżgħux, biex taqdu.   Jekk intom timxu fuq dawn it-tlitt kelmiet, intom tesperimentaw li min jevanġeliżża, huwa jiġi evanġeliżżat, min jittrasmetti l-ferħ tal-fidi, jirċievi aktar ferħ.  Għeżież żgħażagħ, meta terġgħu lura fi djarkom, tibżgħux tkunu ġenerużi ma’ Kristu, tagħtu xhieda tal-Evanġelju.  Fl-ewwel Qari, meta Alla jibgħat il-profeta Ġeremija, jagħtih is-setgħa “biex taqla’ u ġġarraf,  biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel” (Ġer 1, 10).  Għalikom ukoll huwa hekk.  Li twassal l-Evanġelju huwa li twassal il-qawwa t’Alla biex taqla’ u ġġarraf il-ħażen u l-vjolenza; biex teqred u tħott il-barrieri tal-egoiżmu, tal-intolleranza u tal-mibegħda; biex tibni dinja ġdida.  Għeżież żgħażagħ:  Ġesu’ Kristu jistrieħ fuqkom!  Il-Knisja tistrieħ fuqkom!  Il-Papa jistrieħ fuqkom!  Marija, Omm ta’ Ġesu’ u Omm tagħna, takkumpanjakom dejjem bit-tenerezza tagħha: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru OFM Cap.