VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻJONI TAT-XXVIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Xatt ta’ Copacabana, Rio de Janeiro
Il-Ħadd, 28 ta’ Lulju 2013.

 

Għeżiez ħuti,

 

Fi tmiem din iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, li biha offrejna lil Alla l-kant ta’ tifħir u ħajr tagħna għal kull grazzja li rċevejna matul da nil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, nixtieq mill-ġdid inrodd ħajr lil Monsinjur Orani Tempesta u lil Kardinal Rylko għall-kliem li qaluli.  Inrodd ħajr lilkom ukoll, għeżież żgħażagħ, għall-ferħat kollha li tajtuni f’dawn il-jiem.  Grazzi! Inġorr f’qalbi lil kull wieħed minnkom!

Issa ndawru ħarsitna lejn l-Omma tas-Sema, il-Verġni Marija.  F’dawn il-jiem, Ġesù tennilkom b’insistenza, l-istedina biex tkunu dixxipli missjunarji tiegħu; smajtuh leħen ir-Ragħaj it-Tajjeb li sejħilkom b’isimkom? U intom għaraftuh dak il-leħen li sejħilkom (ara Ġw 10:4).  Forsi mhux minnu, li f’dan il-leħen li smajtu f’qalbkom, ħassejtu il-ħlewwa tal-imħabba ta’ Alla?  Ippruvajtu l-ġmiel li timxu wara Kristu, flimkien, fil-Knisja? Fhimtu aktar li l-Evanġelju huwa t-tweġiba għax-xewqa ta’ ħajja aktar mimlija? (ara Ġw 10:10).  Veru?

Il-Verġni Immakulata tidħol għalina fis-Sema, bħal omma tajba li tħares lil uliedha.  Marija tgħallimna bl-eżistenza tagħha x’jiġifieri tkun dixxiplu missjunarju.  Kull darba li nitolbu l-Anġelus, nfakkru l-ġrajja li bidlet għal dejjem l-istorja tal-bnedmin.  Meta l-Anġlu Gabriel ħabbar lil Marija li ser issir l-Omm ta’ Alla, tas-Salvatur, hija, anke bla ma fhemet it-tifsira kollha ta’ dik is-sejħa, fdat lilha nfisha lil Alla, wieġbet: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej: isir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).  Imma, immedjatament wara x’għamlet? Wara li rċeviet il-grazzja li tkun l-Omma tal-Verb inkarnat, ma żammitx għaliha dak ir-rigal; ħassitha responsabbli u telqet, ħarġet minn darha u marret bil-ħeffa biex tgħin lil qariba Eliżabetta, li kellha bżonn l-għajnuna (ara Lq 1:38-39); wettqet ġest ta’ mħabba, ta’ karità u ta’ servizz konkret, li twassal lil Ġesù li kellha f’ġufha.  U dan il-ġest għamlitu bil-ħeffa! 

Hekk hu, għeżież ħbieb, il-mudell tagħna.  Hi li rċeviet minn għand Alla l-aktar don prezzjuż, bħala l-ewwel ġest ta’ tweġiba titlaq biex taqdi u twassal lil Ġesù.   Nitolbu lill-Madonna biex tgħin anke lilna biex inwasslu il-ferħ ta’ Kristu lill-familji tagħna, lill-sħabna, lill-ħbieb tagħna, lil kulħadd.  Tibżgħu qatt tkunu ġenerużi ma’ Kristu.  Ikun jaqblilkom!  Oħorġu u morru b’kuraġġ u ġenerożità, sabiex kull raġel u kull mara jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-Mulej.

Għeżież żgħażagħ, għandna appuntament għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, fl-2016, fi Krakovja, fil-Polonja.  Għall-interċessjoni materna ta’ Marija, nitolbu d-dawl lill-Ispirtu s-Santu fuq din il-mixja li twassalna għal din it-tappa ġdida ta’ ċelebrazzjoni ferrieħa ta’ fidi u ta’ mħabba fi Kristu.

Issa nitolbu flimkien ..

 

Imbagħad il-Papa mexxa t-talba tal-Angelus.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia