VJAĠĠ APOSTOLIKU RIO DE JANEIRO

F' OKKAŻJONI TAT-28 JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Mill-gallarija tal-Palazz Arċiveskovili ta’ Rio de Janeiro

Il-Ġimgħa, 26 ta’ Lulju 2013

 

Għeżież ħuti u ħbieb, il-ġurnata t-tajba!

Inrodd ħajr lill-providenza ta’ Alla talli mexxiet il-passi tiegħi sa hawn fil-belt ta’ São Sebastião do Rio de Janeiro. Nirringrazzja mill-qalb lil Mons. Orani kif ukoll lilkom għall-merħba sabiħa li tajtuni, li biha qed turu l-imħabba tagħkom lejn is-suċċessur ta’ Pietru.  Nixtieq li l-waqfa tiegħi f’din il-belt ta’ Rio ġġedded f’kull wieħed u waħda minnkom l-imħabba għal Kristu u għall-Knisja, li ġġedded il-ferħ li aħna lkoll magħqudin miegħu u li nifformaw parti mill-Knisja u li ġġedded ukoll l-impenn tagħna li ngħixu l-fidi u li nkunu xhieda għaliha.

Espressjoni ta’ fidi popolari mill-isbaħ hija t-talba tal-Angelus (li hawn fil-Brażil tissejjaħ “Is-siegħa ta’ Marija”).  Hija talba sempliċi li għandha tingħad fi tlett mumenti karatteristiċi tal-ġurnata li jimmarkaw ir-ritmu tal-ħidma tagħna ta’ kuljum: filgħodu, f’nofsinhar u filgħaxija.  Imma hija wkoll talba importanti; nistieden lil kulħadd biex jgħidha flimkien mal-Ave Maria għax tfakkarna fi ġrajja mdawwla li bidlet l-istorja: tfakkarna fl-Inkarnazzjoni, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem f’Ġesù ta’ Nazaret.

Illum il-Knisja tiċċelebra t-tifkira tal-ġenituri tal-Verġni Marija, in-nanniet ta’ Ġesù: il-qaddisin Ġwakkin u Anna.  Fid-dar tagħhom ġiet fid-dinja Marija, li ġabet magħhom dak il-misterju straordinarji tat-Tnissil bla Tebgħa; f’darhom hi kibret, immexxija mill-imħabba u l-fidi tagħhom; fid-dar tagħhom tgħallmet tisma’ lill-Mulej u timxi tkond ir-rieda tiegħu.  Il-qaddisin Ġwakkin u Anna jiffurmaw parti minn katina twila li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra il-fidi u l-imħabba lejn Alla fil-kuntest tal-familja, sa ma waslet Marija li laqgħet f’ġufha l-Iben ta’ Alla u tatu lid-dinja, tatu lilna.  Kemm hu kbir il-valur tal-familja bħala l-post privileġġjat li fih tingħata u tintlaqa’ l-fidi!  Waqt li nħarsu lejn l-ambjent tal-familja nixtieq nisħaq fuq punt: illum, f’din il-festa ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna fil-Brażil, l-istess bħal f’pajjiżi oħra, jiġi ċċelebrat Jum in-Nanniet.  Kemm huma importanti n-nanniet fil-ħajja tal-familja biex jgħaddu dak il-patrimonju tal-umanità u tal-fidi li tant huma essenzjali għas-soċjetà! Kemm hija mportanti din il-laqgħa u dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, b’mod speċjali fil-familja! Id-dokument ta’ Aparecida jfakkarna: “It-tfal u l-anzjani jibnu l-futur tal-popli; it-tfal għax huma jmexxu ‘l quddiem l-istorja, l-anzjani għax huma jgħaddu lil ta’ warajhom l-esperjenza u l-għerf tal-ħajja tagħhom” (n. 447).  Din ir-relazzjoni, dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet hu teżor li għandu jiġi mgħasses u msaħħaħ!  F’dan il-jum taż-żgħożija, iż-żgħażagħ iridu jsellmu lin-nanniet.  Isellmulhom f’ħafna mħabba.  In-nanniet. Ejjew insellmu lin-nanniet.  Huma, iż-żgħażagħ, isellmu lin-nanniet b’ħafna mħabba u jirringrazzjawhom għax-xhieda tal-għerf li jtuhom kontinwament.

U issa, f’din il-pjazza, fit-toroq li hawn fil-qrib, fid-djar fejn qed jgħixu magħna dan il-mument ta’ talb, ejjew inħossuna bħal familja waħda kbira u nduru lejn Marija u nitolbuha tħares il-familji tagħna, tagħmilhom bħall-kenur li jsaħħan id-dar bl-imħabba u bil-fidi, fejn tinħass il-preżenza ta’ Binha Ġesù.

(Wara l-Papa Franġisku mexxa t-talba tal-Angelus.)

 

 Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia