SOLENNITÀ TA’ PENTEKOSTE

IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 9 ta’ Ġunju,
2019

Ilbieraħ fi Krakovja saret ċerimonja ta’ ringrazzjament għall-konferma tal-kult tal-Beatu Michele Giedroyc, li fiha ħadu sehem l-Isqfijiet tal-Polonja u tal-Litwanja.  Dan l-avveniment iqawwi l-kuraġġ tal-Pollakki u tal-Litwani biex iseddqu r-rabtiet bis-sinjal tal-fidi u tal-qima lill-Beatu Michele, li għex fi Krakovja fis-seklu XV, mudell tal-umiltà u tal-karità evanġelika.

Iqanqlu n-niket u t-tħassib l-aħbarijiet li f’dal-ġranet qed jaslu mis-Sudan.  Nitolbu għal dal-poplu sabiex tieqaf il-vjolenza u bid-djalogu jfittex il-ġid komuni.

Insellem lilkom pellegrini mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, li ħadtu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni: il-gruppi, l-assoċjazzjonijiet u lill-fidili singoli.  Inħeġeġ lil kulħadd biex ikun miftuh bil-ħlewwa għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, ħalli joffri lid-dinja, fil-varjetà tal-kariżmi, l-eżempju ta’ fraternità f’komunjoni.

Taqlalna dil-grazzja l-Omm Qaddisa ta’ Alla, li b’fiduċja filjali aħna nintelqu fl-interċessjoni materna tagħha. 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.