PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru - Ħames Ħadd tal-Għid, 28 April 2013

Għeżież ħuti,  Il-jum it-tajjeb!

Qabel intemm din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq nafda f’idejn il-Madonna lil dawk li rċevew il-Griżma tal-Isqof u lilkom ilkoll.  Il-Verġni Marija tgħallimna xi jfisser li tgħix fl-Ispirtu s-Santu u xi tfisser li tilqa’ t-tiġdid ta’ Alla f’ħajjitna.  Hija nisslet lil Ġesù bil-ħidma tal-Ispirtu, u kull nisrani, kull wieħed minna huwa msejjaħ biex jilqa’ il-Kelma ta’ Alla, u biex jilqa’ lil Ġesù ġewwa fih u wara jwasslu lil kulħadd.  Marija sejjħet lill-Ispirtu flimkien ma l-Appostli fiċ-Ċenaklu: anke aħna, kull darba li ningħaqdu fit-talb, aħna msaħħa bil-preżenza spiritwali tal-Omm ta’ Ġesù, biex nirċievu r-rigal tal-Ispirtu u jkollna l-qawwa biex nixhdu għal Ġesù rxoxt.  Dan ngħidu b’mod partikolari lilkom, li llum irċevejtu l-Griżma:  Marija tgħinkom biex tkunu attenti għal dak li jitlobkom il-Mulej, u biex tgħixu u timxu dejjem konformi mal-Ispirtu s-Santu!

Nixtieq nwassal ukoll it-tislima mill-qalb tiegħi lill-pellegrini kollha, li ġew minn tant pajjiżi.  Insellem partikolarment lit-tfal li qed iħejju lilhom infushom għall-Griżma, lill-grupp kbir immexxi mis-Sorijiet tal-Karità, lill-insara ta’ xi parroċci Polakki u lil dawk ta’ Bisignano, kif ukoll lill-Katholische akademische Verbindung Capitolina.

F’dan il-mument, mument speċjali, nixtieq nressaq talba għal bosta vittmi tat-traġedja li kien hemm meta waqgħet il-fabbrika f’Bangladesh. Jiena solidali u qrib dawk il-familji li qed jibku lill-għeżież tagħhom, u nwassal mill-qiegħ ta’ qalbi, appell qawwi sabiex tkun dejjem imħarsa d-dinjità u s-sigurtà tal-ħaddiem.

Issa, fid-dawl tal-Għid, frott tal-Ispirtu, induru flimkien lejn l-Omma tal-Mulej.