IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 26 ta’ Mejju, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ das-Sitt Ħadd tal-Għid jippreżentalna silta mid-diskors li Ġesù għamel lill-Appostli waqt l-Aħħar Ikla (cfr Ġw 14,23-29).  Huwa jitkellem dwar l-opra tal-Ispirtu s-Santu u jagħmel wegħda: “Id-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom” (v. 26).  Waqt li riesaq il-mument tas-salib, Ġesù jaċċerta lill-Apposlti li mhux se jibqgħu waħedhom: magħhom dejjem se jkun hemm l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li jsostniehom fil-missjoni li jwasslu l-Evanġelju fid-dinja kollha.  Fl-ilsien orjentali Grieg, il-kelma “Paraklitu” tfisser dak li joqgħod maġenbek biex isostnik u jfarrġek.  Ġesù jmur lura għand il-Missier, imma jkompli jgħallem u jqanqal lid-dixxipli tiegħu permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Fiex tikkonsisti l-missjoni tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù jwiegħed bħala rigal?  Jgħidha huwa stess: “Hu jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.  Tul il-mixja tiegħu fid-dinja, Ġesù kien diġà ta lid-dixxipli dak kollu li ried jafdalhom: wassal għall-milja r-Rivelazzjoni divina, jiġifieri dak kollu li l-Missier ried jgħid lill-umanità bl-inkarnazzjoni ta’ Ibnu.  Ix-xogħol tal-Ispirtu s-Santu hu li jfakkar, jiġifieri jfiehem il-milja, jikkonvinċi u jqiegħed fis-seħħ konkretament it-tagħlim ta’ Ġesù.  U propju din hi wkoll il-missjoni tal-Knisja, li sseħħ bi stil ta’ ħajja preċiz, bil-karatteristiċi ta’ ċerti esiġenzi: il-fidi fil-Mulej u l-osservanza tal-Kelma tiegħu; id-doċilità għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li bla heda ta’ xejn lill-Mulej Irxoxt iżommu ħaj u preżenti; l-akkoljenza tal-paċi tiegħu u x-xhieda tagħha b’atteġġjament ta’ ftuħ u laqgħa mal-oħrajn.

Biex tagħmel dan kollu l-Knisja ma tistax tibqa’ statika, imma, bis-sehem attiv ta’ kull min hu mgħammed, hi msejħa biex iġġib ruħha ta’ komunità f’mixja, imqanqla u mirfuda mid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jġedded kollox.  Ifisser li tinħeles mill-irbit mondan iddominat mill-veduti tagħna, mill-istrateġiji tagħna, mill-objettivi tagħna li spiss itaqqlu l-mixja tal-fidi, u bil-ħlewwa nisimgħu l-Kelma tal-Mulej.  B’hekk ikun l-Ispirtu ta’ Alla li jiggwidana u jiggwida lill-Knisja, sabiex jiddi il-wiċċ awtentiku, sabih u mdawwal tagħha, li ried minnha Kristu.

Illum il-Mulej qed jistedinna biex niftħu qlubna għad-don tal-Ispirtu s-Santu sabiex hu jiggwidana fil-mogħdijiet tal-istorja.  Hu, jum wara ieħor, jedukana għal-loġika tal-Evanġelju, il-loġika tal-imħabba li tilqa’, “jgħallimna kollox” u “jfakkarna dak kollu li qalilna l-Mulej”.  Marija, li tul dax-xahar inqimuha u nitolbuha b’devozzjoni speċjali bħala ommna ċelesti, tħares dejjem il-Knisja u l-umanità kollha kemm hi.  Hi, li bil-fidi umli tagħha u l-kuraġġ ikkoperat għal kollox mal-Ispirtu s-Santu fl-Inkaranzzjoni ta’ Iben Alla, tgħin lilna wkoll biex inħallu lid-Difensur imexxina ħalli nkunu nistgħu nilqgħu l-Kelma t’Alla u nagħtu xhieda tagħha b’ħajjitna.

 

Wara r-Regina Coeli

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.

Insellem partikolarment lill-fidili minn Malta u minn Madrid, lill-banda “Juvenil 504” mill-Honduras, l-opra Kolping mill-Ġermanja.

Insellem lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Genova – hawn għadd kbir! - lill-istudenti tal-iskola “Caterina ta’ Santa Rosa” minn Ruma, lit-tfal u lill-adoloxxenti minn Torre Gaia u lill-fidili minn Berchiddeddu  u magħhom il-kor “Laudato sì”.

Nibgħat tislima u l-barka lill-pellegrini pollakki li qed jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ kbir fis-Santwarju Marjan ta’ Piekari Slaskie.  Fl-okkażjoni tal-”Jum tas-Serħan” ħsieb speċjali jmur lejn kull min hu miġbur fil-poliklinika Gemelli għall-promozzjoni tal-fraternità mal-morda.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber