IL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Ir-Raba Ħadd tal-Għid

Pjazza San Pietru, 21 April 2013

Għeżież ħuti,  Il-jum it-tajjeb!

Ir-Raba’ Ħadd ta’ żmien l-Għid huwa kkaratterizzat mill-Evanġelju tal-Ragħaj it-Tajjeb li naqrawh kull sena. Is-silta tallum twasslilna dal-kliem ta’ Ġesù: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier.  Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (10:27-30).  F’dawn l-erbat ivrus żgħar hemm il-messsaġġ kollu ta’ Ġesù, hemm in-nukleju ċentrali tal-Evanġelju tiegħu:  Huwa jsejħilna biex nieħdu sehem fir-relazzjoni tiegħu mal-Missier, u din hija l-ħajja ta’ dejjem.

Ġesù jrid li mal-ħbieb tiegħu jkollu relezzjoni li hija xbieha ta’ dik li Huwa stess għandu mal-Missier: relazzjoni ta’ appartenenza reċiproka f’kunfidenza sħiħa, f’għaqda intima. Sabiex tfisser din il-fehma qawwija, din ir-relazzjoni ta’ ħbiberija, Ġesù juża ix-xbieha tar-ragħaj man-nagħaġ tiegħu: huwa jsejħilhom u huma jagħrfu leħnu, iwieġbu għas-sejħa tiegħu u jimxu warajh.  Tassew sabiħa din il-parabbola!  Il-misteru tal-leħen għandu tifsira kbira: inġibu f’moħħna kif sa minn ġuf ommna nitgħallmu nagħrfu leħinha u dik ta’ missierna; mit-ton tal-vuċi ninnutaw l-imħabba jew id-disprezz, l-għożza jew il-bruda. Leħen Ġesù huwa waħdani!  Jekk nitgħallmu nagħrfuh, Huwa jmexxina mit-triq tal-ħajja, triq li tmur ‘il hinn anke mill-abbiss tal-mewt.

Imma f’ħin minnhom, waqt li jirreferi għan-nagħaġ tiegħu, Ġesù jgħid: “Missieri li tahomli” (10:29).  Dan huwa importanti ħafna, huwa misteru profond, mhux faċli li jiftieħem: jekk jiena nħossni miġbud minn Ġesù, jekk leħnu jħeġġiġli qalbi, huwa grazzi għal Alla l-Missier, li qiegħed fija x-xenqa għall-imħabba, għas-sewwa, għall-ħajja, għall-ġmiel … u Ġesù huwa dan kollu fil-milja!  Dan jgħinna biex nifhmu l-misteru tal-vokazzjoni, speċjalment ta’ dawk is-sejħiet għal konsagrazzjoni speċjali.  Kultant Ġesù jsejħilna biex nimxu warajh, imma jista’ jkun li ma nintebħux li huwa Hu, propju kif ġara liż-żagħżugħ Samwel.  Hawn ħafna żgħażagħ illum, hawn fil-pjazza.  Hawn tant minnkom illum, le?  Ħa naraw …  Hekk hu!  Qegħdin tant żgħażagħ illum hawnhekk fil-pjazza.  Nixtieq nistaqsikom: qatt smajtu leħen il-Mulej li permezz ta’ xewqa, tqanqil, jistedinkom timxu warajh aktar mill-qrib? Qatt smajtuh?  Mhux nismakom?  Hekk hu … Qatt ridtu tkun appostli ta’ Ġesù.  Fiż-żgħożija tridu tirriskjaw għall- ideali kbar.  Ma taħsbux?  Taqblu miegħi?  Staqsi lil Ġesù x’irid minnek u kun kuraġġuż! Kun kuraġġuż!  Staqsieh!  Wara u qabel kull vokazzjoni għas-saċerdozju jew għall-ħajja konsagrata, hemm it-talba qawwija u intensa ta’ xi ħadd; ta’ xi nanna, ta’ xi nannu, ta’ xi omm, ta’ xi missier, ta’ xi komunità… Huwa għalhekk li Ġesù qal: “Itolbu lil Sid il-ħsad – jiġifier Alla Missier - biex jibgħat ħaddiema għal ħsad tiegħu!” (Mt 9:28).  Il-vokazzjonijiet jitwieldu fit-talb u mit-talb; u huwa biss fit-talb li jistgħu jipperseveraw u jagħtu l–frott.  Nixtieq nenfasizza dan illum, li huwa l-jum dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet. 

Nitolbu b’mod partikolari għas-Saċerdoti ġodda tad-Djoċesi ta’ Ruma, li kelli l-pjaċir li nordna dalgħodu.  U nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija.  Illum kien hemm għaxar żgħażagħ li qalu “iva” lil Ġesù u kienu ordnati qassisin dalgħodu … U dan hu sabiħ!    Nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija li hija il-Mara tal-“iva”.  Marija qalet “iva”, ħajjitha kollha!  Hija tgħallmet tagħraf il-leħen ta’ Ġesù sa minn meta ġarritu f’ġufha.  Marija, Omm tagħna, għinna biex nagħrfu dejjem aħjar il-leħen ta’ Ġesù u biex nimxu warajh, biex nimxu fit-triq tal-ħajja! 

Grazzi!  Grazzi ħafna għall-awguri tagħkom.  Imma sellmu anke lil Ġesù.  Għajjtu “Ġesù”, bil-qawwa …   Ħa nitolbu lkoll flimkien lill-Madonna.


Wara r-Regina Coeli

Qed insegwi b’attenzjoni l-avvenimenti li qed jiġru fil-Veneżwela. Qiegħed magħhom bi tħassib profond, b’talb intens u b’tama li jkunu mfittxija u misjuba toroq ġusti u ta’ paċi biex jintrebaħ dan il-mument ta’ diffikulta gravi li l-pajjiż għaddej minnu.  Nistieden lill-poplu għażiż tal-Veneżwela, b’mod partikolari lill-awtoritajiet istituzzjonali u lill-politiċi, biex jiċħdu bil-qawwa għal kull tip ta’ vjolenza u biex jistabilixxu djalogu mibni fuq il-verità, f’rikonoxximenti ta’ xulxin, fit-tiftix tal-ġid komuni u fl-imħabba lejn in-nazzjon.  Nitlob lil dawk li jemmnu biex jitolbu u biex jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni u għall-paċi.  Ejjew ningħaqdu f’talba mimlija tama għall-Veneżwela waqt li npoġġuha f’idejn is-Sinjura Tagħna ta’ Koromoto.

*****

Ħsieb ukoll għal dawk kollha milquta mit-terremot li laqat il-Lbiċ taċ-Ċina kontinentali.  Nitolbu għall-vittmi u għal dawk kollha li qed ibatu minħabba t-tehżiża vjolenti.

*****

Illum wara nofsinhar, f’Sondrio, se jkun proklamat Beatu, Don Nicolò Rusca, saċerdot mir-reġjun ta’ Valtellina li għix bejn is-sbatax u t-tmintax-il seklu. Għal żmien twil kien kappillan eżemplari f’Sondrio u kien maqtul fil-ġlied politiku-reliġjuż li nikket l-Ewropa f’dawk iż-żmien.  Infaħħru l-Mulej għax-xhieda tiegħu!

*****

Insellem mill-qalb lill-pellegrini kollha, li ġew minn bosta pajjiżi: il-familji, tant gruppi parrokkjali, l-għaqdiet, lil dawk li ser jirċievu l-Griżma tal-Isqof, l-iskejjel.  Insellem b’mod partikolari lit-tfal numerużi mid-djoċesi ta’ Venezja, li huma akkompanjati mill-Patrijarka; imma ftakru intom, subien u bniet: fil-ħajja hemm bżonn nirriskjaw għall-ideali l-kbar! Insellem lill-katekisti tad-djoċesi ta’ Gubbio mmexxija mill-Isqof tagħhom; il-komunità tas-Seminarju ta’ Lecce flimkien mal-ministri tad-djoċesi; ir-rappreżentanti tal-Lions Club tal-Italja.

F’dan il-jum dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet, li twieled ħamsin sena ilu minn ideja sabiħa tal-Papa Pawlu VI, nistieden lil kulħadd għal talb speċjali sabiex il-Mulej jibgħat ħafna ħaddiema fil-ħsad tiegħu.  Sant Annibale Marija di Francia, appostlu tat-talb għall-vokazzjonijiet, fakkarna f’dan l-impenn importanti.

Nawgura lilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!