IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pijazza San Pietru
Il-Ħadd, 19 ta’ Mejju, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jeħodna fiċ-Ċenaklu biex isemmgħalna xi kliem li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu “fid-diskors tal-aħħar” qabel il-passjoni tiegħu.  Wara li kien ħasel riġlejn it-Tnax Hu qalilhom: “Nagħtikom kmadament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll  ħobbu itnom lil xulxin” (Ġw 13-34).  Imma x’ried jgħid biha Ġesù meta dan il-kmandament sejjaħlu “ġdid”?  Għax aħna nafu li fit-Testment l-Antik Alla kien diġà ta l-ordni lill-poplu tiegħu biex iħobbu l-proxxmu bħalhom infushom (cfr Lev 19,18).  Meta kien mistoqsi liema hu l-akbar kmandament tal-Liġi Ġesù stess wieġeb li l-ewwel wieħed hu li tħobb ‘l Alla b’qalbek kollha u t-tieni li tħobb lill-proxxmu bħalek innifsek (cfr Mt 22, 38-39).

Allura liema hi n-novità ta’ dal-kmandament li Ġesù jerħi f’idejn id-dixxipli tiegħu?  Għaliex isejjaħlu “kmandament ġdid”?  Il-kmandament l-antik tal-imħabba sar ġdid għax issaħħaħ b’diż-żjieda: “kif ħabbejtkom jien”, “hobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.  In-novità kollha tinsab fl-imnħabba ta’ Ġesù Kristu, dik li biha Hu ta ħajtu għalina.  Hija dik l-imħabba ta’ Alla, universali, mingħajr kundizzjonijiet u limiti, li l-quċċata tagħha hi s-salib.  F’dak il-ħin ta’ umiljazzjoni kbira, f’dak il-ħin li fih Hu ntelaq għal kollox f’idejn il-Missier, Iben Alla wera u ta lid-dinja l-milja tal-imħabba.  Huma w jaħsbu mill-ġdid fuq il-passjoni u l-agunija ta’ Kristu, id-dixxipli fehemu t-tfisira ta’ dak il-kliem: “Kif ħabbejtkom jien, hekk għandkom tħobbu lil xulxin”.

Ġesù ħabbna l-ewwel, ħabbna minkejja d-debbulizzi tagħna, il-limitazzjonijiet tagħna u d-dgħufijiet umani tagħna. Kien Hu li għamilna denji ta’ mħabbtu li ma tafx b’limiti u ma tintemm qatt.  Hu u jtina l-kamndament il-ġdid, jitlobna ninħabbu bejnietna mhux biss u mhux tant “bl-imħabba tagħna” imma “b’tiegħu”, dik li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fi qlubna jekk aħna nitolbuh bil-fidi.  B’dal-mod – u hekk biss – aħna nkunu nistgħu ninħabbu bejnietna mhux biss bħalma nħobbu lilna nfusuna iżda kif ħabbna Hu, jiġifieri immensament bla qies.  Infatti, Alla jħobbna ħafna aktar milli aħna nħobbu lilna nfusna.  B’hekk inkunu nistgħu nxerrdu ma’ kullimkien iż-żerriegħa tal-imħabba li ġġedded ir-relazzjonijiet bejn il-persuni u tiftaħ ixqfa ta’ tama.  Ġesù dejjem jiftaħ ixqfa ta’ tama, imħabbtu tiftaħ ixqfa ta’ tama.  Din l-imħabba tagħmilna bnedmin ġodda, aħwa  fil-Mulej, u lilna tagħmilna l-Poplu l-ġdid ta’ Alla, jiġifieri l-Knisja, li fiha kulħadd hu msejjaħ biex iħobb lil Kristu u fih (il-bnedmin) jinħabbu bejniethom.

L-imħabba li dehret fis-salib ta’ Kristu u li Hu jsejħilna biex ngħixu, hi l-qawwa waħdanija li tibdel il-qalb tal-ġebel tagħna f’qalb tal-laħam; il-forza waħdanija bil-ħila li tittrasforma qalbna hi l-imħabba ta’ Ġesù, dment li aħna nħobbu b’din l-istess imħabba.  Din l-imħabba ttina l-ħila li nħobbu lill-għedewwa u naħfru lil min offendiena.  Jien nagħmilkom mistoqsija, kulħadd iweġibha f’qalbu.  Jien għandi ħila nħobb lill-għedewwa tiegħi?  Ilkoll għanda nies, ma nafx jekk humiex għedewwa, li ma jaqblux magħna, li qiegħdin “fuq in-naħa l-oħra”; jew xi wħud għandhom lil xi ħadd li weġġagħhom....  għandi ħila nħobbhom lil dawk in-nies?  Dak ir-raġel, dik il-mara li għamluli l-ħsara, li offendewni?  Għadni ħila naħfrilhom?  Kull wieħed u waħda nwieġbu f’qalbna.  L-imħabba ta’ Ġesù ġġagħalna nqisu lill-ieħor bħala membru attwali jew tal-ġejjieni fil-komunità tal-ħbieb ta’ Ġesù; tixprunana għad-djalogu u tgħinna nisimgħu u nsiru nafu lil xulxin.  L-imħabba tiftaħna lejn l-oħrajn, issir il-pedament tar-relazzjonijiet umani.  Ittina l-ħila li ngħelbu l-ħitan tad-debbulizzi tagħna u tal-preġudizzi tagħna.  L-imħabba ta’ Ġesù fina toħloq pontijiet, tgħallimna toroq ġodda, tkebbes id-dinamiżmu tal-fraternità.

Il-Verġni Marija, bl-interċessjoni materna tagħha, tgħinna nilqgħu mingħand Binha Ġesù r-rigal tal-kmandament tiegħu, u mill-Ispirtu s-Santu l-forza biex inqegħeduh fis-seħħ fil-ħajja ta’ kuljum.

 

 

Wara r-Regina Coeli

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f’Madrid saret il-Beatifikazzjoni ta’ Maria Guadalupe Ortiz de Landázuri, fidila lajka tal-Opus Dei, li bil-ferħ qdiet lil ħutha u għaqqdet mal-qadi t-tagħlim u t-tħabbir tal-Evanġelju.  Ix-xhieda tagħha hi eżempju għan-nisa nsara impenjati fil-qasam soċjali u fir-riċerka xjentifika.  Nagħtu applaws lil dil-Beata l-ġdida, ilkoll f’daqqa!

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lil dawk ġejjin mill-Messiku, minn California, minn Haiti; lill-fidili minn Cordoba (Spanja) u minn Viseu (il-Portugall); lill-istudenti minn Pamplona u minn Lisbona.

Insellem lill-Kanonċi Nisa tas-Salib, fiċ-ċentinarju tal-fundazzjoni; lil dawk responsabbli mill-Komunità ta’ Sant’ Egidio li ġejjin minn diversi pajjiżi; lill-pellegrini Pollakki, partikolarment lill-iscouts, akkumpanjati mill-Ordni Militari, li jinsabu hawn fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tal-battalja ta’ Montecassino.

Insellem lill-fidili minn Biancavilla u minn Cosenza; lil dawk minn Pallagorio flimkien mal-kor; liż-żgħażagħ tal-Griżma minn Sengallia u Campi Bisenzio; lill-kor minn San Marzano sul Sarno u lil dak ta’ San Michele f’Bolzano; lill-iskola ta’ Ulied Sant’ Anna minn Bologna u liċ-ċiklisti tal-Isptar Bambino Ġesù.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber