PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru
Għid il-VII Ħamsin, 19 ta’ Mejju 2013

Għeżież ħuti,

Din iċ-ċelebrazzjoni ta’ fidi li bdiet ilbieraħ (is-Sibt) bil-vġili u laħqet il-quċċata biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija dalgħodu, waslet biex tintemm.  Pentekoste ġdid biddel Pjazza San Pietru  u għamilha Ċenaklu fil-beraħ.  Erġajna għexna mill-ġdid l-esperjenza tal-Knisja tal-bidu li kienet miġbura titlob flmikien ma’ Marija, Omm Ġesù (Atti 1:14).  Aħna wkoll, fil-firxa tal-kariżmi tagħna, kellna esperjenza tas-sbuħija tal-għaqda, li nkunu ħaġa waħda.  U dan hu xogħol l-Ispirtu s-Santu, li dejjem joħloq mill-ġdid, l-għaqda fil-Knisja.

 

Nixtieq inrodd ħajr lill-Movimenti kollha, lill-Assoċjazzjonijiet, lill-Komunitajiet u lill-gruppi Ekkleżjali.  Intom rigal u teżor għall-Knisja!  Jien inrodd ħajr b’mod partikolari lilkom ilkoll li ġejtu Ruma minn bosta nħawi tad-dinja.  Ġorru dejjem magħkom il-qawwa tal-Evanġelju!  Tibżgħux!  Kunu dejjem mimlijin ferħ u ħerqa biex tkunu f’komunjoni mal-Knisja! Jalla l-Mulej Irxuxtat ikun magħkom dejjem u l-Madonna tħariskom.

 

Ejjew nitolbu għal-popolazzjoni tar-reġjun Taljan tal-Emilia Romagna, li fl-20 ta’ Mejju tas-sena l-oħra ntlaqtet mit-terremot.  U itolbu wkoll għall-Federazzjoni Taljana tal-Għaqdiet Volontarji li jgħinu lil min hu marid bil-Kanċer.

---------- 

Il-Papa Franġisku mbagħad niżel minn fuq l-altar u mar lejn ix-xellug tal-faċċata tal-bażilika ta’ San Pietru fejn kien hemm esposta l-ikona tant meqjuma minn-nies ta’ Ruma, is-Salus Populi Romani.

Il-Papa qiegħed idu fuq ix-xbieha waqt li l-qniepen bdew idoqqu l-mota ta’ nofsinhar li fissret it-tmiem taż-żmien tal-Għid, fost il-ferh tal-baħar ta’ nies preżenti.  Millum it-Tnejn il-Knisja tibda’ dak li jissejjaħ iż-żmien ordinarju tas-sena.

Imma, kif inhi l-karatteristika tal-Papa Franġisku, qabel ma’ beda jdur bil-jeep madwar il-pjazza u tul it-triq kollha ta’ quddiemha sat-tarf li jiġi biswit ix-xatt tax-xmara, sellem lil kulħadd bl-istil tiegħu u qal: Ħuti, grazzi ħafna talli tħobbu lill-Knisja! Il-Ħadd it-tajjeb, il-festa t-tajba u “buon appetito”.

 

Miġjub għall-Malti it-Taljan minn Rosalba Catania.