IL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

It-Tielet Ħadd tal-Għid

Pjazza San Pietru, 14 April 2013.

Għeżież ħuti!  Il-jum it-tajjeb!

Nixtieq nieqaf ftit fuq il-paġna mill-Atti tal-Appostli li tinqara fil-Liturġija ta’ dan it-Tielet Ħadd tal-Għid.  Dan it-test jurina kif l-ewwel predikazzjoni tal-Appostli f’Ġerusalemm imliet il-belt bl-aħbar li Ġesú kien tassew irxoxta, skont l-Iskrittura, u li kien il-Messija mħabbar mill-Profeti. Il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tal-belt fittxew li jqaċċtu r-rimja ġdida tal-komunità ta’ dawk li emmnu fi Kristu u arrestaw lill-Appostli, waqt li ordnawlhom biex ma jgħallmux aktar f’ismu.  Imma Pietru u l-ħdax l-oħra wieġbu: “Jeħtieġ li nobdu aktar lil Alla milli lill-bnedmin.  Alla ta’ missirijietna rxoxta lil Ġesù ... għollieh fuq il-lemin tiegħu u għamlu kap u salvatur ... U ta’ din il-ġrajja hawn aħna xhieda, aħna u l-Ispirtu s-Santu” (Atti 5:29-32).  Allura odrnaw li l-Appostli jkunu msawta u ordnawlhom mill-ġdid biex ma jitkellmux aktar fl-isem ta’ Ġesù.  Imma huma marru, hekk tgħid l-Iskrittura, “ferħanin li kienu meqjusa denji li jsofru minħabba fl-isem ta’ Ġesù” (vers 41).

Jiena nistaqsi: fejn kienu l-ewwel dixxipli, isibu l-qawwa għal din ix-xhieda tagħhom? Mhux biss: minn fejn kien jiġihom il-ferħ u l-kuraġġ biex iħabbru, minkejja x-xkiel u l-vjolenza?   Ma ninsewx li l-Appostli kienu nies sempliċi, ma kienux kittieba, għalliema tal-liġi, lanqas kienu mill-klassi tas-saċerdoti.  Kif setgħu, bil-limitazzjonijiet tagħhom, u mfixxkla mill-awtoritajiet, jimlew Ġerusalemm bit-tagħlim tagħhom (ara Atti 5:28) ?  Huwa ċar, li kienet biss il-preżenza fosthom tal-Mulej Irxoxt u l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li jistgħu jfissru dan il-fatt.   Il-Mulej li kien magħhom u l-Ispirtu li mbutthom biex jippridkaw jistgħu jfissru dan il-fatt tal-għaġeb.  Il-fidi tagħhom kienet mibnija fuq esperjenza tant qawwija u personali ta’ Kristu mejjet u rxuxtat, li ma kellhom biża minn xejn u minn ħadd, anzi kienu jaraw il-persekuzzjonijiet bħala raġuni ta’ unur għalihom, li kienet tippermettilhom jimxu fuq il-passi ta’ Ġesù u li jixbħu Lilu, waqt li jagħtu xhieda b’ħajjithom.

Din il-ġrajja tal-ewwel komunità nisranija tgħidilna xi ħaga importanti ħafna, li tgħodd għall-Knisja taż-żminijiet kollha, anke għalina: meta persuna tkun taf  tassew lil Ġesù Kristu u temmen Fih, hija tesperjenza l-preżenza tiegħu f’ħajjitha u l-qawwa tal-Qawmien tiegħu, u ma tkunx tista’ toqgħod bla ma tgħaddi din l-esperjenza lill-oħrajn.  U jekk din il-persuna tiltaqa’ ma’ min ma jifhimhiex jew ma’ oppożizzjoni, hija ġġib ruħha bħal Ġesù fil-Passjoni tiegħu: twieġeb bl-imħabba u bil-qawwa tas-sewwa.

Ħa nitolbu flimkien ir-Regina Coeli, nitolbu l-għajnuna ta’ Marija Santissma sabiex il-Knisja fid-dinja kollha tħabbar b’lealtà u kuraġg il-Qawmien tal-Mulej u biex tagħti xhieda valida b’messaġġi ta’ mħabba fraterna.  L-imħabba tal-aħwa hija l-eqreb xhieda li nistgħu nagħtu li Gesù huwa ħaj magħna, li Ġesù huwa rxuxtat.  Nitolbu b’mod partikolari għall-insara li qed ibatu persekuzzjoni; f’dan iż-żmien hemm tant insara li qed ibatu l-persekuzzjoni, ħafna, ħafna, f’ħafna pajjiżi: nitolbu għalihom, b’imħabba, minn qalbna. Ħa jħossu l-preżenza ħajja u ta’ kuraġġ tal-Mulej Irxoxt.


Wara r- Regina Coeli

Ilbieraħ, f’Valenzja, kien iddikjarat Beatu, Don Luca Passi, saċerdot min Bergamo tas-seklu dsatax, fundatur tal-Opera laicale Santa Dorotea u tal-Istituto delle Suore Maestre di Santa Dorotea.  Nroddu ħajr lil Alla għax-xhieda ta’ dan il-Beatu!

Illum fl-Italja qed ikun imfakkar il-Jum tal-Università Kattolika tal-Qalb Imqaddsa, bit-tema, “Il-ġenerazzjonijiet ġodda ‘l hinn mill-kriżi”. Din l-Università , mwielda mill-moħħ u mill-qalb ta’ Patri Agostino Gemelli kif ukoll b’appoġġ kbir popolari, ħejjiet eluf ta’ eluf ta’ żgħażagħ biex ikunu ċittadini kapaċi u responsabbli, bennejja tal-ġid komuni. Nistedinkom li ssostnu dejjem din l-Università, biex tkompli toffri formazzjoni mill-aħjar lill-ġenerazzjonijiet ġodda, biex jiffaċċjaw l-isfidi ta’ żmienna.

Insellem bil-ħrara lill-pellegrini kollha li hawn preżenti, li ġew minn tant pajjiżi; il-familji, il-gruppi parrokkjali, il-movimenti, iż-żgħażagħ.  Insellem b’mod partikolari lill-pellegrin tad-djoċesi ta’ Siena-Colle d’Elsa-Montalcino, flimkien mal-Arċisqof Monsinjur Buoncristiani.   Ħsieb speċjali wkoll għat-tfal subien u bniet li qed iħejju għall-Griżma.

Lilkom ilkoll, il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!