IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pijazza San Pietru
Il-Ħadd, 12 ta’ Mejju, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum (cfr Gw 10,27-30) Ġesù jippreżenta ruħu bħala l-veru ragħaj tal-poplu t’Alla.  Hu jitkellem dwar ir-rabta tiegħu man-nagħaġ tal-merħla, jiġifieri d-dixxipli tiegħu, u jinsisti fuq il-fatt li hi relazzjoni ta’ għarfien reċiproku.  “In-nagħaġ tiegħi – jgħid – jisimgħu leħni u jien nafhom u huma jimxu nwarajja.  Jiena ntihom il-ħajja ta’ dejjem u huma ma jintilfu qatt” (vv. 27-28).  Jekk dis-sentenza naqrawha bl-attenzjoni nindunaw li l-opra ta’ Ġesù fiha għadd ta’ azzjonijiet:  Ġesù jiktellem, Ġesù jaf, Ġesù jagħti l-ħajja ta’ dejjem, Ġesù jindokra.

Ir-Ragħaj it-Tajjeb – Ġesù – huwa attent għal kull wieħed u waħda minna, ifittixna u jħobbna, itina kelmtu u jaf x’hemm fil-fond ta’ qalbna, jaf ix-xewqat tagħna u tamietna, kif ukoll il-fallimenti u d-delużjonijiet tagħna.  Jilqgħana u jħobbna kif aħna, bil-preġji u d-difetti tagħna.  Hu jagħti “l-ħajja ta’ dejjem” lil kull wieħed u waħda minna: jiġifieri, joffrilna l-possibiltà li ngħixu l-milja tal-ħajja, mingħajr tmiem.  Minbarra dan jindukrana u jmexxina bl-imħabba, jgħinna naqsmu l-mogħdijiet imħarbta u t-toroq, xi kultant mimlijin riskji, li niltaqgħu magħhom fil-mixja ta’ ħajjitna.

Mal-verbi u mal-ġesti li jiddeskrivu kif Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, iġib ruħu magħna, jitqabblu l-verbi dwar in-nagħaġ, jiġifieri aħna: “jisimgħu leħni”, “jimxu warajja”.  Huma azzjonijiet li juru kif aħna għandna nwieġbu għall-atteġġjamenti teneri u ħerqana tal-Mulej.  Nisimgħu u nagħrfu leħnu, infatti, jiffser intimità miegħu, intimità li tissaħħaħ bit-talb, bil-laqgħa qalb ma’ qalb mal-Imgħallem Divin u Ragħaj ta’ ruħna.  Din l-intimità ma’ Ġesù, il-qalb miftuħa, id-djalogu ma’ Ġesù isaħħaħ fina x-xewqa li nimxu warajh, noħorġu mil-labirint tat-toroq żbaljati, nabbandunaw l-imġiebiet egoistiċi, biex nibdew mexjin f’toroq ġodda ta’ fraternità u tal-għotja tagħna nfusna, ħalli inkunu nixbħu lilu.

Ma ninsewx li Ġesù hu l-uniku Ragħaj li jkellimna, li jafna, li jtina l-ħajja ta’ dejjem u jindukrana.  Aħna l-merħla waħdanija u rridu biss nagħmlu ħilitna kollha biex nisimgħu leħnu fiwaqt li Hu, bl-imħabba, jgħarbel is-sinċerità ta’ qlubna.  U b’din l-intimità ma’ taqta’ xejn mar-Ragħaj tagħna, minn dad-djalogu miegħu, jinbet fina l-ferħ li nimxu warajh u nħalluh imexxina lejn il-milja tal-ħajja ta’ dejjem.

Issa nduru lejn Marija, Omm Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb.  Hi li wieġbet minnufih għas-sejħa ta’ Alla, tgħin partikolarment lil min hu msejjaħ għas-saċerdozju u għall-ħajja konsagrata biex jilqgħu bil-ferħ u bid-disponibbiltà l-istedina ta’ Kristu biex ikunu kollaboraturi diretti miegħu fit-tħabbir tal-Evanġelju u fil-qadi tal-Kelma t’Alla fi żmienna.

 

Wara r-Regina Coeli

Għeżież ħuti!

F’ħafna pajjiżi llum huwa “Jum l-Omm”.  Irrid insellem minn qalbi lill-ommijiet kollha u rrodilhom ħajr – applaws lill-ommijiet, kollha! - għall-opra prezzjuża tagħhom fit-trobbija tal-ulied u l-ħarsien tal-valur tal-familja.  Niftakru wkoll fl-ommijiet li qed iħarsu lejna mis-sema u għadhom jishru fuqna bit-talb.  Ħsiebna jmur ukoll lejn l-Omm Ċelesti, li għada, 13 ta’ Mejju, niċċelebrawha taħt it-titlu tas-Sinjura Tagħna ta’ Fatima.  Nintelqu f’idejha biex inkompu l-mixja tagħna bil-ferħ u l-ġenerożità.

Illum, ir-Raba’ Ħadd tal-Għid, il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, hu wkoll il-jum dedikat għat-talb għall-vokazzjonijiet, li dis-sena għandu t-tema: “Il-kuraġġ li tirriskja minħabba l-wegħda t’Alla”.  Il-kuraġġ li tirriskja minħabba l-wegħda t’Alla: li timxi wara Ġesù dejjem hu riskju, imma jrid ikollok il-kuraġġ.  Fil-komunitajiet kollha qed isir talb  partikolarment għall-vokazzjonijiet saċerotali u għall-ħajja konsagrata.  Dalgħodu, fil-Bażilika ta’ San Pietru, kelli x-xorti nordna dsatax-il saċerdot ġdid.  Filwaqt li nsellem lil dawn il-presbiteri ġodda flimkien mal-familji tagħhom u ħbiebhom, nistedinkom tiftakru kemm il-Mulej isejjaħ bnedmin b’isimhom, kif darba għamel mal-Appostli fuq ix-xatt tal-Galileja, biex isiru “sajjieda tal-bnedmin”.  Minn fost dawn id-dsatax-il saċerdot ġodda għażilt tnejn biex isellmulkom u jberkukom flimkien miegħi.

Insellem likom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali u fidili ġejjin mil-Italja u minn diversi pajjiżi.  Tislima partikolari lill-pellegrini minn Texas u minn Valencia; il-fidili minn Gela u minn Pistoia; l-adoloxxenti tal-Griżma minn Parma, l-iscouts minn Cossato u lil dawk minn Frosinone.  U issa nitlob lil dawn is-saċerdoti ġodda biex iberkukom ilkoll flimkien miegħi.

(Barka)

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber