PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru
VII Ħadd tal-Għid, 12 ta’ Mejju 2013

Għeżież Ħuti,

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq insellem lilkom ilkoll li ġejtu biex tagħtu ġieħ lil Qaddisin il-ġodda, b’mod partikulari lid-Delegazzjonijiet Uffiċċjali tal-Italja, tal-Kolombja u tal-Messiku.

Jalla l-martri ta’ Otranto jgħinnu lil għażiż poplu Taljan ħalli jħares b’tama lejn il-futur, jafda f’Alla li huwa qrib u li qatt ma jabbandunana, lanqas fil-mumenti diffiċli.

Jalla li permezz tal-interċessjoni ta’ Madre Laura Montoya, il-Mulej jagħti lill-Knisja ħeġġa missjunarja u evanġelika ġdida, ispirata mill-eżempju ta’ paċi u rikonċiljazzjoni ta’ din il-qaddisa ġdida.  Jalla ulied il-Kolombja jkomplu jaħdmu għall-paċi u għall-iżvilupp ġust ta’ arthom.

F’idejn Santa Guadalupe Garcia Zavala, inpoġġu l-fqar kollha, il-morda u l-dawk li jgħinnuhom, u nirrakomandaw fl-interċessjoni tagħha lin-nazzjon nobbli Messikan, sabiex kull vjolenza u nuqqas ta’ siġurtà jitwarrbu minn dik l-art u biex f’kull każ ikun hemm avvanz fil-mixja lejn solidarjetà u l-koeżistenza fraterna.

Imbagħad jiena kuntent li nfakkar li l-bieraħ, f’Ruma, kien proklamat beatu, is-saċerdot Luigi Nocarese, fundatur taċ-Ċentru Volontari della Sofferenza u tas-Silenziosi Operai della Croce. Ningħaqad jiena wkoll fir-radd ta’ ħajr għal dan is-saċerdot eżemplari, li għaraf iġedded il-pastorali tal-morda u għamilhom suġġetti attivi fil-Knisja.

Insellem lill-parteċipanti tal-Mixja għall-ħajja li saret dalgħodu f’Ruma u nistieden lil kulħadd biex ikomplu jkunu attenti fuq din it-tema tant importanti tar-rispett għall-ħajja umana sa mill-ewwel mument tat-tnissil. F’dan ir-rigward, irrid insemmi l-ġbir ta’ firem li qed isir fil-parroċċi Taljani biex jagħtu appoġġ għall-inizjattiva “Wieħed Minna” (Uno di Noi) fl-Ewropa u li hi maħsuba biex tiggarantixxi protezzjoni legali lill-embrijun, li tipproteġi lil kull bniedem sa mill-ewwel mument tal-eżistenza tiegħu.  Mument speċjali għal dawk li għandhom għal qalbhom id-difiża tal-qdusija tal-ħajja umana se jkun “Jum l-Evanġelium Vitae”, li ser isir hawn fil-Vatikan fil-15 u s-16 ta’ Ġunju li ġej, fil-kuntest tas-Sena tal-Fidi .

Insellem mill-qalb lill-gruppi kollha parrokkjali, lill-familji, lill-iskejjel, liż-żgħażagħ li huma preżenti.

U issa, b’imħabba ta’ ulied induru lejn il-Verġni Marija, omm u mudell tal-insara kollha.