Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Il-festa ta’ Pentekoste tfakkar it-tixrid tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli fiċ-Ċenaklu.  L-istess bħall-Għid, din il-ġrajja seħħet waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ festa Ebrajka li kienet teżisti qabel, u li twassal għal milja tal-għaġeb.  Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jurina s-sinjali u l-frott ta’ dak it-tixrid straordinarju: ir-riħ qawwi u l-ilsna tan-nar; il-biża tgħib u tħalli postha għall-kuraġġ; l-ilsna jinħallu u kulħadd jifhem l-aħbar.  Kull fejn jasal l-Ispirtu ta’ Alla, kollox jitwieled mill-ġdid u jinbidel.  Il-ġrajja ta’ Pentekoste timmarka t-twelid tal-Knisja u d-dehera tagħha fil-pubbliku; u jolqtuna żewġ affarijiet: hija Knisja li tgħaġġeb u li tifxel.

Element fundamentali tal-Pentekoste hu dak tas-sorpriża.  Alla tagħna u Alla tas-sorpriżi, dan nafuh.  Ħadd ma kien jistenna li jerġa’ jisma’ bid-dixxipli ta’ Ġesù jew li jisma’ xi ħaġa mingħandhom: wara l-mewt ta’ Ġesù ma kienu xejn għajr grupp żgħir ta’ nies li ma jfisser xejn, nies telliefa li tilfu lill-Imgħallem tagħhom.  Iżda sseħħ ġrajja mhux mistennija li tqajjem l-għaġeb: in-nies baqgħu miblugħin għax kull wieħed kien qed jisma’ lid-dixxipli jitkellmu bil-lingwa tiegħu, waqt li jitkellmu dwar l-opri kbar ta’ Alla (cfr Atti 2, 6-7.11).  Il-Knisja li titwieled nhar Pentekoste hija komunità li tqajjem l-għaġeb għax bil-qawwa li tiġiha minn Alla tħabbar messaġġ ġdid – il-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet – b’lingwaġġ ġdid – dak universali tal-imħabba.  Messaġġ ġdid: Kristu huwa ħaj, qam; lingwaġġ ġdid: il-lingwaġġ tal-imħabba.  Id-dixxipli jitlibbsu b’qawwa mill-għoli u jitkellmu bla biża – ftit minuti qabel kienu kollha beżżiegħa, imma issa jitkellmu bil-kuraġġ u bla ħabi, bil-ħelsien tal-Ispirtu s-Santu.

Hekk hija msejjħa li tkun il-Knisja, dejjem: kapaċi li tgħaġġeb waqt li tħabbar lil kulħadd li Ġesù il-Kristu rebaħ il-mewt, li d-dirgħajn ta’ Alla huma dejjem miftuħin, li l-paċenzja tiegħu hija dejjem hemm biex tistenniena u tfejjaqna, biex taħfrilna.  Kien għal din il-missjoni li Ġesù rxoxt ta l-Ispirtu tiegħu lill-Knisja.

Noqgħodu attenti: jekk il-Knisja hija ħajja, dejjem trid tgħaġġeb.  Din il-kapaċità li tgħaġġeb hija l-kwalità li turi li l-Knisja hija ħajja.  Knisja li mhix kapaċi tgħaġġeb hija Knisja dgħajfa, marida, moribonda u għandha bżonn li immedjatament tittieħed l-isptar fid-dipartiment tal-kura intensiva!

Xi ħadd, f’Ġerusalemm, kien jippreferi li kieku d-dixxipli ta’ Ġesù, iġġammjati bil-biża, baqgħu magħluqin id-dar biex ma jaqalgħux taħwid.  Anke llum dan hu dak li ħafna nies jixtiequ li jagħmlu l-insara.  Imma, għall-kuntrarju, il-Mulej irxoxt jimbutthom lejn id-dinja: «Kif il-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom» (Ġw 20, 21).  Il-Knisja tal-Pentekoste hija Knisja li ma tistax tikkuntenta billi tkun Knisja li tħalli fil-kwiet, li tħobb tkun “newtrali”.  Le, ma tistax tikkuntenta b’dan!  Ma tridx tkun biss ornament.  Hija Knisja li ma tibżax toħroġ barra, fost in-nies, biex tħabbar il-messaġġ li ġie fdat lilha, anke jekk dan il-messaġġ itellef il-paċi jew jinkwieta l-kuxjenzi, anke jekk dan il-messaġġ iġib, forsi, il-problemi u anke, xi drabi, iwassal għall-martirji.  Hija titwieled waħda u universali, b’identià preċiża, imma miftuħa, Knisja li tgħannaq id-dinja imma li ma taqbadhiex f’xibka; tħalliha ħielsa, imma tgħannaqa bħall-kolonni ta’ din il-Pjazza: żewġ dirgħajn li jinfetħu biex jilqgħu, imma li ma jingħaqux biex min jidħol ma jkunx jista’ joħroġ.  Aħna l-insara għana l-libertà, u l-Knisja tridna ħielsa!

Ejjew induru lejn il-Verġni Marija, li f’dik l-għodwa tal-Pentekoste kienet fiċ-Ċenaklu, l-Omm li kienet mal-ulied. Fiha tassew li l-qawwa tal-Ispirtu “għamlet ħwejjeġ kbar” (Lq 1, 49).  Hi stess qalitu dal-kliem.  Jalla hi, Omm is-Salvatur u Omm il-Knisja, iġġib fis-seħħ tixtrid imġedded tal-Ispirtu ta’ Alla u fuq il-Knisja u fuq id-dinja.

 

Wara r-Regina Coeli il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti:

insellmilkom ilkoll, Rumani u pellegrini: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet u l-insara individwali.  Insellem b’mod partikulari lill-istudenti tad-djoċesi ta’ Valencia (Spanja), il-pellegrinaġġ imwassal mill-Congregazzione del Santissimo Crocifisso ta’ Vittoria, it-tfal tal-Ewwel Tqarbina ta’ Borgo a Buggiano (Pistoia), il-grupp Apostoli della Misericordia ta’ Bitonto, l-adolexxento ta’ Latina Scalo u dawk li qed jieħdu sehem fir-rally tal-karozzi “Ferrari”.

Kif tafu, illejla fil-Vatikan il-Presidenti ta’ Israel u tal-Palestina se jingħaqdu miegħi u mal-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, ħija Bartolomeo, biex jitolbu mingħand Alla id-don tal-paċi fl-Art Imqaddsa, fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha.  Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li, b’mod personali kif ukoll flimkien ma’ oħrajn, talbu u qed jitolbu għal din il-laqgħa, u se jingħaqdu fl-ispirtu mat-talb tagħna.  Grazzi! Grazzi ħafna!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Itolbu għalija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

Miġjub għall-malti min Fr Jonathan Farrugia