L-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

It-Tieni Ħadd tal-Għid u Ħadd il-Ħniena Divina

Pjazza San Pietru, 7 April 2013.

Għeżież Ħuti, il-Jum it-Tajjeb!

F’dan il-Ħadd li jtemm l-Ottava tal-Għid, inġedded lil kulħadd l-awgurju tiegħi tal-Għid bl-istess kliem ta’ Ġesù Rxoxt: “Il-Paċi magħkom” (Ġw 20:21, 26).  Mhuwiex tislima u lanqas sempliċi awgurju: huwa rigal, anzi, ir-rigal prezzjuż li Kristu offra lid-dixxipli tiegħu wara li kien għadda mill-mewt u minn art il-mejtin.  Jagħti l-paċi kif kien wiegħed: “Nħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi. Nagħtiha lilkom, mhux kif tagħtiha d-dinja” (Ġw 14:27).  Din il-paċi hija l-frott tar-rebħa tal-imħabba ta’ Alla fuq il-ħażen, hija l-frott tal-maħfra.  U hija propju hekk: il-paċi tassew, dik profonda, tiġi mill-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla.  Illum huwa Ħadd il-Ħniena Divina, u dan fuq xewqa tal-Beatu Ġwanni Pawlu II, li għalaq għajnejh għal din id-dinja propju lejliet din it-tifkira.

L-Evanġelju ta’ Ġwanni jgħidilna li Ġesù deher darbtejn lill-Appostli, maqfula fiċ-Ċenaklu: ta’ l-ewwel, filgħaxija ta dakinhar stess tal-Qawmien, u dakinhar ma kienx hemm Tumas, li qal: jekk jiena ma narax u ma mmissx, ma nemminx.  It-tieni darba, tmien t’ijiem wara, kien hemm Tumas ukoll. U Ġesù dar propju fuqu, u stiednu biex iħares lejn il-ġrieħi, biex imisshom; u Tumas sklama: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28). U allura Ġesù qallu: “Għax rajtni, emmint; imberkin dawk li ma rawx u emmnu” (v. 29). U min kien dawn li emmnu bla ma raw?  Dixxipli oħra, irġiel u nisa oħra ta’ Ġerusalemm, li minkejja li ma kienux iltaqgħu ma Ġesù Rxoxt, emmnu fuq ix-xhieda tal-Appostli u tan-nisa.  Din il-kelma dwar il-fidi hija importanti ħafna, nistgħu insejħulha l-beatitudni tal-fidi.  Imberkin dawk li ma rawx u emmnu: din hija l-beatitudni tal-fidi!

F’kull żmien u f’kull post, huma mbierka dawk li, permezz tal-Kelma ta’ Alla, imxandra fil-Knisja u li jixhdu għaliha l-insara, jemmnu li Ġesù Kristu huwa l-Imħabba ta’ Alla inkarnata, il-Ħniena nkarnata.   U dan jgħodd għal kull wieħed minna!

Flimkien mal-paċi tiegħu, lill-Appostli Ġesù tahom, l-Ispirtu s-Santu, sabiex ikunu jistgħu jxerdu fid-dinja l-maħfra tad-dnubiet, dik il-maħfra li Alla waħdu jista’ jagħti, u li swiet id-Demm tal-Iben (ara Ġw 20:21-23).   Il-Knisja hija mibgħuta minn Kristu Rxoxt biex twassal il-maħfra tad-dnubiet lill-bnedmin kollha, u b’hekk tkabbar is-Saltna tal-imħabba, tiżra’ s-sliem fil-qlub, sabiex din tkun mwettqa wkoll fir-relazzjonijiet, fis-soċjetà, fl-istituzzjonijiet.  U l-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt jqaċċat il-biża’ ‘l barra mill-qlub tal-Appostli u jimbutthom biex joħorġu miċ-Ċenaklu biex iwasslu l-Evanġelju.  Ħa jkollna aħna wkoll aktar kuraġġ biex nagħtu xhieda tal-fidi fi Kristu Rxoxt! M’għandniex nibżgħu nkunu nsara! Aħna jrid ikollna dan il-kuraġġ, li mmorru u nħabbru lil Kristu Rxoxt, għaliex hu Huwa l-paċi tagħna, Huwa li ġab il-paċi bl-imħabba tiegħu, bil-maħfra tiegħu, bid-demm tiegħu, bil-ħniena tiegħu.

Għeżież ħbieb, illum wara nofsinhar se niċċelebra l-Ewkaristija fil-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran. Li hija l-Katidral tal-Isqof ta’ Ruma.   Nitolbu flimkien lill-Verġni Marija, biex tgħinna, Isqof u Poplu, ħalli nimxu fil-fidi, fl-imħabba, fiduċjużi dejjem fil-ħniena tal-Mulej: Huwa dejjem jistenniena, iħobbna, ħafrilna permezz tad-demm tiegħu u jaħfrilna kull darba li mmorru għandu biex nitolbuh maħfra.  Nafdaw fil-ħniena tiegħu!


Wara r-Regina Coeli

Nagħti merħba mill-qalb lill-pellegrini li ħadu sehem fil-quddiesa li mexxa il-Kardinal Vigarju ta’ Ruma fil-knisja ta’ Santu Spirtu f’Sassia, ċentru ta’ devozzjoni lejn il-Ħniena Divina.  Għeżież ħuti, kunu messaġġiera u xhieda tal-ħniena ta’ Alla.

Jiena kuntent ukoll li nsellem lil tant membri tal-Movimenti u Assoċjazjonijiet li huma preżenti f’dan il-mument tagħna ta’ talb, partikolarment il-komunitajiet Neokatekumenali ta’ Ruma, li llum jibdew missjoni speċjali fil-pjazzez tal-Belt.  Nistieden lil kulħadd li jwassal l-Aħbar it-Tajba, f’kull ambjent tal-ħajja, “bil-ħlewwa u bir-rispett!” (1 Pt 3:16)  Morru fil-pjazzez u xandru lil Ġesù Kristu, il-Feddej tagħna.

Insellem lit-tfal u liż-żgħażagħ kollha li hawn preżenti, partikolarment l-istudenti tal-Kulleġġ Saint-Jean de Passy ta’ Pariġi u lil dawk tal-Iskola Giuseppe Mazzini ta’ Marsala, kif ukoll il-grupp ta’ Ministri ta’ Taranto.

Insellem lill-Kor tal-Bażilika ta’ Collemaggio dell’Aquila, il-fidili ta’ Campoverde di Aprilia, Verolanuova u Valentano, u lill-komunità Scout Foulard Bianchi.

Il-Mulej iberikkom!  U l-ikla t-tajba!