F’dan il-mument ta’ għaqda profonda fi Kristu, inħossu ħajja f’nofsna anke l-preżenza spiritwali tal-Verġni Marija, preżenza ta’ omm, familjari, speċjalment għalikom li tagħmlu parti mill-Konfraternitajiet. L-imħabba għall-Madonna hija waħda mill-karatteristiċi tad-devozzjoni popolari, li titlob li tkun apprezzata u orjentata tajjeb. Għalhekk nistedinkom timmeditaw l-aħħar kapitlu tal-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar il-Knisja, il-Lumen Gentium, li titkellem proprju fuq Marija fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja. Hemm jgħid li Marija imxiet ‘il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħha tal-fidi (nru 58). Għeżież ħbieb, fis-Sena tal-Fidi, inħallilkom din ix-xbieha ta’ Marija pellegrina, li timxi wara Binha Ġesù u imxiet qabilna lkoll fil-mixja tal-fidi. Illum, il-Knejjes tal-Lvant li jimxu mal-kalendarju Ġuljan jiċċelebraw il-festa tal-Għid il-Kbir. Nixtieq nibgħat lil dawn l-aħwa tislima speċjali, waqt li ningħaqad magħhom b’qalbi kollha fit-tħabbir tal-messaġġ hieni: Kristu qam mill-Imwiet! Miġbura fit-talb madwar Marija, nitolbu minn għand Alla d-don tal-Ispirtu s-Santu, il-Paraklitu, biex jikkonsla u jfarraġ lill-insara kollha, speċjalment lil dawk li qed jiċċelebraw l-Għid fost provi u tbatijiet, u jmexxihom fit-triq tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Il bieraħ fil-Brażil, kienet proklamata Beata Fracisca de Paula de Jesus, imsejħa “Nhá Chica”. Il-ħajja sempliċi tagħha kienet dedikata lil Alla u għall-karità, tant li kienet imsejħa, “omm il-fqar”. Ningħaqad mal-ferħ tal-Knisja fil-Brażil għal din id-dixxiplu mdawwla tal-Mulej. Insellem b’imħabba lil Konfraternitajiet kollha li huma preżenti, li ġew minn tant pajjiżi. Grazzi għax-xhieda tagħkom ta’ fidi! Insellem ukoll il-gruppi parrokjali u l-familji, kif ukoll il-parata kbira ta’ diversi baned mużikali u assoċjazzjonijiet tal-Schützen li gew mill-Ġermanja. Tislima speċjali llum għall-Assoċjazzjoni “Meter”, f’jum it-tfal li huma vittmi tal-vjolenza. U dan jagħtini l-okkażjoni biex inwassal il-ħsieb tiegħi għal dawk kollha li batew u qed ibatu minħabba abbużi. Nixtieq nassigurhom li huma preżenti fit-talb tiegħi, imma rrid li bil-qawwa kollha ngħid li lkoll irridu ninpenjaw ruħna bi kjarezza u kuraġġ sabiex kull persuna umana, speċjalment it-tfal, li huma fost il-kategoriji l-aktar vulnerabbli, tkun dejjem imħarsa u protetta. Nagħmel kuraġġ ukoll lill-morda li jsofru minn pressjoni għolja pulmonari u lill-familji tagħhom. Il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!
|