DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU

 REGINA COELI

Pjazza San Pietru, It-Tnejn fuq l-Għid,

1 ta’ April 2013.

Għeżież ħuti,

Il-ġurnata t-tajba u l-Għid it-tajjeb lilkom ilkoll! Nirringrazzjakom li ġejtu daqshekk numerużi, anki llum, biex nqasmu flimkien il-ferħ tal-Għid, il-misteru ċentrali tal-fidi tagħna. Jalla l-qawwa tal-Qawmien ta’ Kristu  tasal għand kull persuna – b’mod speċjali għand min qed ibati – u tasal fis-sitwazzjonijiet kollha li jeħtieġu l-fiduċja u t-tama.

Kristu rebaħ fuq  il-ħażen b’mod sħiħ u definittiv, imma rridu nkunu aħna, il-bnedmin ta’ kull żmien li nilqgħu din ir-rebħa fil-ħajja tagħna u fir-realtajiet konkreti tal-istorja u tas-soċjetà. Għalhekk, naħseb  importanti nisħqu fuq dak li nitolbu lil Alla fil-liturġija tallum: “O Missier, int li dejjem tkabbar il-Knisja tiegħek b’ulied ġodda, agħti lill-qaddejja tiegħek li permezz ta’ ħajja tajba,jibqgħu jħarsu fihom il-frott tas-sagrament tat-twelid ġdid li ħadu, huma u jistqarru l-fidi” (Kolletta tat-Tnejn tal-Ottava tal-Għid)

    Tassew, jeħtieġ li l-Magħmudja li tagħmilna ulied Alla u l-Ewkaristija li tgħaqqadna ma’ Kristu  jsiru ħajja, jiġifieri jissarfu f’attaġġamenti, f’imġiba, f’ġesti, f’għażliet.  Fil-grazzja tas-Sagramenti paskwali  hemm  qawwa  li ġġib  tiġdid enormi fil-ħajja  personali tagħna, fil-ħajja tal-familji, fir-relazzjonijiet soċjali. Imma dan kollu jseħħ permezz tal-qalb tal-bniedem: jekk jien inħalli l-grazzja ta’ Kristu Rxoxt taħdem fija, jekk inħalliha tibdil fija dak  li mhux tajjeb, dak li jista’ jkun ħażin għalija u għall-oħrajn, jien inkun qed inħalli r-rebħa ta’ Kristu sseħħ f’ħajti,  inkun qed inħalliha tagħmilli dejjem aktar ġid. Din hi il-qawwa tal-grazzja!  Mingħajr il-grazzja ma  nagħmlu xejn! Mingħajr il-grazzja ma nistgħu nagħmlu xejn! U permezz tal-grazzja tal-Magħmudija u tal-Komunjoni Ewkaristika jien nista’ nsir strument tal-ħniena t’Alla, ta’ dik il-ħniena sabiha t’Alla.

Ejjew nħallu  s-sagrament li rċevejna jidher fil-ħajja tagħna: għeżież ħuti, dan hu l-impenn tagħna ta’ kuljum, imma huwa wkoll il-ferħ tagħna! Il-ferħ li nħossuna strumenti tal-grazzja ta’ Kristu, bħal friegħi magħquda mad-dielja, li  huwa Hu stess,  u  mogħtija l-ħajja mill-Ispirtu tiegħu!

Ejjew f’isem il-Mulej li miet u rxoxta u bl-interċessjoni ta’ Marija nitolbu li l-Misteru tal-Għid jaħdem  b’qawwa fina u fi żmienna, biex l-imħabba tieħu post il-mibegħda, il-verita tieħu post il-gideb, il-maħfra tieħu post il-vendetta, il-ferħ jieħu post id-dwejjaq.

 

Wara r-Regina Coeli

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, għeżież pellegrini, li ġejtu hawn minn kontinenti differenti biex tieħdu sehem f’din il-laqgħa ta’ talb.

Nawgura ġurnata serena lil kull wieħed u waħda minnkom; f’dan il-jum qed nfakkru b’ferħ it-tħabbira tal-Għid: Kristu qam mill-mewt! L-għid it-tajjeb lil kulħadd!

L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd u l-ikla t-tajba!

 

Traduzzjoni minn Vivienne Attard.