IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd tal-Ħniena Divina, 28 ta’ April, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw 20, 19-31) jirrakkonta li f’jum l-Għid filgħaxija Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu fiċ-Ċenaklu u ġab miegħu tliet rigali: il-paċi, il-ferħ u l-missjoni appostolika.

L-ewwel kliem li hu jlissen huma: “Il-Paċi magħkom” (v. 21).  L-Irxoxt iġib miegħu l-paċi awtetnika għax permezz tas-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib hu ġab ir-rikonċiljazzjoni bejn Alla u l-umanità u għeleb id-dnub u l-mewt.  Din hi l-paċi.  Id-dixxipli tiegħu kienu l-ewwel nies li ]tie[u dil-paċi għax wara l-arrest u l-kundanna għall-mewt tal-Imgħallem, kienu waqgħu f’fixla u fil-biża’.  Ġesù jippreżenta ru]u quddiemhom, ħaj, u waqt li jurihom il-pjagi – Ġesù ried li jibqa’ jżomm il-pjagi tiegħu – fil-ġisem glorjuż tiegħu, jag]ti l-paċi bħala frott tar-rebħa tiegħu.  Iżda dik il-lejla l-appostlu Tumas ma kienx preżenti..  Meta nfurmawh b’dan l-avveniment straordinarju, hu ddubita x-xhieda li tawh l-Appostli l-oħra u ppretenda li jiċċekkja l-verità ta’ dak li kienu qed jaffermawlu, personalment.  Tmint ijiem wara, jiġifieri propju bħal-lum, tittennna d-dehra: Ġesù jersaq lejn id-dubju ta’ Tumas billi jistiednu jmiss il-pjagi tiegħu.  Dawn huma l-fawwara tal-paċi għax huma sinjal  tal-imħabba bla qies ta’ Ġesù li g]eleb il-qawwiet ostili għall-bniedem: id-dnub u l-mewt.  Jistiednu jmiss il-pjagi.  Hi tagħlima għalina, qiesu Ġesù qed jgħid lilna lkoll: “Jekk int ma tħossokx fil-paċi, miss il-pjagi tiegħi”.

Il-mess tal-pjagi ta’ Ġesù li huma l-bosta problemi, diffikultajiet, persekuzzjonijiet, mard ta’ tant bnedmin li qed isofru.  Int m’intix fil-paċi?  Mur, mur żur lil xi ħadd li hu simbolu tal-pjaga ta’ Ġesù.  Miss il-pjaga ta’ Ġesù.  Minn dik il-pjaga tnixxi l-ħniena.  Hu għalhekk illi llum hu Ħadd il-Ħniena.  Wieħed qaddis kien jgħid li l-ġisem ta’ Ġesù kurċifiss jixbaħ xkora ta’ ħniena, li bis-saħħa tal-pjagi tasal għandna lkoll .  Ilkoll kemm aħna neħtieġu l-ħniena, nafuha din.  Ejjew nersqu lejn Ġesù u mmissu l-pjagi tiegħu f’ħutna li qed isofru.  Il-pjagi ta’ Ġesù huma teżor: minn hemm toħroġ il-ħniena.  Inkunu kuraġġużi u mmissu l-pjagi ta’ Ġesù.  Hu jinsab quddiem il-Missier b’dawn il-pjagi, jurihomlu, qiesu qed jgħidlu: “Missier, dan hu l-prezz, dawn il-pjagi ħallasthom għal ħuti”.  Bil-pjagi tiegħu Ġesù jinterċedi quddiem il-Missier.  Jagħtina l-ħniena meta nersqu lejh, u Hu jinterċedi għalina.  Ma ninsewhomx il-pjagi ta’ Ġesù.

It-tieni rigal li Ġesù wassal lid-dixxipli tiegħu hu l-ferħ.  L-evanġelista jgħid li “d-dixxipli ferħu x’ħin raw lill-Mulej” (v. 20). U hemm sentenza qasira oħra, fil-verżjoni ta’ Luqa, li tgħidilna li ma setgħux jemmnu bil-ferħ li qabadhom.  Aħna wkoll, meta forsi tkun ġratilna xi ħaġa inkredibbli, sabiha, nħossu li nkunu rridu ngħidu: “anqas nista’ nemmen li dan hu minnu!”,  Hekk ġralhom id-dixxipli, ma setgħux jemmnu bil-ferħ li kienu jħossu.  Dan hu l-ferħ li jġibilna Ġesù.  Jekk int bil-geddum, jekk m’intix fil-paċi, ħares lejn Ġesù kurċifiss, ħares lejn Ġesù Rxoxt, ħares lejn il-pjagi tiegħu u għamel tiegħek dak il-ferħ.

Imbagħad, minbarra l-paċi u l-ferħ Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu wkoll il-missjoni.  Jgħidilhom:  “Kif Missieri bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom” (v. 21). il-qawmien ta’ Ġesù hu l-bidu ta’ dinamiżmu ta’ mħabba ġdida, bil-ħila li tittrasforma d-dinja bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu.

F’dat-tieni Ħadd tal-Għid aħna mistednin nersqu lejn Kristu bil-fidi billi niftħu qlubna għall-paċi, għall-ferħ u għall-missjoni.  Imma ma ninsewx il-pjagi ta’ Ġesù għax minn hemmhekk ifawwru l-paċi, il-ferħ u l-qawwa għall-missjoni.  Nafdaw dit-talba tagħna  lill-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, reġina tas-sema u tal-art.

 

Wara r-Regina Coeli

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Roja, fl-Arġentina, kienu dikjarati Beati Enrique Angel Angelelli, Isqof Djoċesan, Carlos de Dios Murias, Franġsikan Konventwali, Gabriel Longueville, saċerdot fidei donum, u Wenceslao Pedemera, katekista u missier ta’ familja.  Dawn il-martri tal-fidi kienu persegwitati minħabba l-ġustizzja u l-fedeltà lejn l-Evanġelju.  L-eżempju tagħhom u l-interċessjoni tagħhom għandhom ikunu ta’ sostenn partikolarment għal min jaħdem biex ikun hemm soċjetà aktar ġusta u solidali.  Wieħed minnom kien Franċiż li kien mar missjunarju fl-Arġentina.  It-tlieta l-oħra kienu Arġentini.  Nagħtu applaws lill-beati l-ġodda, ilkoll!

Nistedinkom ilkoll biex tingħaqdu miegħi fit-talb għar-refuġjati li jinsabu fiċ-ċentri ta’ akkoljenza fil-Libja, għax is-sitwazjoni tagħhom, li diġà hi gravi ħafna, saret aktar perikoluża minħabba l-kunflitt li għaddej.  Nagħmel appell sabiex, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-morda jiġu evakwati mill-aktar fis permezz ta’ kuriduri umanitarji.

U nitolbu wkoll għal dawk li tilfu ħajjithom jew sofrew ħsarat kbar minħabba l-għarar ta’ dan l-aħħar fl-Afrika t’Isfel.  Lil dawn ħutna wkoll, jalla ma jonqsulhomx is-solidarjetà u s-sotenn konkret tal-Komunità Internazzjonali.

Insellem lilkom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi, partikolarment lill-fidili minn Tlalnepantla (il-Messiku), liż-żgħażagħ minn Valencia, lill-istudenti minn Tricase, lill-adoloxxenti minn Arcore u li dawk minn Carugo; lill-fidili minn Modugno u minn Genova.  Tislima speċjali lill-pellegrinaġġ djoċesan tal-familji mill-Arċidjoċesi ta’ Trani-Barletta-Bisceglie, kif ukoll lid-devoti tal-Ħniena Divina li ltaqgħu illum fil-knisja ta’ Santo Spirito in Sassia.

Lil ħutna tal-Knejjes Orjentali, li llum, skont il-kalendarju ġuljan, qed jiċċelebraw l-Għid Imqaddes, intihom l-awguri minn qalbi.  Il-Mulej Irxoxt jagħtihom il-ferħ u l-paċi!  U applaws ukoll għall-kattoliċi u l-ortodossi orjentali, biex ngħidulhom: “l-Għid it-tajjeb”.

Fl-aħħar irrodd ħajr lil dawk kollha li f’daż-żmien bagħtuli messaġġi ta’ awguri għall-Għid.  Irrodilhom l-awguri minn qalbi u nitlob fuqhom u fuq kull familja, kull ġid.

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber