Insellmilkom, minn qalbi nsellmilkom!

 

Jien nara fikom tant ħeġġa u tant ferħ. Imma issa sa jkolli ngħid xi ħaġa li sa ssewdilna ftit qalbna. Nagħmlu mument ta’ skiet. Din ħaġa li tolqot lil wieħed minnkom. Maciej […] kien għadu kemm għalaq it-tnejn u għoxrin sena. Fil-fatt, tiegħu huma l-ħafna disinni fuq il-bnadar, ix-xbihat tal-Qaddisin Patruni, tal-basket tal-pellegrin, u l-bqija, li qed iżejnu l-belt. Propju f’dan ix-xogħol hu reġa’ sab il-fidi tiegħu.

 

F’Novembru sabulu kankru. It-tobba ma setgħu jagħmlu xejn, lanqas meta qatgħulu siequ. Hu ried iwassal ħaj saż-żjara tal-Papa! Kellu post miżmum fit-tramm li fih sa jivvjaġġa l-Papa. Imma miet fit-2 ta’ Lulju. Mess ħafna qlub: hu għamel ħafna ġid lil kulħadd.

 

Issa, ilkoll fis-skiet, ejjew naħsbu f’dan seħibna, li ħabrek tant għal dan il-Jum; u lkoll kemm aħna, fis-skiet, nitolbu mill-qalb. Kull wieħed u waħda jitlob mill-qalb. Hu jinsab preżenti hawn fostna.

 

[talb fis-skiet]

 

Xi ħadd minnkom forsi qed jgħid: “Dan il-Papa ħa jirvinalna s-serata”. Imma din hi l-verità, u aħna rridu nidraw naċċettaw kemm il-ħwejjeġ sbieħ u kemm dawk koroh. Hekk hi l-ħajja, għeżież żgħażagħ. Imma hemm ħaġa li ma nistgħux niddubitaw: il-fidi ta’ dan il-ġuvni, ta’ dan il-ħabib tagħna, li ħadem tant għal dan il-JDŻ, wasslitu l-Ġenna, u hu bħalissa jinsab ma’ Ġesù, li qed iħares fuqna lkoll! U din hi grazzja. Applaws lil dan il-ħabib tagħna!

 

Anki aħna jum wieħed għad niltaqgħu miegħu: “Aħ, int kont! Għandna pjaċir!”. Hekk hu. Għax il-ħajja hekk hi: illum qegħdin hawn, u għada nkunu hemm. Il-problema hi kif nagħżlu t-triq it-tajba, bħalma għażilha hu.

 

Irroddu ħajr lil Alla li jagħtina dawn l-eżempji ta’ kuraġġ, ta’ żgħażagħ qalbiena li jgħinuna nibqgħu mexjin ’il quddiem f’ħajjitna! U la tibżgħux, tibżgħux! Alla hu kbir, Alla hu twajjeb u lkoll kemm aħna għandna xi ħaġa tajba fina.

 

Issa sa ninġabar. Niltaqgħu għada, nerġgħu niltaqgħu għada. Intom agħmlu d-dmir tagħkom, jiġifieri agħmlu storbju l-lejl kollu… U uru l-ferħ Nisrani tagħkom, il-ferħ li l-Mulej qed jagħtikom li tkunu komunità li timxi wara Ġesù.

 

U issa nagħtikom il-barka tiegħi. U kif sa minn meta konna għadna tfal tgħallimna nagħmlu qabel nitilqu, ejja nsellmu lil ommna. Nitolbu lkoll lill-Madonna, kull wieħed u waħda bl-ilsien tiegħu jew tagħha. Is-sliem għalik, Marija…

 

 

[Barka]

 

Il-lejl it-tajjeb! Il-lejl it-tajjeb! U itolbu għalija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard