Qaluli li ħafna minnkom jifhmu l-ispanjol, u allura se nitkellem bl-ispanjol. Qaluli wkoll li llum hawn grupp sabiħ hawn, f'din il-pjazza, ta' miżżewġin friski u miżżewġin żgħażagħ. Jien, meta niltaqa' ma xi ħadd li se jiżżewweġ, żagħżugħ li se jiżżewweġ, żagħżugħa li se tiżżewweġ, ngħidilhom: "Dawn huma dawk li huma kuraġġjużi!". Għaliex mhux faċli tifforma familja, mhux faċli tintrabat għal dejjem, irid ikollok kuraġġ. U nifirħilkom, għax intom għandkom kuraġġ.

Kultant jistaqsuni kif tagħmel sabiex il-familja timxi dejjem 'il quddiem u tirbaħ id-diffikultajiet. Jien nissuġġerilhom jużaw dejjem tliet kelmiet, tliet kelmiet li jesprimu tliet atteġġjamenti - hemm qed jasalu aktar miżżewġin friski -, tliet kelmiet li jistgħu jgħinu ż-żwieġ tagħkom, u allura l-ħajja tal-familja tagħkom, għax kull żwieġ għandu l-problemi... Iż-żwieġ huwa ħaġa ta' ħafna ġmiel, sabiħ tant li għandna nieħdu ħsiebu, għaliex huwa għal dejjem. Dawn il-kelmiet huma: jekk jogħġbok, grazzi, u naħfirlek.

Jekk jogħġbok. Saqsih dejjem lil sieħbek, il-mara lil żewġha u r-raġel lil martu: "X'taħseb? Nagħmlu hekk?". Qatt taqbżu lil xulxin. "Jekk jogħġbok".

It-tieni kelma: li tkun rikonoxxenti. Kemm-il darba r-raġel għandu jgħid lil martu: "grazzi". U kemm-il darba l-mara għandha tgħid lil żewġha: "grazzi". Irringrazzjaw lil xulxin, għaliex is-sagrament taż-żwieġ jingħata mill-istess miżżewġin, wieħed lill-ieħor. U din ir-relazzjoni sagramentali tinżamm b'dan is-sentiment ta' gratitudini. "Grazzi".

It-tielet kelma hija: "skużani". Hija kelma tqila wisq biex tgħidha. Fiż-żwieġ, dejjem - bejn ir-raġel u l-mara -, dejjem hemm xi ħaġa li ma nftiehmitx tajjeb. Ammetti dejjem, u itlob skuża.

Ejjew nirrepetuhom flimkien: jekk jogħġbok, grazzi, u skużani. B'aktar qawwa, ilkoll! Jekk jogħġbok! Grazzi! Skużani!

Tajjeb, dan kollu hu sabiħ ħafna! U huwa sabiħ ħafna li tgħidu fil-ħajja taż-żwieġ. Imma dejjem, fil-ħajja taż-żwieġ se jkun hemm problemi u tilwim. Huwa normali u jiġri li l-miżżewġin jitlewmu, jerfgħu leħinhom, jillitikaw, u xi drabi jtiru l-platti! Tibżgħux, imma, meta jiġri hekk. Nagħtikom parir: qatt ittemmu l-ġurnata bla ma tagħmlu paċi. U tafu għaliex? Għaliex il-"gwerra bierda" fil-jum ta' wara ssir aktar perikoluża. "U kif se nagħmel, dun, biex nagħmel paċi?", jista' jistaqsi xi ħadd minnkom. M'hemmx għalfejn kliem, biżżejjed ġest, u jispiċċa kollox, il-paċi ssir. Meta hemm l-imħabba, ġest jirranġa kollox.

Nistedinnkom, qabel tirċievu l-barka, titolbu għall-familji kollha li jinsabu hawn, għall-miżżewġin ġodda, għal dawk li ilhom miżżewġin għal xi żmien u jafu b'dak li għidtilkom, u għal dawk li se jiżżewġu. Nitolbu flimkien Ave Maria, kulħadd bil-lingwa tiegħu.

Ave Maria...

Barka.

U itolbu għalija! Tassew, itolbu għalija! Il-lejl it-tajjeb u l-mistrieħ it-tajjeb!

 

https://www.facebook.com/notes/jum-dinji-taż-żgħażagħ/