VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-PANAMA FL-OKKAŻJONI TAL-

XXXIV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

(23-28 TA’ JANNAR 2019)

 

VIA CRUCIS MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 

Campo Santa Maria la Antigua – Cinta Costera (Panama)

Il-Ġimgħa 25 ta’ Jannar 2019

 

Kelmtejn tal-Papa fil-bidu tal-Via Crucis

 

Għeżież żgħażagħ tad-dinja!

 

Li nimxu wara Ġesù dejjem se tkun grazzja u riskju fl-istess ħin.

 

Grazzja, għax irridu nħabirku biex ngħixu fil-fidi u nagħrfuh, billi ninfdu fil-qiegħ nett ta’ qalbu, u nifhmu l-qawwa tal-kelma tiegħu.

 

Riskju, għax f’Ġesù l-kliem tiegħu, il-ġesti tiegħu, l-għemejjel tiegħu jikkuntrastaw mal-ispirtu tad-dinja, mal-ambizzjoni umana, mal-proposti ta’ kultura tal-iskart u tan-nuqqas ta’ mħabba.

 

Hemm ċertezza li timla bit-tama din il-Via Crucis: Ġesù mxieha bi mħabba. U għexitha wkoll il-Verġni Glorjuża, dik li sa mill-bidu tal-Knisja riedet twieżen bil-ħlewwa tagħha l-mixja tal-evanġelizzazzjoni.


 

 

DISKORS TAL-PAPA

 

Mulej, Missier il-ħniena, f’din iċ-Cinta Costera, flimkien ma’ tant żgħażagħ oħra ġejjin mid-dinja kollha, seħibna lil Ibnek fit-triq tas-salib; dik it-triq li ried jimxiha għalina, biex jurina kemm int tħobbna u kemm int parti minn ħajjitna.

 

Il-mixja ta’ Ġesù lejn il-Kalvarju hi mixja ta’ tbatija u solitudni li għadha għaddejja fi żminijietna. Hu jimxi, ibati f’tant uċuħ li qed ibatu minħabba fl-indifferenza sodisfatta u lluppjata tas-soċjetà tagħna, soċjetà li tikkonsma u hi kkunsmata, li tinjora u hi injorata fl-uġigħ ta’ ħutha.

 

Aħna wkoll, il-ħbieb tiegħek, o Mulej, nittieħdu mill-apatija, mill-immobiliżmu. Mhux darba u tnejn il-konformiżmu rebaħna u żammna mwaħħlin. Sibnieha bi tqila nagħrfuk f’ħuna li qed ibati: ħarisna band’oħra, biex ma narawx; sibna l-kenn fl-istorbju, biex ma nisimgħux; saddejna ħalqna, biex ma ngħajtux.

 

Dejjem l-istess tentazzjoni. Iktar faċli u “fih iktar ħlas” li nkunu ħbieb fir-rebħa u fil-glorja, fis-suċċess u fl-applaws; iktar faċli noqogħdu qrib ta’ min hu meqjus popolari u rebbieħ.

 

Kemm hu faċli naqgħu fil-kultura tal-ibbulljar, tal-fastidju, tal-intimidazzjoni, tal-iżvog fuq min hu dgħajjef!

 

Għalik mhuwiex hekk, Mulej: fis-salib int twaħħadt ma’ kull tbatija, ma’ dawk kollha li jħossuhom minsija.

 

Għalik mhuwiex hekk, Mulej, għax int ridt tħaddan miegħek lil dawk kollha li tant drabi nqisuhom li ma tistħoqqilhomx it-tgħanniqa, iż-żegħila, il-barka; jew agħar minn hekk, lanqas nintebħu li għandhom bżonnha, ninjorawhom.

 

Għalik mhuwiex hekk, Mulej: fis-salib int tissieħeb mal-via crucis ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa, ta’ kull sitwazzjoni biex tibdilha fi triq lejn il-qawmien.

 

Missier, illum il-via crucis ta’ Ibnek qed tissokta sseħħ:

 

qed tissokta fil-karba fgata tat-trabi li ma jħalluhomx jitwieldu u ta’ tant oħrajn li jċaħħdulhom id-dritt li jkollhom tfulija, familja, edukazzjoni; fit-tfal li ma jistgħux jilagħbu, ikantaw, joħolmu…;

 

qed tissokta fin-nisa maltrattati, abbużati u abbandunati, imneżżgħin u injorati fid-dinjità tagħhom;

 

u fl-għajnejn imnikkta taż-żgħażagħ li jaraw min jisirqilhom it-tamiet tagħhom fil-futur minħabba n-nuqqas ta’ edukazzjoni u ta’ xogħol dinjituż;

 

qed tissokta fit-tbatija ta’ wċuħ żgħażagħ, ħbieb tagħna, li jaqgħu fin-nases ta’ nies bla skrupli – fosthom hemm ukoll persuni li jgħidu li jaqdu lilek, Mulej –, xbieki ta’ sfruttament, ta’ kriminalità u ta’ abbuż, li jieklu minn fuq dahar il-ħajja taż-żgħażagħ.

 

Il-via crucis ta’ Ibnek qed tissokta f’tant żgħażagħ u familji li, mixruba minn ċirku ta’ mewt minħabba fid-droga, fix-xorb, fil-prostituzzjoni u fit-traffikar uman, isibu ruħhom imċaħħda mhux biss mill-futur imma wkoll mill-preżent. U l-istess kif qasmu ħwejġek, Mulej, tiġi maqsuma bejniethom u mkasbra d-dinjità tagħhom.

 

Il-via crucis ta’ Ibnek tissokta fiż-żgħażagħ b’uċuħ imbeżżgħa għax tilfu l-ħila li joħolmu, li joħolqu u jinsġu l-jum ta’ għada u “joħorġu bil-pensjoni” bil-piena tar-rassenjazzjoni u tal-konformiżmu, waħda mid-drogi l-iżjed ikkunsmati ta’ żmienna.

 

Qed tissokta fit-tbatija moħbija u tal-biża’ ta’ dawk li, flok is-solidarjetà, min-naħa ta’ soċjetà li għandha kollox, isibu biss rifjut, tbatija u miżerja, u iktar minn hekk jiġu indikati u ttrattati bħala dawk li qed iġorru u huma responsabbli għal kull ħażen soċjali.

 

Il-passjoni ta’ Ibnek tissokta fis-solitudni rassenjata tal-anzjani, li qed inħalluhom abbandunati u mormija.

 

Qed tissokta fil-popli indiġeni, imneżżgħa mill-artijiet tagħhom, minn għeruqhom u mill-kultura tagħhom, fejn qed jiġi msikket u mitfi l-għerf kollu li għandhom u li jistgħu joffrulna.

 

Missier, il-via crucis ta’ Ibnek qed tissokta fil-karba ta’ ommna l-art, li hi miġruħa fil-ġewwieni tagħha mit-tinġis tal-atmosfera, min-nixfa tal-għelieqi tagħha, mill-ħmieġ ta’ ilmijietha, u li qed naraw tiġi mżebilħa mill-istmerrija u mill-konsum sfrenat li m’għadux jaf b’raġunar.

 

Qed tissokta f’soċjetà li tilfet il-ħila li tibki u li titqanqal quddiem it-tbatija.

 

Iva, Missier, Ġesù għadu jimxi, jitgħabba u jbati f’dawn l-uċuħ kollha, filwaqt li d-dinja, indifferenti, u f’ċiniżmu komdu, tikkonsma t-traġedja tas-superfiċjalità li qed tgħix fiha.

 

U aħna, Mulej, x’qed nagħmlu?

 

Kif qed nirreaġixxu quddiem Ġesù li jbati, jimxi, jemigra fil-wiċċ ta’ tant minn ħbiebna, ta’ tant oħrajn li ma nafuhomx u li tgħallimna nġibuhom inviżibbli?

 

U aħna, Missier il-ħniena,

 

qed infarrġu u nsieħbu lill-Mulej, bla difiża u fit-tbatija, fl-iżjed ċkejkna u abbandunati?

 

Qed ngħinuh jerfa’ t-toqol tas-salib, bħaċ-Ċirinew, billi nkunu bennejja tal-paċi, dawk li noħolqu l-ftehim, ħmira ta’ fraternità?

 

Għandna l-kuraġġ li nibqgħu wieqfa f’riġlejn is-salib bħal Marija?

 

Nikkontemplaw lil Marija, mara qawwija. Minnha rridu nitgħallmu nibqgħu weqfin taħt is-salib. Bl-istess determinazzjoni u kuraġġ tagħha, mingħajr ma naħarbu jew ngħixu f’illużjoni. Hi għarfet issieħeb it-tbatija ta’ Binha, Ibnek, o Missier, twieżnu bil-ħarsa tagħha u tħarsu bil-qalb tagħha. Tbatija li batiet, imma li ma għaffġithiex. Kienet il-mara b’saħħitha tal-“iva”, li twieżen u ssieħeb, tipproteġi u tħaddan. Hi l-ħarriesa l-kbira tat-tama.

 

Aħna wkoll, Missier, nixtiequ nkunu Knisja li twieżen u ssieħeb, li taf tgħid: Jiena hawn!, fil-ħajja u fis-slaleb ta’ tant Kristijiet li mexjin fostna.

 

Minn Marija nitgħallmu llissnu “iva” għar-reżistenza qawwija u kostanti ta’ tant ommijiet, tant missirijiet, nanniet, li ma jieqfu qatt iwieżnu u jsieħbu lil uliedhom u n-neputijiet tagħhom meta jsibu ruħhom “fl-inkwiet”.

 

Minnha nitgħallmu ngħidu “iva” għall-paċenzja determinata u għall-kreattività ta’ dawk li ma jaqtgħux jieshom u jerġgħu jibdew mill-ġdid f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn kollox jidher li kien intilef, u jfittxu li joħolqu spazji, ambjenti familjari, ċentri ta’ attenzjoni li huma id miftuħa fid-diffikultà.

 

F’Marija nitgħallmu l-qawwa li llissnu “iva” lil dawk li ma siktux u ma jisktux quddiem kultura tal-maltrattament u tal-abbuż, taż-żebliħ u tal-vjolenza, u jħabirku biex joffru opportunitajiet u kundizzjonijiet ta’ sigurtà u protezzjoni.

 

F’Marija nitgħallmu nilqgħu u nospitaw lil dawk kollha li ġarrbu l-abbandun, li kellhom iħallu jew jitilfu arthom, l-għeruq tagħhom, il-familja, ix-xogħol.

 

Missier, bħal Marija rridu nkunu Knisja, il-Knisja li tiffavorixxi kultura li kapaċi tilqa’, tħares, tippromovi u tintegra; li ma tistigmatizzax u wisq inqas tiġġeneralizza bl-iktar kundanna assurda u irresponsabbli li tidentifika kull immigrant bħala xi ħadd li qed jikkawża l-ħażen soċjali.

 

Minnha rridu nitgħallmu nibqgħu weqfin fuq riġlejna taħt is-salib, mhux b’qalb riġida u magħluqa, imma b’qalb li taf issieħeb, li taf x’inhi l-ħlewwa u l-għożża; li hi esperta tal-ħniena u timxi bir-rispett, bid-delikatezza u bil-komprensjoni. Nixtiequ nkunu Knisja tal-memorja li tirrispetta u tivvalorizza l-anzjani u tħarsilhom l-ispazju li hu tagħhom, bħala ħarriesa tal-għeruq tagħna.

 

Missier, bħal Marija rridu nitgħallmu noqogħdu.

 

Għallimna, Mulej, nibqgħu weqfin taħt is-salib, f’riġlejn is-slaleb; illejla iftħilna għajnejna, qalbna; eħlisna mill-paraliżi u mill-konfużjoni, mill-biża’ u mill-qtigħ il-qalb. Missier, għallimna ngħidu: Ninsab hawn flimkien ma’ Ibnek, flimkien ma’ Marija u flimkien ma’ tant dixxipli maħbuba li jixtiequ jilqgħu s-Saltna tiegħek f’qalbhom. Amen.

 


 

U wara li għexna l-Passjoni tal-Mulej, flimkien ma’ Marija f’riġlejn is-salib, ejjew immorru bil-qalb siekta u fis-sliem, hienja u b’xewqa hekk kbira li timxi wara Ġesù. Ħa jkun Ġesù li jseħibkom u l-Verġni li tħariskom. Narakom!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard