VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-PANAMA FL-OKKAŻJONI TAL-

XXXIV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

(23-28 TA’ JANNAR 2019)

 

QUDDIESA GĦALL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Campo San Juan Pablo II – Metro Park (Panama)

Il-Ħadd 27 ta’ Jannar 2019

 

“Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: ‘Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu’” (Lq 4:20-21).

 

Hekk il-Vanġelu jippreżentalna l-bidu tal-missjoni pubblika ta’ Ġesù. Jippreżentah fis-sinagoga li ratu jikber, imdawwar minn nies li jafuh u qraba u, min jaf, forsi anki minn xi “katekista” ta’ tfulitu li għallmu l-liġi. Mument importanti fil-ħajja tal-Imgħallem, li miegħu t-tfajjel li kien ġie ffurmat u kien trabba fi ħdan dik il-komunità, issa qam u qabad il-Kelma biex ixandarha u jwettaq il-ħolma ta’ Alla. Kelma li sa dakinhar kienet ixxandret biss bħala wegħda, imma li fuq fomm Ġesù setgħet tingħad biss fil-preżent, u hekk issir realtà: “Seħħet illum”.

 

Ġesù jikxef l-issa ta’ Alla li jiġi jiltaqa’ magħna biex isejjaħ lilna wkoll biex nibdew nagħmlu parti mill-issa tiegħu, fejn “iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin”, “iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin u d-dawl mill-ġdid lill-għomja”, “irodd il-ħelsien lill-maħqurin”, u “jxandar sena tal-grazzja tal-Mulej” (ara Lq 4:18-19). U l-issa ta’ Alla li b’Ġesù jsir preżenti, isir wiċċ, ġisem, imħabba ħanina li ma tistenniex is-sitwazzjonijiet ideali jew perfetti biex turi ruħha, lanqas taċċetta skużi biex titwettaq. Huwa ż-żmien ta’ Alla li jagħmel tajbin u f’lokhom kull sitwazzjoni u kull spazju. F’Ġesù jibda u jieħu l-ħajja l-futur imwiegħed.

 

Meta? Issa. Imma mhux dawk kollha li kienu qed jisimgħuh hemmhekk ħassewhom mistiedna jew mibgħuta. Mhux il-qraba kollha ta’ Nazaret kienu lesti li jemmnu f’xi ħadd li kienu jafu jew raw jikber u li kien qed jistedinhom iwettqu ħolma tant mistennija. Anzi, qalu: “Imma dan mhux bin Ġużeppi?” (ara Lq 4:22).

 

Lilna wkoll tista’ tiġrilna l-istess ħaġa. Mhux dejjem nemmnu li Alla jista’ jkun tant konkret u jidħol fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, tant qrib tagħna u reali, u wisq inqas li jsir hekk preżenti u jaġixxi permezz ta’ xi persuna li nafu bħalma jista’ jkun qarib tagħna, xi ħabib, wieħed tal-familja. Mhux dejjem nemmnu li l-Mulej jista’ jistedinna naħdmu u nħammġu jdejna flimkien miegħu fis-Saltna tiegħu b’mod hekk sempliċi imma ċar. Ikun jeħtieġ naċċettaw li “l-imħabba divina ssir konkreta u kważi nistgħu nesperimentawha fl-istorja bil-ġrajjiet kollha ta’ niket u glorja tagħha” (Benedittu XVI, Katekeżi, 28 ta’ Settembru 2005).

 

U mhux darba u tnejn inġibu ruħna bħall-qraba ta’ Nazaret, meta nippreferu Alla mbiegħed: sabiħ, tajjeb, ġeneruż, imfassal sew, imma mbiegħed u, fuq kollox li ma jiskomodaniex, Alla “mmansat”. Għax Alla li hu qrib tagħna fil-ħajja ta’ kuljum, Alla ħabib u ħuna jitlobna nitgħallmu nkunu qrib, ngħixu l-ħajja ta’ kuljum u fuq kollox il-fraternità. Hu ma riedx juri ruħu b’mod anġeliku jew spettakolari, imma ried jagħtina wiċċ fratern u ħabib, konkret, familjari. Alla hu ta’ veru għax l-imħabba hi ta’ veru, Alla hu konkret għax l-imħabba hi konkreta. U hi preċiżament din il-“konkretezza tal-imħabba li hi waħda mill-elementi essenzjali tal-ħajja tal-Insara” (ara Id., Omelija, 1 ta’ Marzu 2006).

 

Aħna wkoll nistgħu ngħaddu mill-istess riskji tan-nies ta’ Nazaret, meta fil-komunitajiet tagħna l-Vanġelu jrid isir ħajja konkreta u aħna nibdew ngħidu: “Imma dawn it-tfal, dawn mhumiex ulied Marija, u Ġużeppi, dawn mhux ħut?… qraba ta’…? Dawn mhux tfal żgħar li aħna għenniehom jikbru?… Aħjar jagħlqu ħalqhom, kif nistgħu nemmnuhom? Dak ta’ hemm, dak mhux dak li dejjem kien ikisser il-ħġieġ b’daqqa ta’ ballun?”. U wieħed li twieled biex ikun profezija u tħabbira tas-Saltna ta’ Alla jiġi mmansat u mfaqqar. Li nippruvaw nimmansaw il-Kelma ta’ Alla hi tentazzjoni ta’ kull żmien.

 

U lilkom ukoll, għeżież żgħażagħ, jista’ jiġrilkom l-istess kull darba li taħsbu li l-missjoni tagħkom, il-vokazzjoni tagħkom, saħansitra ħajjitkom hi wegħda li, imma, tiswa biss għall-futur u m’għandha xejn x’taqsam mal-preżent. Bħallikieku li tkun żagħżugħ kien sinonimu għal waiting room għal min qed jistenna li tasal is-siegħa tiegħu. U “sadattant”, sakemm tasal dik is-siegħa, nivvintaw għalikom jew intom stess tivvintaw futur ippakkettjat tajjeb u nadif u mingħajr konsegwenzi, mibni tajjeb u bil-garanzija u kollox bl-“assigurazzjoni”. Ma rridux noffrulkom futur ta’ laboratorju! Dak ikun ferħ “ta’ biċ-ċajt”, mhux il-ferħ tal-lum, tal-konkret, tal-imħabba. U hekk b’dan il-ferħ falz “nittrankwilizzawkom”, inraqqdukom biex ma tagħmlux storbju, biex ma ddejquniex iżżejjed, ma toqogħdux tagħmlu mistoqsijiet lilkom infuskom u lilna, ma toqogħdux iġġibu fid-dubju lilkom infuskom u lilna; f’dan is-“sadattant” il-ħolm tagħkom ma jibqax jiswa, jitkaxkar mal-art, jibda jorqod u jsir “illużjonijiet” żgħar u ta’ diqa (ara Omelija ta’ Ħadd il-Palm, 25 ta’ Marzu 2018), u dan sempliċiment għax aħna naħsbu jew intom taħsbu li għadu ma wasalx l-issa tagħkom; li għadkom żgħar wisq biex tistgħu toħolmu jew tibnu l-jum ta’ għada. U hekk nibqgħu nippostponulkom… U tafu ħaġa? Ħafna żgħażagħ hekk iridu. Nitlobkom, ejjew ngħinuhom, imqar jekk ma jogħġobhomx dan, li jirreaġixxu, li jixxennqu biex jgħixu l-“issa” ta’ Alla.

 

Wieħed mill-frott tas-Sinodu riċenti kien l-għana li stajna niltaqgħu u, fuq kollox, nisimgħu. L-għana tas-smigħ bejn il-ġenerazzjonijiet, l-għana tal-iskambju u l-valur li nagħrfu li għandna bżonn ta’ xulxin, li jeħtieġ nagħmlu sforz biex niffavorixxu kanali u spazji fejn inkunu parti mill-ħolm u l-bini tal-jum ta’ għada diġà sa mil-lum stess. Imma mhux b’mod iżolat, iżda magħqudin, billi noħolqu spazju komuni. Spazju li la jiġi bħal xi rigal u lanqas nirbħuh f’xi lotterija, imma spazju li għalih intom ukoll ikollkom titqabdu. Intom iż-żgħażagħ jeħtieġ titqabdu għall-ispazju tagħkom illum, għax il-ħajja hi llum. Ħadd ma jista’ jwiegħdek imqar jum wieħed minn għada: ħajtek hi llum, illum jeħtieġ tirriskja, l-ispazju tiegħek illum qiegħed. Int kif qed twieġeb għal dan?

 

Intom, għeżież żgħażagħ, m’intomx il-futur. Nieħdu gost noqogħdu ngħidu: “Intom il-futur…”. Le, intom il-preżent! M’intomx il-futur ta’ Alla: intom iż-żgħażagħ intom l-issa ta’ Alla! Hu qed isejħilkom, qed isejħilkom fil-komunitajiet tagħkom, qed isejħilkom fil-bliet tagħkom biex tmorru tfittxu lin-nanniet, lill-adulti; biex tqumu fuq riġlejkom u flimkien magħhom tieħdu l-kelma f’idejkom u twettqu l-ħolma li biha l-Mulej ħolomkom.

 

Mhux għada, issa, għax hemm, issa, fejn jinsab it-teżor tiegħek, hemm ukoll hemm qalbek (ara Mt 6:21); u dak li miegħu tinnamraw se jirbaħ mhux biss l-immaġinazzjoni tagħkom, imma jinvolvikom kollkom kemm intom. Dak ikun li jqajjimkom filgħodu u jixprunakom fil-mumenti ta’ għeja, dak li jaqsmilkom qalbkom u li jimliekom mill-ġdid bl-għoġba, bil-ferħ u bil-gratitudni. Ħossu li għandkom missjoni u nnamraw magħha, u minn dan jiddependi kollox (ara Pedro Arrupe sjNada es más práctico). Jista’ jkollna kollox, imma, għeżież żgħażagħ, jekk ma jkollniex il-passjoni tal-imħabba, ikun jonqosna kollox. Il-passjoni tal-imħabba llum! Inħallu lill-Mulej jinnamrana u jwassalna lejn il-jum ta’ għada!

 

Għal Ġesù ma hemmx “sadattant”, imma mħabba ħanina li trid tinfed fil-qalb u tirbaħha. Hu jrid ikun it-teżor tagħna, għax Ġesù m’għandux “sadattant” fil-ħajja jew xi moda li tgħaddi, hu mħabba ta’ għotja li tistedinna ningħataw għall-oħrajn.

 

Hu mħabba konkreta, tal-lum li hu qrib tagħna, veru; hu ferħ li jitwieled jekk nagħżlu li nipparteċipaw fis-sajda mirakoluża tat-tama u tal-imħabba, tas-solidarjetà u tal-fraternità quddiem tant ħarsiet ipparalizzati u paralizzanti minħabba fil-biżgħat u l-esklużjoni, l-ispekulazzjoni u l-manipulazzjoni.

 

Ħuti, il-Mulej u l-missjoni tiegħu mhumiex “sadattant” fil-ħajja tagħna, xi ħaġa li tgħaddi, mhumiex biss xi Jum Dinji taż-Żgħażagħ: huma l-ħajja tagħna tal-lum u għal tul il-mixja!

 

Tul dawn il-jiem kollha b’mod speċjali kellna miexja magħna bħal mużika fl-isfond il-fiat ta’ Marija. Hi mhux biss emmnet f’Alla u fil-wegħdiet tiegħu bħala xi ħaġa li hi possibbli, emmnet f’Alla u kellha l-kuraġġ li tgħid “iva” biex tieħu sehem f’dan l-issa tal-Mulej. Ħasset li kellha missjoni, innamrat magħha, u dan kien li ddeċieda kollox. Jalla tħossu li għandkom missjoni, jalla tinnamraw magħha, u l-Mulej jiddeċiedi kollox.

 

U bħalma ġara fis-sinagoga ta’ Nazaret, il-Mulej, f’nofsna, ħbieb tiegħu u nies li nafuh, mill-ġdid iqum bilwieqfa, jaqbad il-ktieb u jgħidilna: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (Lq 4:21).

 

Għeżież żgħażagħ, tridu tgħixu l-konkretezza tal-imħabba tiegħu? Ħa tkompli l-“iva” tagħkom tkun il-bieb li minnu jista’ jidħol l-Ispirtu s-Santu biex jagħtina Pentekoste ġdid, lill-Knisja u lid-dinja. Hekk ikun.

 

* * *

 

TISLIMA FINALI

 

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, nirringrazzja lil Alla li tana l-possibbiltà li naqsmu flimkien dawn il-jiem u ngħixu mill-ġdid dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

 

B’mod partikulari nixtieq nirringrazzja tal-preżenza tiegħu għal din iċ-ċelebrazzjoni lis-Sur President tal-Panamá, Juan Carlos Varela Rodríguez, kif ukoll lill-Presidenti tal-pajjiżi l-oħra u l-Awtoritajiet politiċi u ċivili l-oħra.

 

Nirringrazzja lil Mons. José Domingo Ulloa Mendieta, Arċisqof tal-Panamá, għad-disponibbiltà tiegħu u l-ħidma tajba tiegħu biex laqa’ fid-Djoċesi tiegħu dan il-Jum, kif ukoll lill-Isqfijiet l-oħra ta’ dan il-pajjiż u tal-pajjiżi ġirien, għal dak kollu li għamlu fil-komunitajiet tagħhom biex jagħtu post fejn joqogħdu u għajnuna lil tant żgħażagħ.

 

Grazzi lill-persuni kollha li għenuna bit-talb tagħhom u li kkollaboraw bl-impenn u x-xogħol tagħhom biex jagħmlu realtà l-ħolma tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’dan il-pajjiż.

 

U lilkom, għeżież żgħażagħ, “grazzi” kbira. Il-fidi tagħkom u l-ferħ tagħkom heżżu lill-Panamá, l-Amerika u d-dinja kollha. Kif smajna tant drabi f’dawn il-jiem fl-innu ta’ dan il-Jum: “Aħna pellegrini li llum ġejna hawn minn kontinenti u bliet”. Qegħdin f’mixja: komplu mexjin, komplu għixu l-fidi u aqsmuha. Tinsewx li intom m’intomx il-futur, m’intomx is-“sadattant”, imma intom l-issa ta’ Alla.

 

Diġà tħabbret is-sede tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss. Nitlobkom ma tħallux jibred dak li għextu f’dawn il-jiem. Erġgħu lura fil-parroċċi u komunitajiet tagħkom, fil-familji tagħkom u għand ħbiebkom, għaddulhom dak li għextu intom, biex anki oħrajn jistgħu jħossuhom mheżża bil-qawwa u t-tama konkreta li għandkom intom. U ma’ Marija komplu lissnu “iva” għall-ħolma li żera’ Alla fikom.

 

U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard