KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FIT-TITJIRA LURA MILL-PANAMA

 

Titjira Papali

Il-Ħadd 27 ta’ Jannar 2019

 

Gisotti:

Il-lejla t-tajba!

 

Santità, għadha tidwi ġo widnejna l-għajta “la juventud del Papa”, la juventud de Jesucristo”, kif qal ukoll Mons. Ulloa [Arċisqof tal-Panamá]. Dan il-ferħ kbir, intens ta’ dawn il-jiem li tawna tant enerġija. U nemmen li lkoll stajna naraw fuq wiċċek il-ferħ ta’ din il-laqgħa, kif ukoll fuq l-uċuħ taż-żgħażagħ. Jien hawn ġibt miegħi xi ħaġa li ħafna mill-ġurnalisti, naħseb kollha, jafu biha: dan mhux sa jkun dokument li jidħol fil-maġisteru tal-Papa, imma hu dokument li naf li hu għażiż ħafna għalik. Din kanzunetta li kitbet tfajla mill-Ħonduras, Martha Avila, li lbieraħ tajtek ritratt tagħha. Din il-kanzunetta prattikament hi kanzunetta kontra l-bulliżmu, u kienet xi ftit is-sinjal f’laqgħa mal-iScholas Occurrentes. Dan biex ngħidu kif kien preżenti wkoll l-element tat-tbatija ta’ dawn iż-żgħażagħ, kif ukoll dak tal-ferħ li rajna f’tant okkażjonijiet. Nixtieq insemmilkom biss immaġni li laqtitni ħafna: Santità, int u għaddej bil-popemobile rajt tant żgħażagħ li mbagħad, wara li sellmulek, forsi għal ftit sekondi, tgħannqu ma’ xulxin. Dan messli qalbi: il-qsim tal-ferħ, jiġifieri, iż-żgħażagħ jitgħannqu wara li rawk imqar għal waqt ċkejken. Din forsi hi lezzjoni għalina l-adulti. Iż-żgħażagħ, meta jkunu ferħana, jaqsmuh dan il-ferħ, ma jżommuhx għalihom: din xi ħaġa li xtaqt naqsam miegħek u mal-ġurnalisti.

 

Santità, int kellek ukoll – qalb il-ħafna sorpriżi li tajtna f’dawn il-ġranet – laqgħa mal-Unicef, proprju fl-aħħar mumenti qabel it-tluq, fin-Nunzjatura.

 

Ma nafx jekk qabel ngħaddu l-kelma lill-ġurnalisti bil-mistoqsijiet tagħhom, tridx tgħid ukoll xi kelma ta’ tislima inti…

 

Il-Papa Franġisku:

Il-lejla t-tajba, u mbagħad il-mistrieħ it-tajjeb, għax żgur li kulħadd għajjien, wara dan il-vjaġġ hekk b’saħħtu. Grazzi tal-ħidma tagħkom! Anki għalija kien hemm affarijiet li ma kontx nimmaġinahom, sorpriżi, bħal dik li qal Gisotti, tat-tfajla ta’ sittax-il sena mill-Ħonduras, vittma tal-ibbulljar, li kantat b’vuċi mill-isbaħ u kitbet hi din il-kanzunetta. U anki l-laqgħa, qabel ħriġt min-Nunzjatura, ma’ nies mill-Unicef tal-Amerika Ċentrali, b’xi xhieda ta’ żewġ żgħażagħ u mbagħad ta’ dawk li jaħdmu hemm: smajt ħwejjeġ li jmissulek qalbek. Kien vjaġġ kbir. Il-kelma lilkom.

 

Gisotti:

Vjaġġ b’ħafna vjaġġi ġo fih; għalhekk, nitlobkom li żżommu mas-suġġett ta’ dan il-vjaġġ kbir li rrappreżenta lid-dinja kollha permezz taż-żgħażagħ preżenti. Ovvjament, l-ewwel kelma tumur lill-istampa lokali, lill-Panamá: Edwin Cabrera Uribe minn Radiopanamá. Se jagħmillek żewġ mistoqsijiet f’isem il-grupp kollu tal-ġurnalisti mill-Panamá. Grazzi, Edwin.

 

Edwin Cabrera Uribe:

Santità, qabelxejn grazzi ħafna, f’isem is-sitt kollegi tiegħi u f’ismi, bħala Panamiżi. Dak li rregalajtilna hu xi ħaġa kbira, kbira ħafna. Il-mistoqsija tiegħi: Santità, illum int kellimt lill-voluntiera u għidtilhom li huma għexu missjoni, missjoni. Għidtilhom: “Issa tafu kif tħabbat il-qalb meta tgħix missjoni”. Il-mistoqsija tiegħi hi: u l-missjoni tal-Papa Franġisku fil-Panamá? X’laqtek? X’qanqlek? Il-Papa Franġisku wettaqha l-missjoni tiegħu fil-JDŻ tal-Amerika Ċentrali? Għaliex għalkemm inżamm fil-Panamá, sa mill-Polonja ngħad li kien tal-Amerika Ċentrali kollha. U fit-triq għad għandna missjoni mhix kompluta man-Nikaragwa, mhux veru?

 

Il-Papa Franġisku:

Il-missjoni tiegħi f’Jum Dinji taż-Żgħażagħ hi l-missjoni ta’ Pietru, jiġifieri li nwettaq fil-fidi, u dan mhux b’indikazzjonijiet formali jew b’xi normi, imma billi nħalli l-qalb tiegħi tiġi mqanqla u billi nwieġeb għal dak li nħoss. Jien ma nikkonċepix, għax jien hekk ngħixha, mhux bil-kunċetti, insibha iebsa naħseb li xi ħadd jista’ jwettaq missjoni biss bil-moħħ. Biex twettaq missjoni jeħtieġ tħoss, u meta tħoss, tkun qed tolqtok xi ħaġa. Tolqtok il-ħajja, jolqtuk il-problemi… L-ajruport kont qed insellem lill-President u ġabuli quddiemi tifel Afrikan, simpatiku, ismar ismar, hekk ċkejken. U qalli: “Ara, dan it-tifel kien qed jaqsam il-fruntiera tal-Kolombja, ommu mietet, u spiċċa waħdu. Ħames snin għandu. Ġej mill-Afrika, imma għadna ma nafux minn liema pajjiż għax la jitkellem Ingliż, la Portugiż, lanqas Franċiż. Jitkellem biss bil-lingwa tat-tribù tiegħu. Xi ftit jew wisq addottajnieh aħna”. Tfajjel moħħu jilħaqlu, kien qed jimxi sew… Imma t-traġedja ta’ tifel abbandunat mill-ħajja, għax ommu mietet u wieħed pulizija tah f’idejn l-awtoritajiet biex jaraw x’ħa jagħmlu bih. Dan hu li jolqtok, u hekk il-missjoni tibda tieħu l-lewn tagħha, iġġagħlek tgħid xi ħaġa, iġġagħlek tagħti żegħila. Mhix ħaġa li tirraġunaha bil-moħħ. Il-missjoni dejjem iddaħħlek parteċipi. Tal-inqas lili hekk tagħmilli. Forsi għax jien “Taljan” u nħossha minn ġewwa u nidħol fiha. Liż-żgħażagħ dejjem ngħidilhom: intom dak li tagħmlu fil-ħajja tridu tagħmluh billi timxu, u bit-tliet lingwaġġi: dak tal-moħħ, dak tal-qalb, dak tad-dirgħajn. U t-tliet lingwaġġi f’armonija, b’mod li taħsbu dak li tħossu u dak li tagħmlu, tħossu dak li taħsbu u dak li tagħmlu, tagħmlu dak li tħossu u dak li taħsbu. Ma nafx nagħti bilanċ tal-missjoni. Jien b’dan kollu dejjem immur għat-talb u nibqa’ quddiem il-Mulej, xi drabi norqod quddiem il-Mulej, imma neħodlu miegħu dawn il-ħwejjeġ kollha li għext fil-missjoni u nitolbu jwettaq oħrajn fil-fidi tagħhom permezz tiegħi. Hekk naraha l-missjoni tal-Papa u hekk ngħixha jien. Kien hemm każi, ngħidu aħna, fejn kien hemm diffikultajiet dommatiċi, u jien ma nħossx li għandi nwieġeb biss bir-raġuni, imma jiġini spontanju li naġixxi mod ieħor.

 

Edwin Cabrera Uribe:

B’mod ġenerali, il-JDŻ tal-Panamà wieġeb għall-aspettattivi tiegħek?

 

Il-Papa Franġisku:

Mid-dehra, it-termometru biex wieħed jara jekk vjaġġ weġibx għall-aspettattivi hu l-għeja, u jien inħossni sfinit!

 

Edwin Cabrera Uribe:

U fl-aħħar nett, Santità, problema komuni fl-Amerika Ċentrali kollha, inkluża l-Panamà u parti kbira mill-Amerika Latina: it-tqala ta’ bniet, ta’ adolexxenti, it-tqala prematura. Il-Panamà biss kellha għaxart elef is-sena l-oħra u fl-Amerika Ċentrali ma kienx hemm differenza kbira. Il-kritiċi tal-Knisja Kattolika jagħtu t-tort lill-Knisja għax hi kontra l-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel. Il-Knisja Kattolika għandha f’idejha ħafna skejjel u universitajiet fl-Amerika Latina. Nixtieq naf l-opinjoni tal-Papa Franġisku fuq it-tema tal-edukazzjoni sesswali.

 

Il-Papa Franġisku:

Jien naħseb li fl-iskejjel hemm bżonn noffru edukazzjoni sesswali. Is-sess hu don ta’ Alla, mhuwiex xi mostru, hu d-don ta’ Alla biex inħobbu. Li hemm min jużah biex jagħmel il-flus, biex jabbuża mill-oħrajn, dik problema differenti. Jeħtieġ noffru edukazzjoni sesswali oġġettiva, hekk kif inhi, mingħajr kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi. Għax jekk fl-iskejjel nagħtu edukazzjoni sesswali maħkuma minn kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi, inkunu neqirdu l-persuna. Is-sess bħala don ta’ Alla għandu jkun edukat, mhux b’riġidità; teduka ġejja minn “e-ducere”, toħroġ l-aħjar mill-persuna u timxi magħha tul il-vjaġġ. Il-problema hi f’dawk responsabbli mill-edukazzjoni, kemm fuq livell nazzjonali u kemm lokali jew ta’ kull unità skolastika: x’għalliema jinstabu għal dan, x’kotba jintużaw bħala testi… Jien rajt minn kull tip. Hemm ħwejjeġ li jgħinuk timmatura u oħrajn li jagħmlu l-ħsara. Nemmen li dan… Ma nafx jekk hux oġġettiv jew le, li ma hawnx edukazzjoni sesswali fil-Panamà, u qed ngħid dan mingħajr ma nidħol fil-problemi politiċi tal-Panamá. Għandu jkollna edukazzjoni sesswali għat-tfal. L-ideal hu li jibdew id-dar, mal-ġenituri. Mhux dejjem ikun possibbli, minħabba f’tant sitwazzjonijiet tal-familja, jew għax ma jafux kif jagħmluh. L-iskola tagħmel tajjeb għal dan, u għandha tagħmlu, inkella jibqa’ vojt li mbagħad jimtela minn kull ideoloġija.

 

Gisotti:

Santità, issa se jagħmillek il-mistoqsija Javier Brocal, minn Romereports:

 

Javier Martínez-Brocal:

Santità, intant nixtieq nagħtik aħbar tajba: qbiżt ir-rekord, għax f’erbat ijiem – biżżejjed erbat ijiem biex tirbaħ il-qalb tal-Panamá. Nixtieq nagħmillek mistoqsija. Se nagħmilhielek bit-Taljan, għax minn issa ’l quddiem it-tweġibiet huma bit-Taljan. F’dawn il-jiem int tkellimt ma’ ħafna nies, ma’ ħafna żgħażagħ; żgur li tkellimt ukoll maż-żgħażagħ li jitbiegħdu mill-Knisja jew li jsibu diffikultajiet ma’ wiċċhom. Fil-fehma tiegħek, liema hi l-iktar diffikultà li jsibu ż-żgħażagħ, liema huma r-raġunijiet li jbegħduhom mill-Knisja? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Huma ħafna. Xi wħud personali, imma dik l-aktar ġenerali, naħseb li hi n-nuqqas ta’ xhieda min-naħa tal-Insara, tal-qassisin, tal-isqfijiet. Ma ngħidx tal-Papiet, għax ikun iżżejjed [jidħku], imma anki. In-nuqqas ta’ xhieda. Jekk Ragħaj jagħmilha ta’ imprenditur jew ta’ organizzatur ta’ pjan pastorali, jekk Ragħaj ma jkunx qrib tan-nies, dan ir-Ragħaj ma jkunx jagħti xhieda ta’ ragħaj; ir-Ragħaj għandu jkun man-nies, Ragħaj u merħla, aħna ngħidu f’dawn it-termini. Ir-Ragħaj għandu jimxi quddiem il-merħla biex juriha t-triq; qalb il-merħla biex ixomm ir-riħa tan-nies u jifhem xi tħoss, x’għandha bżonn, kif tħossha; u wara l-merħla biex jieħu ħsieb lil ta’ wara. Imma jekk ir-Ragħaj ma jgħixx b’passjoni, in-nies tħossha abbandunata u jkollha ċerta sensazzjoni ta’ disprezz, tħossha ltima, u fejn hemm min hu ltim… Sħaqt fuq ir-Ragħajja, imma anki l-Insara, il-Kattoliċi ta’ wiċċ b’ieħor, li jmorru l-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u mbagħad ma jħallsukx il-bonus, jew iħallsuk minn taħt, jisfruttaw in-nies u mbagħad imorru l-Karribej, mhux biss “għall-papers[għan-negozju], imma għall-vaganzi, minn fuq dahar in-nies li jkunu sfruttaw… “Le, jiena Kattoliku, kull nhar ta’ Ħadd immur il-quddiesa”. Imma jekk tagħmel dan, tkun tagħti kontrotestimonjanza u dan hu, fil-fehma tiegħi, dak li l-iżjed ibiegħed in-nies mill-Knisja. Anki l-lajċi, kulħadd… Jien ngħidlek: Aħjar ma tgħidx li int Kattoliku jekk ma tagħtix xhieda; għid: Jiena ta’ edukazzjoni Kattolika imma mitluq, mondan, nitlobkom skuża, tħarsux lejja bħala mudell. Hekk għandek tgħid. Jiena nibża’ mill-Kattoliċi li jaħsbu li huma perfetti. Imma l-istorja tirrepeti ruħha: l-istess ġralu Ġesù mal-imgħallma tal-liġi. “Grazzi, Mulej, għax jien m’iniex bħal dan l-imsejken midneb”. Mhux hekk. Dan hu n-nuqqas ta’ xhieda. Hemm raġunijiet oħra, diffikultajiet personali, xi drabi. Imma l-iktar ġenerali hu dan.

 

Gisotti:

Santità, issa se tagħmillek mistoqsija Caroline Pigozzi minn “Paris Match”.

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn nixtieq nirringrazzjak. Irnexxieli niltaqa’ ma’ Padre Benoist de Sinety, ikkonċelebra miegħi… bniedem mill-aħjar… u anki l-mitejn żagħżugħ u żagħżugħa ta’ Pariġi.

 

Caroline Pigozzi:

Tgħidx kemm hu ferħan, u għandu ittra oħra għalik, Santità, li se nagħtik il-ġimgħa d-dieħla, għax għadu jrid jiktibha…

 

Il-Papa Franġisku:

Tajjeb ferm. Grazzi ta’ dan il-ktieb [Benoist de Sinety, Il faut que des voix s’élèvent. Accueil des migrants, un appel au courage, Paris 2018).

 

Caroline Pigozzi:

Insomma, Santità, għal erbat ijiem rajna dawn iż-żgħażagħ kollha jitolbu b’ħafna intensità. Tista’ timmaġina li qalb dawn iż-żgħażagħ xi wħud jixtiequ jidħlu fil-ħajja reliġjuża, nistgħu anki nimmaġinaw li hemm numru minnhom għandhom il-vokazzjoni. Forsi xi ħadd qed iżomm lura għax jaħseb li hi mixja diffiċli li ma jistax jiżżewweġ. Possibbli li fil-Knisja Kattolika, fuq il-passi tar-Rit Orjentali, int tippermetti lil xi rġiel miżżewġa li jsiru qassisin?

 

Il-Papa Franġisku:

Fil-Knisja Kattolika, fir-Rit Orjentali, jistgħu jagħmluha, u hemm l-għażla, li wieħed jibqa’ ċelibi jew jiżżewweġ – qabel id-djakonat.

 

Caroline Pigozzi:

Imma issa, fil-Knisja Kattolika ta’ Rit Latin, jista’ jkun li int tieħu din id-deċiżjoni?

 

Il-Papa Franġisku:

Ta’ Rit Latin… Tiġini f’moħħi dik il-frażi ta’ San Pawlu VI: “Nippreferi nagħti ħajti qabel nibdel il-liġi taċ-ċelibat”. Ġietni f’moħħi u rrid ngħidha, għax hi frażi kuraġġjuża, f’mument iżjed diffiċli bħal dan, 1968/1970… Personalment, naħseb li ċ-ċelibat hu don għall-Knisja. It-tieni, jien ma naqbilx li ċ-ċelibat nagħmluh għażla ta’ min ikun, le. Tibqa’ xi possibbiltà biss fil-postijiet l-iżjed remoti – jiġuni f’moħħi l-gżejjer tal-Paċifiku… Imma mod taħseb meta hemm ħtieġa pastorali, hemm, ir-Ragħaj irid jaħseb fil-fidili. Hemm ktieb ta’ Padre Lobinger [l-Isqof Fritz Lobinger, Preti per domani, Emi, 2009], interessanti – din ħaġa li jiddiskutuha bejniethom it-teologi, m’hemm l-ebda deċiżjoni tiegħi. Id-deċiżjoni tiegħi hi: li wieħed jagħżel jibqax ċelibi jew le qabel id-djakonat, le. Din ħaġa tiegħi, personali, jien ma nagħmilhiex żgur, din tibqa’ ħaġa ċara. Moħħi “magħluq”? Forsi. Imma ma nħossx li għandi nersaq quddiem Alla b’din id-deċiżjoni. Lura għal Padre Lobinger, dan qal: “Il-Knisja tagħmel l-Ewkaristija u l-Ewkaristija tagħmilha l-Knisja”. Imma fejn ma hemmx Ewkaristija, fil-komunitajiet – immaġina, Carolina, fil-Gżejjer tal-Paċifiku…

 

Carolina Pigozzi:

…fl-Amażonja, anki

 

Il-Papa Franġisku:

…hemm forsi… f’ħafna postijiet… jgħid Lobinger: min jagħmel l-Ewkaristija? F’dawk il-komunitajiet id-“diretturi”, biex ngħidu hekk, l-organizzaturi ta’ dawk il-komunitajiet huma djakni jew sorijiet jew lajċi, direttament. U Lobinger jgħid: tista’ tordna anzjan, miżżewweġ – din it-teżi tiegħu – tista’ tordna anzjan miżżewweġ, imma biex jeżerċita biss il-munus sanctificandi, jiġifieri jiċċelebra l-quddiesa, jamministra s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u jagħti d-Dilka tal-morda. L-ordinazzjoni saċerdotali tagħti t-tliet munera: regendi – jiggverna, ir-ragħaj–; docendi – jgħallem; u sanctificandi. Dawn jiġu mal-ordinazzjoni. Imma f’dan il-każ l-Isqof jagħti biss il-fakultà għall-munus sanctificandi: din hi t-teżi. Il-ktieb hu interessanti. Forsi dan jista’ jgħinna naħsbu fil-problema. Jiena nemmen li l-problema għandha tkun miftuħa f’dan is-sens, fejn hemm problema pastorali, minħabba fin-nuqqas ta’ qassisin. M’iniex ngħid li hekk għandu jsir, għax ma rriflettejtx, ma tlabtx biżżejjed fuq dan. Imma t-teologi għandhom jistudjawha. Padre Lobinger hu eżempju minnhom… hu kien fidei donum, fl-Afrika ta’ Isfel… diġà anzjan. Qed nagħti dan l-eżempju biex infisser il-punti fejn għandhom isiru. Kont qed nitkellem ma’ uffiċjal tas-Segreterija tal-Istat, isqof, li kellu jaħdem f’pajjiż Komunista fil-bidu tar-rivoluzzjoni; meta raw kif kienet sejra dik ir-rivoluzzjoni – fis-snin ħamsin, ftit jew wisq – l-isqfijiet ordnaw bil-moħbi xi raħħala, bravi, reliġjużi. Imbagħad, meta għaddiet il-kriżi, tletin sena wara, il-ħaġa ssolviet. U hu qalli x’emozzjoni ħass meta, waqt konċelebrazzjoni, ra lil dawn ir-raħħala, bl-idejn ta’ raħħala, jilbsu l-pjaneta biex jikkonċelebraw mal-isqfijiet. Fl-istorja tal-Knisja, dan seħħ. Hi ħaġa li ta’ min jistudjaha, jerġa’ jiddiskutiha, u jitlob fuqha.

 

Caroline Pigozzi:

…hemm dawk il-Protestanti li saru Kattoliċi…

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, int qed tistaqsini fuq dak li kien għamel il-Papa Benedittu, veru. Dan kont insejtu“Anglicanorum cœtibus”, is-saċerdoti Anglikani li saru Kattoliċi u jżommu l-ħajja [konjugali], bħallikieku kienu Orjentali. Niftakar f’udjenza tal-Erbgħa rajt ħafna minnhom, bil-kullar, u ħafna nisa magħhom u t-tfal f’idejn il-qassisin…, u spjegawli x’kienet il-biċċa. Hu minnu: grazzi li fakkartni.

 

Gisotti:

Issa se tagħmel il-mistoqsija tagħha Lena Klimkeit mid-Dpa.

 

Lena Klimkeit:

Santità, waqt il-Via Crucis, il-Ġimgħa, kien hemm żagħżugħ li lissen kelmiet qawwija ħafna fuq l-abort; nixtieq nirrepetihomlok waħda: “Hay una tumba que clama al cielo y denuncia la terrible crueldad de la humanidad: es la tumba que se abre en el vientre de las madres del que se arranca la vida inocente. Dios nos conceda humanizarnos de verdad, defender con firmeza la vida, hacer que las leyes que matan la vida inocente se borren para siempre”. [“Hemm qabar li qed jgħajjat quddiem is-sema u jikkundanna l-kefrija terribbli tal-umanità, hu l-qabar li jinfetaħ fil-ġuf ta’ kull omm li minnu tiġi mċarrta ħajja innoċenti. Ħa jagħtina Alla li nkunu tassew bnedmin, li nħarsu b’id soda l-ħajja u nfittxu li l-liġijiet li joqtlu l-ħajja innoċenti jitneħħew għal dejjem”]. Din hi pożizzjoni radikali ħafna, fil-fehma tiegħi. Jien nistaqsi, u nixtieq nistaqsi lilek, jekk din il-pożizzjoni tirrispettax ukoll it-tbatija tan-nisa f’dawn is-sitwazzjonijiet u jekk tikkorrispondix mal-messaġġ tiegħek tal-ħniena.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-messaġġ tal-ħniena hu għal kulħadd, anki għall-persuna umana li qiegħda fi tqala. Hu għal kulħadd. Wara li tkun għamlet din il-waqgħa, hemm il-ħniena wkoll, imma ħniena iebsa, għax il-problema mhix nagħtux il-maħfra, il-problema hi kif insieħbu mara li ġiet konxja li għamlet abort. Huma traġedji terribbli. Darba smajt tabib jitkellem fuq teorija li skontha – ma niftakarx sewwa… – ċellola tal-fetu li jkun għadu kemm tnissel tmur fil-mudullun tal-omm u hemmhekk hemm memorja anki fiżika. Din hi teorija, imma biex ngħidu: meta mara taħseb f’dak li tkun għamlet… Ħa ngħidlek il-verità: trid tkun fil-konfessjonarju, u hemm int trid tfarraġ, u mhux tikkastiga. Għalhekk jien tajt il-possibbiltà li tingħata l-assoluzzjoni [tad-dnub] tal-abort bi ħniena, għax ħafna drabi – dejjem – iridu jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ binhom. U l-parir tiegħi, ħafna drabi, meta jiġu jibku u jkollhom din ir-regħxa fuqhom, ikun: “Ibnek jinsab fis-Sema, tkellem miegħu, kantalu n-ninna nanna li ma lħaqtx kantajtlu, li ma stajtx tkantalu”. U hemm insibu triq ta’ rikonċiljazzjoni tal-omm ma’ binha. Ma’ Alla diġà huwa hekk: hi l-maħfra ta’ Alla. Alla dejjem jaħfer. Imma l-ħniena hi wkoll li hi [il-mara] telaborah dan. It-traġedja tal-abort. Biex tifhmu sewwa dan, trid tkun f’konfessjonarju. Ħaġa terribbli.

 

Gisotti:

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Valentina Alazraki ta’ Televisa. Jekk qed niftakar sewwa dan hu kważi l-150 vjaġġ appostoliku…

 

Valentina Alazraki:

Papa Francisco, usted ha dicho en estos días aquí en Panamá que estaba muy cerca de Venezuela, que se sentía muy cerca de los venezolanos y hoy ha pedido una solución justa, pacífica, en el respeto de los derechos humanos de todos. Los venezolanos quisieran entender un poco mejor qué significa esto, están esperando su palabra, quieren saber si esta solución pasa a través del reconocimiento de Juan Guaidó, que ha sido respaldado por muchos países, otros piden elecciones a corto plazo, elecciones libres para que la gente pueda votar; sienten que usted es un Papa latinoamericano y quieren sentir su apoyo, su ayuda y su consejo. Gracias.

 

Il-Papa Franġisku:

Jien bħalissa nappoġġja lill-poplu Veneżweljan kollu, għax huwa poplu li qed ibati, dawk li qegħdin fuq naħa u dawk li qegħdin fuq l-oħra, għax il-poplu kollu li qed ibati. Li kieku kelli nindaħal biex ngħid: “Agħtu widen lil dawn il-pajjiżi, agħtu widen lil dawn l-oħrajn li qed jgħidu hekk…”, kont inqiegħed lili nnifsi fi rwol li mhux tiegħi, tkun imprudenza pastorali min-naħa tiegħi u nagħmel iktar ħsara milli ġid. Il-kelmiet [dawk imlissna llum] ħsibt u rġajt ħsibt fuqhom. U nemmen li b’dan esprimejt il-qrubija tiegħi, dak li nħoss. Jien qed inbati wkoll minħabba f’dak li qed jiġri fil-Veneżwela bħalissa u għalhekk tlabt li jiftiehmu…, soluzzjoni ġusta u paċifika. Dak li jbeżżagħni hu t-tixrid tad-demm. U nitlob li jkun hemm aktar għajnuna min-naħa ta’ dawk li jistgħu jgħinu biex tissolva l-problema. Il-problema tal-vjolenza twerwirni… Wara l-isforzi kollha li saru fil-Kolumbja, aħsbu ftit f’dak li seħħ fl-Iskola tal-Allievi Militari l-aħħar darba, ħaġa tal-biża’. Id-demm mhuwiex soluzzjoni. Għalhekk għandi nkun… ma togħġobnix il-kelma “bilanċjat”, jeħtieġ inkun ragħaj, ta’ kulħadd. U jekk hemm bżonn tal-għajnuna, ta’ ftehim wieħed, ħa jfittxuh. Din hija t-triq. Grazzi.

 

Gisotti:

Grazzi, Santità. Imiss lil Junno Arocho Esteves mill-Catholic News Service.

 

Junno Arocho Esteves:

Il-lejla t-tajba, Santità. Waqt l-ikla tiegħek mal-grupp ta’ żgħażagħ pellegrini, kien hemm tfajla Amerikana li rrakkontatilna li kont staqsejtha fuq il-weġgħa u l-istmerrija ta’ tant Kattoliċi, partikularment fl-Istati Uniti, minħabba fil-kriżi tal-abbużi. Tant Kattoliċi Amerikani jitolbu għall-Knisja, imma ħafna jħossuhom ittraduti, mitlufa, wara l-aħbarijiet riċenti tal-abbużi u l-iżbalji mgħottija min-naħa ta’ ċerti isqfijiet, u tilfu kull fiduċja fihom. Santità, x’inhuma x-xewqat u t-tamiet tiegħek għal-laqgħa ta’ Frar, biex il-Knisja tista’ terġa’ tibda tibni l-fiduċja bejn il-fidili u l-isqfijiet tagħhom?

 

Il-Papa Franġisku:

Moħħok jilħaqlek! Bdejt mill-vjaġġ u wasalt hemm… Prosit! Grazzi tal-mistoqsija. L-idea ta’ dan ġiet mis-C9 [il-Kunsill tal-Kardinali], għax hemm rajna li xi isqfijiet ma kinux qed jifhmu tajjeb jew ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu, jew kienu qed jagħmlu ħaġa tajba jew oħra żbaljata. U ħassejna r-responsabbiltà li nagħtu “katekeżi” fuq din il-problema lill-konferenzi episkopali. Għalhekk se nsejħu lill-presidenti [għal-laqgħa ta’ Frar li ġej]. Katekeżi biex, l-ewwel, inħossuna tassew responsabbli ta’ din it-traġedja: xi jfisser tifel abbużat, tifla abbużata. Jien regolarment niltaqa’ ma’ vittmi ta’ abbuż. Niftakar wieħed: erbgħin sena ma jistax jitlob. Terribbli, it-tbatija, terribbli. Mela, l-ewwel: ħa jerfgħu r-responsabbiltà ta’ dan. It-tieni: ħa jkunu jafu x’għandhom jagħmlu, il-proċedura. Għax xi drabi l-isqof ma jkunx jaf x’għandu jagħmel, għax din ħaġa li kibret ħafna, u [l-għarfien ta’ dak li għandhom jagħmlu] ma wasalx kullimkien, ħa ngħidu hekk. U mbagħad, ħa jsiru pjanijiet, ġenerali, imma li jaslu għand il-konferenzi episkopali kollha: x’għandu jagħmel l-isqof; x’għandu jagħmel l-arċisqof li hu l-metropolita; x’għandu jagħmel il-president tal-konferenza episkopali. Imma ħa jkun ċar, b’mod li jkun hemm – ħa ngħidu f’termini iżjed ġuridiċi – protokolli li jkunu ċari. Din l-ewwel ħaġa. Imma qabel dak li għandu jsir, jiġi dak li għidt l-ewwel: nerfgħu r-responsabbiltà. Imbagħad [fil-laqgħa ta’ Frar] se nitolbu, ikun hemm xi xhieda biex tgħinna nsiru iżjed konxji, u mbagħad xi liturġija penitenzjali biex nitolbu maħfra għall-Knisja kollha. Qed jaħdmu tajjeb ħafna għat-tħejjija ta’ dan. Ippermettuli ngħid li donni qed inħoss aspettattiva xi ftit minfuħa żżejjed: hemm bżonn innaqqsu l-aspettattivi, [u nreġġgħuhom lura] għal dawn il-punti li qed insemmi. Għax il-problema tal-abbużi se tkompli, hi problema umana, imma umana kullimkien! Jien qrajt statistika l-aħħar darba, waħda minn dawk l-istatistiċi li jgħidu: il-50% jiġu rrappurtati, minn dawn il-50, l-20% jiġu mismugħa – u n-numru jibqa’ nieżel –, u jispiċċa hekk: il-5% jiġu kkundannati. Terribbli, terribbli. Hi traġedja umana li jeħtieġ inkunu konxji u nħossuna responsabbli tagħha. U aħna, jekk insolvu din il-problema fil-Knisja, inkunu ngħinu biex tissolva wkoll fis-soċjetà, fil-familji, fejn il-mistħija tgħatti kollox. Imma l-ewwel irridu nerfgħu r-responsabbiltà, ikollna protokolli tajbin, u nimxu. Din hi l-ħaġa. U… prosit!

 

Gisotti:

Ma nafx hemmx wisa’ għal mistoqsija oħra… Forsi fil-qosor: Manuela Tulli mill-Ansa. Jekk tista’ tgħaġġel għax – appuntu – waslu biex iservu ċ-ċena. Grazzi, Manuela.

 

Manuela Tulli:

Il-lejla t-tajba, Santità. Int, f’dan il-JDŻ, għidt li hi ħaġa assurda u irresponsabbli li nqisu l-migranti bħala dawk li jġorru l-ħażen soċjali. Fl-Italja, il-politika l-ġdida fuq il-migranti wasslet biex tingħalaq il-CARA ta’ Castelnuovo di Porto, li int taf tajjeb. Kienet esperjenza fejn kienet tidher żerriegħa ta’ integrazzjoni, it-tfal kienu jmorru l-iskola, u issa qed jirriskjaw – dawk il-persuni – li jintilfu. Int fil-fatt kont għażilt li tiċċelebra magħhom Ħamis ix-Xirka tal-2016. U issa r-riskju hu li dik l-esperjenza tisfa fix-xejn, bit-tfal li…

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, jien smajt x’qed jiġri fl-Italja, imma kont medhi f’dan [il-vjaġġ], għalhekk preċiżament ma nafx sewwa l-ħaġa, imma nista’ nimmaġina. Hu minnu li l-problema tal-migranti hi problema kumplessa ħafna, kumplessa ħafna. Hi problema li titlob memorja, jew aħjar, li nistaqsi jekk pajjiżi kienx mibni mill-migranti. Aħna l-Arġentini: kollha migranti. L-Istati Uniti: kollha migranti. Din il-memorja. Kien hemm isqof, kardinal – ma niftakarx min – li kiteb artiklu mill-isbaħ fuq il-problema tan-“nuqqas ta’ memorja”, kif sejjaħlu hu. Dan punt. Imbagħad, il-kelmiet li nuża jien: nilqgħu, il-qalb miftuħa biex nilqgħu; insieħbu; ngħinu lil min jikber u jintegra. U ngħid ukoll: min jiggverna għandu juża l-prudenza, għax il-prudenza hi l-virtù ta’ min jiggverna. Dan għidtu hawn, fl-aħħar titjira, dawn il-kelmiet. Iva, hu kalkolu diffiċli. Jiġini f’moħħi l-eżempju Żvediż li, fis-sebgħinijiet, bid-dittaturi – l-Operazione Condor fl-Amerika Latina –, kienet laqgħet ħafna migranti, ħafna, ħafna, imma kollha integrati. Nara wkoll x’qed jagħmlu ta’ Sant’Eġidju, ngħidu aħna: jintegraw minnufih. Imma l-Iżvediżi s-sena l-oħra qalu: “Waqqfu ftit, għax ma nistgħux inwasslu fi tmiemha din il-mixja”. U din hi l-prudenza ta’ min ikun jiggverna. U hi problema ta’ karità, ta’ mħabba, ta’ solidarjetà, u jien nisħaq li n-nazzjonijiet l-iżjed ġenerużi f’dan, f’li jilqgħu – fl-affarijiet l-oħra ma tantx irnexxielhom – kienu l-Italja u l-Greċja. Anki xi ftit it-Turkija, imma ftit. Imma l-Greċja kienet ġeneruża ħafna. U l-Italja, ħafna. U meta jien mort Lampedusa, kien fil-bidu tiegħi, fl-2013. Imma huwa minnu li jeħtieġ naħsbu realistikament. Imbagħad hemm ħaġa oħra li tajjeb nagħtu kas tagħha: mod kif insolvu l-problema tal-migrazzjonijiet hu billi ngħinu lill-pajjiżi mnejn ġejjin. Il-migranti jiġu misjuqa mill-ġuħ jew mill-gwerra. Ninvestu fejn hemm il-ġuħ, l-Ewropa kapaċi tagħmlu dan, biex hekk tgħinhom jikbru. Imma dejjem hemm – ħa ngħid għall-Afrika – dejjem hemm dak l-immaġinarju kollettiv li aħna għandna fl-inkonxju tagħna: l-Afrika għandna nisfruttawha. Din ħaġa storika u tweġġa’ ħafna. Il-migranti tal-Lvant Nofsani sabu toroq oħra kif joħorġu; il-Libanu hu meravilja ta’ ġenerożità: laqa’ iktar minn miljun Sirjan. Il-Ġordanja l-istess: fetħu, u jagħmlu dak li jistgħu, bit-tama li jintegraw mill-ġdid. Anki t-Turkija laqgħet xi ftit. U aħna fl-Italja lqajna wkoll. Imma hi problema kumplessa, li fuqha jeħtieġ nitkellmu mingħajr preġudizzji, billi nżommu f’moħħna dawn l-affarijiet kollha li ġewni f’moħħi.

 

Gisotti:

Grazzi, Santità. Mela l-ikla t-tajba, il-vjaġġ it-tajjeb, u fi żmien ġimgħa nerġgħu niltaqgħu għal vjaġġ ieħor importanti ħafna [fl-Emirati Għarab Magħquda].

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom. Irrid ngħid biss ħaġa oħra fuq il-Panamá: ħassejt sentiment ġdid. L-Amerika Latina nafha xi ftit, imma l-Panamá le. U ġietni f’moħħi din il-kelma: il-Panamá hi nazzjon “nobbli”. Sibt ħafna tjieba. Dan li rrid ngħid. U rrid ngħid ħaġa oħra, li għidt meta rġajt lura mill-Kolumbja, dwar l-esperjenza ta’ Cartagena u ta’ bliet oħra, ħaġa li aħna fl-Ewropa ma narawhiex: x’inhu dak li huma mkabbrin bih, f’dan il-każ il-Panamiżi? Jgħollulek it-tarbija tagħhom u jgħidulek: “Din hi r-rebħa tiegħi, dan hu l-futur tiegħi, dan hu biex jien imkabbar!”. Dan, fix-xitwa demografika li qed ngħixu aħna fl-Ewropa – fl-Italja taħt iż-żero – iġagħalna naħsbu: biex jien imkabbar jien? It-turiżmu, il-villa, il-kelb, jew li nrabbi l-ulied? Grazzi! Itolbu għalija, għandi bżonn. Grazzi!

 

Gisotti:

Grazzi, Santità.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard