VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU, FRANĠISKU
FIL-PANAMA FL-OKKAŻJONI TAL-
XXXIV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
(23-28 TA' JANNAR, 2019)

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET TAL-AMERIKA ĊENTRALI (SEDAC)

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi (Panama)
Il-Ħamis, 24 ta’ Jannar, 2019

Għeżież ħuti!

Irrodd ħajr lill-Mons José Luis Escobar Alas, Arċisqof ta’ San Salvador, għall-kliem ta’ merħba li ndirizzali f’isem kull min hu preżenti, li fosthom qed nara ħabib tal-imqarbati taż-żgħożija, sabiħa ħafna din.  Hieni li nista’ niltaqa’ u naqsam magħkom b’mod familjari u dirett xewqatkom, il-proġetti tagħkom u l-ħolm tagħkom bħala Rgħajja li l-Mulej ħalla f’idejhom il-kura tal-poplu qaddis tiegħu.  Grazzi tal-akkoljenza fraterna.

Il-fatt li nista’ niltaqa’ magħkom ifisser li nista’ “nirregala” lili nnifsi l-opportunità biex inħaddan u nħossni aktar qrib tan-nies tagħkom, nagħmel tiegħi xewqathom, u wkoll il-frustrazzjonijiet tagħhom, u, fuq kollox, dik il-fidi kuraġġuża li taf taħji t-tama u qanqal il-karità.  Grazzi li ppermettejtuli nersaq qrib il-fidi ħajja imma sempliċi tal-wiċċ fqir ta’ nieskom li jafu li “Alla dejjem hu preżenti, ma jorqodx, huwa attiv, josserva u jgħin” (San Oscar Romero, Omelija, 16 ta’ Diċembru, 1979).

Din il-laqgħa tfakkarna f’avveniment ekkleżjali ta’ importanza kbira.  Ir-Rgħajja ta’ dar-reġjun kienu l-ewwel li ħolqu fl-Amerika organiżmu ta’ komunjoni u parteċipazzjoni li ta – u  għadu jagħti - frott abbundanti.  Qed nirreferi għas-Segretarjat Episkopali tal-Amerika ċentrali, is-SEDAC.  Spazju ta’ komunjoni, dixxerniment u impenn li jmantni, jagħti ħajja ġdida u jgħani l-Knejjes tagħkom.  Rgħajja li għarfu jagħmlu passi ‘l quddiem u jagħtu sinjal li, bogħod milli jkunu biss element li jipprogramma, wera wkoll kif il-futur tal-Amerika Ċentrali – u ta’ kull reġjun tad-dinja – bilfors għandu jkun imnebbaħ mid-dawl u l-ħila li jwessa’ ħarstu, li jgħaqqad flimkien l-isforzi f’ħidma paċenzjuża u ġeneruża ta’ smigħ, fehim, dedikazzjoni u impenn, biex b’hekk ikun jista’ jiddixxerni ixqfa ġodda li l-Ispirtu qed imexxina lejhom (Eż. App. Il-ferħ tal-Vanġelu, 235). (1)

F’dawn il-75 sena li ilha mwaqqfa, is-SEDAC fittxet li taqsam flimkien il-ferħat u n-niket, it-taqbid u t-tamiet tal-popli tal-Amerika Ċentrali, li għandu storja minsuġa u msawwra mill-istorja ta’ nieskom.  Bosta rġiel u nisa, saċerdoti, persuni konsagrati u lajċi offrew ħajjithom sa ma’ xerrdu demmhom biex iżommu ħaj il-leħen profetiku tal-Knisja quddiem l-inġustizzja, it-tfaqqir ta’ tant persuni u l-abbuż tal-poter.  Niftakar li meta kont għadni saċerdot żgħażugħ, isem xi wħud minnkom kien mitqies bħala kelma kerha, iżda l-perseveranza tagħkom uriet it-triq: grazzi.  Huma jfakkruna illi “Min jixtieq tassew isebbaħ lil Alla, min tabilħaqq hu mxennaq biex jitqaddes sabiex ħajtu tigglorifika lill-Qaddis, hu msejjaħ biex ibati u jiddedika ħajtu sal-punt tal-għeja biex ifittex l-opri tal-ħniena” (Eż. App. Ifirħu u Thennew, 107).  U dan mhux bħala elemożina iżda bħala vokazzjoni.

Fost il-frott profetiku kollu tal-Knisja fl-Amerika Ċentrali, jien hieni li nqiegħed għad-dawl il-figura ta’ San Oscar Romero, li kelli l-privileġġ li nikkanoniżżah ftit ilu fil-kuntest tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ.  Ħajtu u tagħlimu huma għajn ta’ ispirazzjoni għall-Knejjes tagħna u, b’mod partikolari, għalina l-Isqfijiet.  Ismu wkoll kien meqjus kelma kerha: issuspettat, skomunikat fit-tqassis privat ta’ bosta isqfijiet.

Il-motto li kien għażel għall-arma episkopali tiegħu u li jinsab fuq qabru, jesprimi ċar il-prinċiju li ispirah u dak li kienet ħajtu bħala Ragħaj: “Inħoss mal-Knisja”.  Boxxla li mmarkat ħajtu fil-fedeltà anki fil-waqtiet l-aktar imqallba.

Għalina dan hu wirt li jista’ jsir xhieda attiva u li tħeġġiġna, aħna  li għandna s-sejħa, min-naħa tagħna, li ningħataw martri fis-servizz tal-ħajja ta’ kuljum li nagħtu lin-nies tagħna; u nixtieq li din ir-riflessjoni tiegħi nibnieha fuq dan il-wirt: “inħoss mal-Knisja”.  Ir-riflessjoni li nixtieq naqsam magħkom, dwar il-figura ta’ Romero. Naf li fostkom hemm min kien jafu personalment – bħall-Karidnal Rosa Chávez…   Il-Kardinal Quarracino kien jgħid li kien kandidat għall-premju Nobel għall-fedeltà!  U għalhekk, Eminenza, jekk taħseb li jien qed niżbalja f’xi osservazzjoni li nagħmel tista’ tikkoreġini, m’hemm ebda problema.  Li tirrkorri lejn il-figura ta’ Romero jfisser li tkun qed tirrkorri lejn il-qdusija u lejn il-karattru profetiku li jgħammar fid-DNA tal-Knejjes partikolari tagħkom. 

Tħoss mal-Knisja

1. Rikonoxxenza u gratitudni

Meta San Injazju fassal ir-regoli biex inħossu mal-Knisja – skużaw il-pubbliċità – irid jgħin lill-prattikant jegħleb kull tip ta’ dikotomiji foloz jew antagoniżmi li jistgħu jwaqqgħu l-ħajja tal-Ispirtu fid-drawwa/tentazzjoni li jaddattaw il-Kelma t’Alla skont l-interessi personali.  B’hekk lill-prattikant itih il-grazzja li jħossu u li jagħraf li hu jifforma parti minn ġisem appostoliku akbar minnu, u, fl-istess ħin, bl-għarfien sħiħ tal-ħiliet u l-possibiltajiet tiegħu: la jkun dgħajjef u l-anqas selettiv jew bla kont.  Li tħossok parti minn ħaġa sħiħa dejjem hi bil-wisq akbar mill-ġabra tal-partijiet flimkien (cfr Eż. App. Ifirħu Thennew, 235).

Għalhekk nixtieq nikkonċentra dan l-ewwel “Inħoss mal-Knisja” li rċevejna minn San Oscar, bħala radd il-ħajr, jew gratitudni għall-ġid kbir li rċieva bla mistħoqq.  Romero twaħħad u tgħallem jgħix il-Knisja għax kien iħobb intimament li min kien iġġenereah fil-fidi.  Mingħajr din l-imħabba intima jkun diffiċli nifhmu l-istorja u l-konverżjoni tiegħu għax din kienet l-imħabba waħdanija li mexxietu sa ma ngħata għall-martirju; dik l-imħabba li tinbet mill-ilqugħ tar-rigal gratwit għal kollox, li mhuwiex tagħna u li jeħlisna minn kull pretensjoni u tentazzjoni li naħsbu li aħna propjetarji jew l-uniċi interpreti tiegħu.  Aħna ma ħlaqniex il-Knisja, ma twelditx magħna u tibqa’ miexja ‘l quddiem mingħajrna wkoll.  Atteġġjament bħal dan, mhux biss ma jwaqqgħaniex fl-apatija, talli jqanqal fina gratitudni li żżoqq kollox li la titkejjel u lanqas nimmaġinawha.  Il-martirju mhux dgħjufija jew atteġġjament ta’ xi ħadd li ma jħobbx il-ħajja u ma jafx jagħraf il-valur tagħha.  Bil-maqlub il-martri hu dak li għandu ħila jinkarna u jnissel f’ħajtu l-grazzji li rċieva.

Romero ħass mal-Knisja għax, qabel kollox, ħabb lill-Knisja bħala omm li welditu fil-fidi u ħass ruħu membru tagħha.

 

2. Imħabba li bir-riħa tal-poplu

Din l-imħabba, li ssir fedeltà u gratitudni, waslitu biex bil-ħerqa, imma wkoll bid-dedikazzjoni u l-istudju, iħaddan il-kontribuzzjonijiet u t-tiġdid maġisterjali li kien qed ippropona l-Konċilju Vatikan II.

F’dan kien isib l-id żgura li mexxietu wara Kristu.  Ma kienx la ideologu u l-anqas ideoloġista; il-ħidma tiegħu nibtet mit-twaħħid tiegħu mad-dokumenti konċiljari.  Imdawwal minn dax-xefaq ekkleżjali, li jħoss mal-Knisja, għal Romero kien jfisser li jikkuntemplaha bħala Poplu t’Alla.  Għax il-Mulej ma riedx isalvana iżolati jew mifrudin minn xulxin, imma ried iwaqqaf poplu li jistqarru fil-verità u jservih bil-qdusija (Kost. Domm. Lumen Gentium, 9).  Poplu sħiħ padrun, ħarries u li jiċċelebra “d-dilka tal-Ispirtu s-Santu” (ibid., 12) u li quddiemu, Romero kien jieqaf jisma’ biex ma jirrifjutax l-ispirazzjoni li tiġi minnu (cfr San Oscar Romero, Omelija, 16 ta’ Lulju, 1978).  B’hekk jurina li r-Ragħaj, biex ifittex li jiltaqa’ mal-Mulej, għandu jitgħallem jisma’ t-taħbita tal-qalb tal-poplu tiegħu, ixomm “ir-riħa” dal-irġiel u n-nisa tal-lum sakemm jispiċċa fertiliżżat mill-ferħat, tamietu, min-niket u d-dwejjaq tiegħu (cfr Kost. Past. Gaudium et Spes, 1) u b’hekk jifhem fil-fond il-Kelma t’Alla (cfr Kost. Domm. Dei Verbum, 13).  Smigħ tal-poplu afdat f’idejh, sakemm jirrespira, u permezz tiegħu, jiskopri r-rieda t’Alla li qed issejħilna (cfr Diskors fil-Vġili tat-Tħejjija għas-Sinodu dwar il-Familja, 4, Ottubru, 2014).  Ħieles mid-dikotomiji jew antagoniżmi foloz, għax hi biss l-imħabba t’Alla li taf tarmoniżża l-imħabbiet tagħna f’ħass u ħars magħqudin ħaġa waħda.

Insomma, għallih, li tħoss mal-Knisja jfisser li tieħu sehem mill-glorja tal-Knisja, jiġifieri li fl-imtimu tiegħek iġġorr il-kenosis kollha ta’ Kristu.  Fil-Knisja Kristu jgħejx f’nofsna u għaldaqstant hi għandha tkun umli u fqira, għax Knisja arroganti, Knisja mkabbra biha nfisha, Knisja awtosuffiċjenti mhix il-Knisja tal-kenosis (cfr San Oscar Romero, Omelija 1 t’ Ottubru, 1978).

 

3. Inġorru fina l-kenosis ta’ Kristu

Din mhijiex biss il-glorja tal-Knisja, imma vokazzjoni wkoll, stedina biex tkun ukoll il-glorja personali u t-triq tal-qdusija.  Il-kenosis ta’ Kristu mhix xi ħaġa tal-imgħoddi imma garanzija attwali biex inġarrbu u niskopru l-preżenza tiegħu li taħdem fl-istorja.  Preżenza li la nistgħu u lanqas irridu nsikktu għax nafu li ġarrabnieha u li Hu biss huwa “T-triq, il-Verità u l-Ħajja”.  Il-kenosis ta’ Kristu tfakkarna li Alla jsalva fl-istorja, fil-ħajja ta’ kuljum, fil-ħajja ta’ kull bniedem, u li din hi wkoll l-istorja tiegħu u fiha jiġi jitlaqa’ magħna (cfr id., Omelija, 7 ta’ Diċembru, 1978).  Ħuti, huwa importanti li ma nibżgħux nersqu qrib u mmissu l-ġrieħi ta’ niesna, għax huma l-ġrieħi tagħna wkoll, u dan nagħmluh bl-istil tal-Mulej.  Il-Mulej ma jistax jibqa’ mbiegħed mit-tbatija tal-poplu tiegħu; anzi, nistgħu ngħidu li l-qalb tar-ragħaj titkejjel mill-ħila tiegħu li jħossu mqanqal quddiem tant ħajjiet miġrugħa u mhedda.  Li nagħmlu dan bl-istil tal-Mulej ifisser li nħallu din it-tbatija tolqotna u tiddetermina l-prioritajiet u l-gosti tagħna, tolqot u tiddetermina kif nużaw il-ħin u l-flus u anki l-mod kif nitolbu, sabiex lil kollox u lil kulħadd inkunu nistgħu ntuhom id-dilka tal-faraġ tal-ħbiberija ta’ Ġesù f’komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha u tiftaħ xefaq dejjem ġdid li jagħti sens u tama lill-ħajja (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 49).  Il-kenosis ta’ Kristu tesiġi li nabbandunaw il-virtwalità tal-eżistenza u tad-diskorsi biex nisimgħu l-ħoss u s-sejħa ma’ taqta’ xejn tal-persuni reali li jqanqluna biex noħolqu r-rabtiet.  U, ħalluni ngħidha, il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali huma siewja biex joħolqu l-kuntatti, imma mhux l-għeruq, m’għandhomx il-fakultà li jtuna l-appartenenza, li nħossuna parti mill-istess poplu.  Mingħajr dan, kliemna kollu, il-laqgħat, il-kitba, ikunu sinjal ta’ fidi li ma għarfitx takkumpanja l-kenosis tal-Mulej, fidi li baqgħet nofs triq, sakemm, aktar gravi – qed niftakar f’ħassieb latinoamerikan – ma tispiċċax biex issir reliġjon ta’ Alla mingħajr Kristu, Kristu mingħajr Knisja u Knisja mingħajr poplu.

 

Il-kenosis ta’ Kristu hi żgħażugħa

Dan il-Jum Dinji taż-Żgħgażagħ huwa okkażjoni unika biex niltaqgħu u nersqu aktar qrib lejn ir-realtà taż-żgħażagħ tagħna, realtà mimlija tamiet u xewqat, imma mmarkata b’tant ġrieħi wkoll.  Flimkien magħhom inkunu nistgħu naqraw l-epoka tagħna b’mod ġdid u nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet għaliex, kif affermaw il-Padri Sinodali, iż-żgħażagħ huma wieħed “mill-imkejjen teoloġiċi” li fihom il-Mulej jgħarrafna xi wħud mill-aspettattivi tiegħu u l-isfidi tiegħu biex jibni l-futur (cfr Sinodu dwar iż-Żgħażagħ, Dokument Finali, 64). Flimkien magħhom  nistgħu naraw aħjar kif l-Evanġelju nagħmluh aktar aċċessibbli u kredibbli fid-dinja li qed ngħejxu fiha; huma jixbħu termometru biex inkunu nafu fejn wasalna bħala komunità u bħala soċjetà.

Huma jġorru fihom ansjetà li aħna għandna napprezzaw, nirrispettaw, nakkumpanjaw; u kemm jagħmlilna tajjeb lilna, għax iċaqlaqna u jfakkarna li r-Ragħaj qatt ma jieqaf ikun dixxiplu u huwa dejjem miexi.  Din l-ansjetà sana ġġagħalna naġixxu u tasal qabilna.  Dan fakkruh il-Padri Sinodali meta qalu: “Iż-żgħażagħ, f’ċerti aspetti, jaslu qabel ir-Rgħajja” (ibid. 66).  Ir-Ragħaj mhux dejjem jimxi quddiem il-merħla: xi darbi jkollu jmur quddiem biex juri t-triq; drabi oħra jkollu joqgħod f’nofsha biex “ixomm” dak li qed jiġri, biex jifhem il-merħla; drabi oħra jrid joqgħod wara biex jipproteġi lil tal-aħħar, ħalli ħadd ma jibqa’ lura u jsir materjal tal-iskart.  Ximindaqqiet għandna nimtlew bil-ferħ li ż-żrigħ ma kienx għalxejn.  Ħafna minn dawk l-aspirazzjonijiet u l-intwizzjonijiet taż-żgħażagħ żviluppaw fi ħdan il-familja, imżoqqin minn xi nanna jew minn xi katekista.  Hekk kif qed insemmi lin-nanniet, diġà hi t-tieni darba li qed naraha: rajtha lbieraħ u qed naraha llum, xwejħa, niexfa, tal-età tiegħi jew aktar, bil-mitra, kienet libset mitra li għamlet mill-kartun, u fuq poster żgħir kien hemm miktub: “Santità, in-nanniet ukoll jagħmlu l-istorbju”.  Nies meravilja!  U ż-żgħażagħ tgħallmu l-affarijiet mill-familja jew mill-parroċċa, fil-pastorali edukattiva jew taż-żgħażagħ.  Xewqat li tkattru bis-smigħ tal-Evanġelju u fil-komunità b’fidi ħajja u ferventi li ssib art fejn twarrad.  Kif ma nkunux grati li għandna żgħażagħ xewqanin għall-Evanġelju!  U żgur li jgħejewk, u żgur li jtuk fastidju.  Tiġini f’moħħi sentenza li kien qal filosfu Grieg dwar iż-żgħażagħ: iż-żgħażagħ jibxħu xidja fuq dahar żiemel nobbli, biex ma jħalluhx jorqod” (cfr Platun, Apoloġija ta’ Socrate).  Iż-żiemel huwa aħna!  Din ir-realtà tqanqalna għal impenn akbar biex ngħinuhom jikbru billi noffrulhom spazji akbar u aħjar li jiġġenerawhom għall-ħolma t’Alla. Min-natura tagħha l-Knisja hi Omm u bħala omm tiġġenera u tkennen il-ħajja filwaqt li tħarisha minn kull ma’ jista’ jhedded l-iżvilupp tagħha.  Tqala fil-libertà u għal-libertà.  Għalhekk inħeġġiġkom biex tniedu progammi u ċentri edukattivi li jagħrfu jakkumpanjaw, isostnu u jirresponsabiliżżaw liż-żgħgżagħ tagħkom; jekk jogħġobkom “isirquhom” mit-triq qabel ma l-kultura tal-mewt li “tbigħilhom id-duħħan” u soluzzjonijiet maġiċi, taħtafhom u tisfrutta l-ansjetà u l-immaġinazzjoni tagħhom.  U dan tagħmluhx bil-paternaliżmu għax huma ma jissaportuhx, mhux minn fuq għal isfel, għax lanqas dan ma jitlob minna l-Mulej, imma bħal missirijiet, bħal aħwa lejn l-aħwa.  Huma l-wiċċ ta’ Kristu għalina u ma’ Kristu ma nistgħux naslu minn fuq għal isfel, imma minn isfel għal fuq (cfr San Oscar Romero, Omelija, 2 settembre, 1979).

Sfortunatament bosta huma ż-żgħażagħ li ssaħħru minn tweġibiet immedjati li jipotekawlhom ħajjithom.  U tant oħrajn li nagħtatilhom l-illużjoni ta’ nifs qasir, minn xi movimenti, li mbagħad jirrenduhom pelaġjani jew konvinti li r-riżorsi personali huma biżżejjed, u mbagħad jitilquhom f’nofs ta’ triq.  Il-Padri Sinodali kienu qalulna: minħabba l-obbligu jew minħabba n-nuqqas ta’ alternattivi ż-żgħażagħ isibu ruħhom mgħaddsin f’sitwazzjonijiet konflittwali bil-kbir u mingħajr soluzzjoni immedjata: vjolenza domestika, femminiċidju – xi pjaga għaddejja fil-kontinet tagħna f’dar-rigward! - ġgajtiet armati u kriminali, traffiku ta’ droga, sfruttament sesswali tal-minuri u ta’ min m’għadux aktar minuri, u l-bqija; u jweġġgħek tara, li fil-qiegħ ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, hemm esperjenzi ta’ orfni frott ta’ kultura u ta’ soċjetà li “ġġennet” - mingħajr omm, li għamlithom orfni. Familji li spiss huma mherrijin minn sistema ekonomiku li ma jqiegħedx lill-persuna u l-ġid komuni fl-ewwel post u li l-ispekulazzjoni għamilha l-”ġenna tiegħu” biex ikompli jitħaxxen u ma jimpurtahx a spejjeż ta’ min.  U b’hekk iż-żgħażagħ tagħna, mingħajr is-sħana tad-dar, mingħajr familja, mingħajr komunità, mingħajr appartenenza, jispiċċaw taħt il-ħakma ta’ l-ewwel qarrieq.

Ma ninsewx li “n-niket veru li joħroġ mill-bniedem, qabel kollox huwa n-niket ta’ Alla” (G. Bernanos, Djarju ta’ Kurat tal-Kampanja, Milan, 1998, 72). Ma nifirdux dak li Hu ried jgħaqqad f’Ibnu!

Il-futur jesiġi li jkun rispettat il-preżent bl-għarfien tad-dinjità tal-kulturi tal-popli tagħkom u bl-impenn li dawn ikunu valoriżżati.  Hawnhekk ukoll tidħol id-dinjità: fl-awtostima kulturali.  Nieskom mhumiex persuni tat-tieni kategorija tal-ebda soċjetà.  Għandhom storja rikka li għandha tkun aċċettata u nkoraġġita.  Iż-żerriegħa tas-Saltna ġiet miżrugħa f’dawn l-artijiet.  Għandna d-dmir li ntuha għarfien.  Għandna d-dmir li nirrikonoxxuhom, nieħdu ħsiebhom u nħarsuhom għax xejn mit-tajjeb li żera’ Alla m’għandu jinxef minħabba l-interessi foloz li qed iferrxu l-korruzzjoni ma’ kullimkien u jitkattru filwaqt li jneżżgħu lill-aktar foqra.  Li tieħu ħsieb l-għeruq ifisser li tħares il-patrimonju storiku, kulturali u spiritwali li din l-art għarfet twaħħad flimkien tul sekli sħaħ.  Impenjaw ruħkom, għollu leħinkom kontra d-deżertifikazzjoni kulturali, kontra d-deżertifikazzjoni spiritwali tal-popli tagħkom li tipproduċi biss faqar radikali għax tħalli lil dak li jkun nieqes minn dik l-immunità vitali li tmantni d-dinjità fil-waqtiet tal-akbar diffikultà.  U nifriħilkom għall-inizjattiva li biha bdejtu dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ bil-Jum taż-Żgħażagħ indiġeni – nemmen fid-djoċesi ta’ David – u bil-Jum taż-Żgħażagħ ta’ oriġini afrikana: dan kien pass tajjeb biex turu l-bosta aspetti tal-poplu tagħna.  Fl-aħħar ittra pastorali intom affermajtu: “Fl-aħħar mill-aħħar ir-reġjun tagħna intlaqat minn migrazzjoni b’mod ġdid, għax tal-massa u organiżżat, u minn dan ħarġu ċar ir-raġunijiet tal-migrazzjoni sfurzata u l-perikli li ġġib magħha għad-dinjità tal-persuna umana” (SEDAC, Messaġġ lil-Poplu t’Alla u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, 30 ta’ Novembru, 2018).

Ħafna migranti huma b’wiċċ żgħażugħ, qed ifittxu xi ħaġa aħjar għall-familji tagħhom, ma jibżgħux jirriskjaw u jħallu kollox warajhom dment li jkunu jistgħu jiksbu l-kundizzjonijiet minimi li jiggarantulhom futur aħjar.  Dwar dan mhux biżżejjed li tiddenunzja, jeħtieġ ukoll li nħabbru konkretament “aħbar tajba”.  Bis-saħħa tal-universalità tagħha l-Knisja tista’ toffri ospitalità fraterna u ta’ laqgħa b’mod li l-komunitajiet lokali u dawk li jridu d-djalogu jkunu ta’ kontribut biex jingħelbu l-biżgħat u n-nuqqas ta’ fiduċja u jsaħħu r-rabtiet li l-migrazzjoni, fil-fehma kollettiva, qed thedded li tkisser.  “Tilqa’, tindokra, tissapportja u tintegra” lin-nies, jistgħu jkunu l-erba’ verbi li bihom il-Knisja, f’dis-sitwazzjoni migratorja, twaħħad il-maternità tagħha mal-istorja tal-lum (cfr Sinodu dwar iż-żgħażagħ, Dokument finali, 147).  Il-Vigarju Ġenerali ta’Pariġi, Mons Benoist de Sinety għadu kif ħareġ ktieb li s-sottotitlu tiegħu huwa:”Ilqa’ lill-migranti, appell għall-kuraġġ” (cfr Jeħtieġ li jogħlew l-ilħna.  Il-laqgħa tal-migranti, appell għall-kuraġġ, Pariġi 2018).  Dal-ktieb veru sabiħ. Dan (l-isqof) jinsab hawn għall-Jum Dinji.

L-isforzi kollha li tistgħu tagħmlu bil-bini ta’ pontijiet bejn il-komunitajiet ekkleżjali, parokkjali, djoċesani, kif ukoll permezz tal-Konferenzi Episkopali għandhom ikunu ġest profetiku tal-Knisja li fi Kristu hi “sinjal u strument tar-rabta intima ma’ Alla u tal-għaqda bejn il-ġeneru uman kollu” (Kost. Domm., Lumen Gentium, 1).  U hekk, it-tentazzjoni li noqgħodu niddenunzjaw biss tgħib, u tidħol fis-seħħ l-aħbar tal-Ħajja ġdida li jirregalalna l-Mulej.

Niftakru fl-eżortazzjoni ta’ San Ġwann: “Jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba t’Alla tgħammar fih?  Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa” (1 Ġw 3,17-18).

Dawn is-sitwazzjonijiet huma kollha mistoqsijiet, huma sitwazzjonijiet li jsejħulna għall-konverżjoni, għas-solidarjetà u għal azzjoni edukattiva inċisiva fil-komunitajiet tagħna.  Ma nistgħux nibqgħu indifferenti (cfr Sinodu dwar iż-żgħażagħ, Dokument finali, 41-44).  L-ispirtu tad-dinja jġenneb, nafuh dan u jnikkitna: il-kenosis ta’ Kristu le, dan ġarrabnih f’laħamna bil-maħfra u l-konverżjoni.  Din it-tensjoni ġġgħalna nistaqsu ‘l ħin kollu: fuq liema naħa rridu nkunu?

 

Il-kenosis ta’ Kristu hija saċerdotali

Il-ħbiberija ta’ Mons Romero ma’ Patri Rutilio Grande hi magħrufa, kif ukoll l-impatt li l-assassin ta’ dan tal-aħħar kellu fuq ħajtu.  Kien avveniment li ttimbra l-qalb tiegħu ta’ bniedem, ta’ saċerdot u ta’ ragħaj, bin-nar.  Romero ma kienx amminstratur tar-riżorsi umani, ma kienx imexxi persuni jew organiżżazzjonijiet, Romero kien iħoss, kien iħoss bil-qalb ta’ missier, ta’ ħabib u tal-aħwa.  Qies xi ftit għoli, imma qies utli biex ngħarblu l-qalb episkopali tagħna, qies li quddiemu għandna nistaqsu lilna nfusna: kemm tmissni l-ħajja tas-saċerdoti tiegħi?  Kemm dak li huma jgħejxu jirnexxili nħallih jolqotni, ibda mill-biki tad-dwejjaq tagħhom, il-festi u l-ferħ tal-ferħat tagħhom?  Il-funzjonaliżmu ekkleżjali u l-klerikaliżmu – sfortunatament tant mifrux li jitiqes bħala karikatura u perverżjoni tal-ministeru – nibdew inkejluh b’dawn il-mistoqsijiet.  Mhix kwistjoni ta’ bdil ta’ stili, tal-manjieri jew tal-lingwaġġ – kollha kemm huma importanti , imma fuq kollox hi kwistjoni ta’ impatt u l-ħila li l-programmi episkopali tagħna jħallu spazju biex nilqgħu, nakkumpanjaw u nsostnu lis-saċedoti tagħna, kemm (il-programmi tagħna) jħallulna “spazju reali” biex nagħtu kashom.  Dan jagħmilna missirijiet fekondi.

Normalment ir-responsabbiltà li dan il-poplu jkun poplu t’Alla taqa’ fuq spallejhom b’mod speċjali.  Huma jinsabu fit-trunċiera.  Fuq spallejhom hemm mgħobbijin il-piż tal-jum u s-sħana (Mt 20,12), kuljum huma esposti għal serje ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jirrenduhom vulnerabbli, u għalhekk, jeħtieġu l-qrubija tagħna, li nifhmuhom u ninkoraġġuhom, jeħtieġu l-paternità tagħna. Ir-riżultat tal-ħidma pastorali, tal-Evanġeliżżazzjoni fil-Knisja u tal-missjoni, ma jistrieħx fuq l-għana tal-meżżi u fuq ir-riżorsi materjali, jew fuq kemm jirnexxilna nagħmlu attivitajiet, imma fuq iċ-ċentralità tal-mogħdrija: waħda mill-karatteristiċi l-kbar li bħala Knisja nistgħu noffru lil ħutna.  Iħassibni l-fatt li l-mogħdrija tilfet iċ-ċentralità tagħha fil-Knisja.  Tilfuha wkoll il-gruppi kattoliċi – jew qed jitilfuha, biex ma nkunux pessimisti.  Fil-meżżi tal-komunikazzjoni kattoliċi wkoll, il-mogħdrija hi nieqsa.  Hemm ix-xiżma, il-kundanna, il-kattiverja, ir-rabja, l-opinjoni esaġerata tal-valur personali, id-denunzja tal-ereżija.....  Jalla fil-Knisja tagħna ma tintilifx il-mogħdrija, u fl-isqof ma tintilifx iċ-ċentralità tal-mogħdrija.  Il-kenosis ta’ Kristu hi l-akbar espressjoni tal-kumpassjoni tal-Missier.  Il-Knisja ta’ Kristu hi l-Knisja tal-mogħdrija, u din tibda mid-dar.  Dejjem hu tajjeb nistaqsu lilna nfusna bħala rgħajja: kemm tmissni l-ħajja tas-saċerdoti tiegħi?  Għandi ħila nkun missier jew ifarraġni l-fatt li jien esekutur?  Naċċetta li nkun skomdu?  Infakkar kliem il-Papa Benedittu XVI fil-bidu tal-pontifikat tiegħu, meta kien qed ikellem lill-Ġermaniżi bħalu: “Kristu ma wegħedniex ħajja komda.  Min ifittex ħajja komda miegħu żbalja t-triq.  Hu jurina l-mogħdija li twassalna għal affarijiet kbar, għat-tajjeb, għal ħajja umana awtentika” (Diskors lill-pellegrini Ġermaniżi, 25 ta’ April, 2005).  L-Isqof għandu ta’ kuljum iseddaq fih il-ħila li jħalli lil min jiskomodah, li jkun vulnerabbli għas-saċerdoti tiegħu.  Qed naħseb f’isqof, isqof emeritu ta’ djoċesi kbira, ħaddiem ħawtiel, kien jagħmel l-udjenzi ta’ kull filgħodu u spiss, spiss ħafna, meta jtemm l-udjenzi ta’ filgħodu u kien ikun mejjet bil-ġuħ, kien ikun hemm żewġ saċedoti li ma kellux appuntament magħhom li kienu qed jistennewh.  U hu kien dar lura u qagħad jismagħhom qiesu li l-għodwa kienet għadha se tibda.  Inħallu min jiskomodana u nħallu l-għaġin isir iżżejjed, il-laħam jiksaħ!  Inħallu lis-saċerdoti jiskomodawna.

Nafu li x-xogħol tagħna, waqt iż-żjarat u waqt il-laqgħat li jkollna, speċjlament fil-parroċċi, għandu dimensjoni u parti minnu hi wkoll amministrattiva u huwa importanti li dan l-aspett jimxi ‘l quddiem.  Irridu nkunu ċerti li dan isir, imma dan ma jfissirx li jmiss lilna li l-ftit ħin li jkollna nużawh għall-affarijiet amministrattivi.  Dak li hu fundamentali waqt il-visti hu li s-smigħ ma nistgħux niddelegawh.  Hemm bosta affarijiet li nagħmlu kuljum u li nistgħu niddelegawhom, għax il-ħila li nisimgħu, il-ħila li nsegwu s-saħħa u l-ħajja tas-saċerdoti tagħna huma aktar importanti.  Il-bieb miftuh għalihom ma nistgħux niddelelgawh lil ħaddieħor.  Bieb miftuh biex noħolqu l-kundizzjonijiet li jagħmluha possibbli li jkun hemm il-fiduċja aktar milli l-biża’, is-sinċerità aktar milli l-ipokrisija, id-diskussjoni miftuha u rispettuża aktar minn monologu li jiddixxiplina.

Niftakar kliem il-Beatu Rosmini – li kien akkużat b’ereżija u llum hu beatu: “Żgur li nies kbar jistgħu jiffurmaw nies kbar oħra (….).  Fl-ewwel sekli, id-dar tal-isqof kienet tkun is-seminarju tal-qassisin u tad-djakni; il-preżenza, il-konversazzjoni qaddisa tal-prelat tagħhom kienet tkun lezzjoni mimlija nar, ma taqta’ xejn, sublimi, fejn kienet tkun mgħallma t-teorija permezz tal-kliem mimli dehen tiegħu, flimkien mal-prattika tal-ħidma pastorali assidwa tiegħu.  U b’hekk, flimkien mal-Alessandri kienu jidhru wkoll u jikbru sbieħ l-Anastasijiet żgħażagħ” (Mill-ħames pjagi tal-Knisja qaddisa, Brescia, 1966, 40).

Importanti li s-saċerdot isib missier, ragħaj li jqisu “mera” tiegħu u mhux l-amministratur li jrid “jispezzjona lit-truppi”.  Hu importanti illi, f’dak kollu li aħna differenti minn xulxin u f’dak li dwaru ma  naqblux u d-diskussjoniet li jistgħu jsiru (huwa normali u mixtieq li jsiru), is-saċerdoti fl-isqof jaraw bniedem bil-ħila li juża żmienu u jitberraħ għalihom, li jgħinhom jimxu ‘l quddiem u li joffrilhom idu meta jsibu ruħhom fit-tajn.  Bniedem ta’ dixxerniment li jagħraf jorjenta u jsib toroq konkreti u prattikabbli fid-diversi salib it-toroq ta’ kull storja personali.  Meta kont l-Arġentina, kultant kont nisma’ xi nies jgħidu: “Ċempilt lill-isqof – saċerdoti - u s-segretarja qaltli li kien mimli appuntamenti u biex inċempillu għoxrin ġurnata wara; u ma staqsitnix x’kelli bżonn, xejn”.  “Nixtieq inkellem lill-isqof” - “Ma jistax, se nniżżlek fil-lista”.  Huwa ċar li dak is-saċerdot ma ċempilx aktar u baqa’ għaddej b’dak li kien xtaq jistaqsih – tajjeb u ħażin – ġewwa fih.  Dan mhux parir, imma ħaġa ngħidilkom minn qalbi: jekk għandkom id-djarju mimli, niżżu ħajr ‘l Alla, għax b’hekk tmorru tieklu bil-kwiet għax tkunu qlajtu ħobżkom; imma jekk taraw li ċemplilkom saċerdot, illum, l-aktar għada, għandkom iċċemplulu u tgħidulu: “Ċempiltli, x’inqalgħalek?  Tista’ tistenna sa…… jew le?”  Minn dak il-ħin, dak is-saċerdot jaf li għandu missier.

Il-kelma awtorità etimoloġikament hi mnissla mill-għerq Latin augere li jfisser iżżid, tippromwovi, ittejjeb.  L-awtorità tar-Ragħaj tikkonsisti filli b’mod partikolari jgħin fit-tkabbir, imexxi ‘l quddiem lill-presbiteri tiegħu, pjuttost milli jimbotta ‘l quddiem lilu nnifsu – dan jagħmlu l-għażeb, mhux il-missier Il-ferħ tal-missier/ragħaj hu li jara li uliedu kibru u kienu għammiela.  Ħuti, jalla din tkun l-awtorità tagħna u s-sinjal tal-fekondità tagħna.

 

L-aħħar punt: il-kenosis ta’ Kristu hi fqira

Li tħoss mal-Knisja jfisser li tħoss mal-poplu tal-fidili, il-poplu t’Alla li jsofri u jittama.  Hu l-għarfien li l-identità ministerjali tagħna titwieled u tinftiehem fid-dawl ta’ din l-appartenenza unika u kostituttiva tal-essri tagħna.  F’das-sens irrid niftakar flimkien magħkom dak li San Injazju kiteb lilna l-Ġiżwiti: “il-faqar hu omm u ħajt” jiġġenera u jirfed.  Omm għax isejħilna għall-fekondità, biex niġġeneraw, isejħilna għall-ħila li ningħataw, ħaġa impossibbli f’qalb xħiħa jew li tfittex biss li tiġma’.  Hiuwa ħajt għax jindukrana mit-tentazzjonijiet l-aktar sottili li aħna l-persuni konsagrati rridu naffrontaw, il-mondanità spiritwali: illi l-valuri reliġjużi u “devoti”  nxiddulhom il-libsa tal-poter u tal-protagoniżmu, il-vanità u saħansitra l-kburija u s-suppervja.  Ħajt u omm li jgħinuna nkunu Knisja dejjem aktar ħielsa għax iċċentrata fuq il-kenosis tal-Mulej tagħha.  Knisja li ma tridx li l-qawwa tagħha – kif kien jgħid Mons Romero – tistrieħ fuq is-setgħana u fuq il-politika, imma li bin-nobbiltà tinħeles biex timxi b’rasha merfugħa, sostnuta mid-dirgħajn tal-Kurċifiss, li hu l-veru qawwa tagħha.  U dan jidher f’sinjali konkreti u evidenti; dan għalina huwa mistoqsija li timbuttana nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar l-għażliet u l-prijoritajiet tagħna fl-użu tar-riżorsi, kif nużaw l-influwenzi u l-pożizzjonijiet tagħna.  Il-faqar hu omm u ħajt għax jindokra lil qalbna sabiex ma tiżloqx u ċċedi, tagħmel il-kompromessi li jdgħajfu l-libertà u l-parresia li l-Mulej sejħilna għalihom.

Qabel intemm, ejjew nidħlu taħt il-mant tal-Verġni, nitolbu flimkien biex Hi tħares lill-qlub tagħna ta’ Rgħajja u tgħinna nservu aħjar il-Ġisem ta’ Binha, lill-Poplu Qaddis ta’ Alla li jinsab f’mixja, jgħejx u jitlob hawnhekk, fl-Amerika Ċentrali.

Nitolbu lil Ommna, “Sliem għalik, Marija…..”

Ġesù jberikkom u l-Verġni tipproteġikom. U, jekk jgħġobkom, tinsewx titolbu għalija sabiex inkun nista’ nwettaq dak kollu li għidt.  Grazzi!

(1) irrid inżomm ħajja l-memorja tar-Rgħajja li mħeġġin miż-żelu pastorali tagħhom u mill-imħabba tagħhom għall-Knisja taw ħajjithom għal dan l-organiżmu ekkleżjali fosthom Mons. Luis Chávez y González, arċisqof ta’ San Salvador, u Mons Victor Sanabria, arċisqof ta’ San Josè fil-Costa Rica, u oħrajn.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber