VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-PANAMA FL-OKKAŻJONI TAL-
XXXIV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
(23-28 TA' JANNAR, 2019)

ANGELUS

Casa Famiglia “Is-Sammaritan it-Tajjeb” (Panama)
Il-Ħadd, 27 ta’ Jannar, 2019

 

Għeżież żgħażagħ,
Diretturi, kollaboraturi, aġenti tal-pastorali tant apprezzati,
Ħbieb!

Grazzi, Padre Domingo, għall-kliem li indirizzajtli f’isem kulħadd.  Xtaqt niltaqa’ magħkom, intom li tinsabu hawn fil-”Casa Famiglia” Is-Sammaritan it-Tajjeb,  u wkoll maż-żgħażagħ l-oħra li hawn magħna miċ-Ċentru Ġwanni Pawlu II, mill-”Casa Famiglia” San Ġużepp, tas-sorijiet tal-Karità u mill-”Casa dell’Amore” tal-kongregazzjoni tal-Aħwa ta’ Ġesù Kkottonngae.  Il-fatt li ninsab magħkom għalija hu raġuni għaliex għandi nġedded it-tama.  Grazzi talli dan għamiltuhuli possibbli!

Jien u nħejji dil-laqgħa stajt naqra t-testimonjanza ta’ membru ta’ din id-dar, li missitli qalbi u li kienet tgħid: “Hawnhekk jien twelidt mill-ġdid”.  Din id-dar u ċ-ċentri kollha li intom tirrappreżentaw huma sinjal ta’ ħajja ġdida li jrid itina l-Mulej.  Hu faċli tikkonferma l-fidi ta’ xi wħud minn ħutna meta tara li din qed iddewwi l-ġrieħi, tfejjaq it-tama u tinkoraġġixxi t-twemmin.  Hawnhekk ma jitweldux mill-ġdid biss, dawk li nistgħu ngħidu li huma “l-ewwel li jgawdu” minn dawn id-djar tagħkom; hawnhekk jitwieldu l-Knisja u l-fidi, hawnhekk il-Knisja u l-fidi jiġġeddu bla heda permezz tal-karità.

Nibdew nitwieldu mill-ġdid meta l-Ispirtu s-Santu jtina l-għajnejn biex inħarsu lejn l-oħrajn, kif kien qed jgħidilna Padre Domingo, mhux biss bħala ġirien tagħna – li diġà jfisser ħafna – imma bħala proxxmu tagħna.  Naraw lill-oħrajn bħala proxxmu.

L-Evanġelju jgħidilna li darba staqsew lil Ġesù” “Min hu l-proxxmu tagħna?” (Lq 10,29).  Huwa ma weġibx bit-teoriji, lanqas għamel xi diskors sabiħ u mimli frilli, imma uża parabbola – dik tas-Sammaritan it-Tajjeb, eżempju konkret ta’ ħajja vera li intom ilkoll tafuh u tgħejxuh tajjeb ħafna.  Il-proxxmu hu persuna, huwa wiċċ li niltaqgħu miegħu tul il-mixja, u li lilna jċaqlaqna, iqanqalna: immorru ‘l hinn mill-iskemi tagħna u milll-prijoritajiet u nitqanqlu intimament minn dak li tkun għaddejja minnu dik il-persuna, biex intuha post u spazju fil-mixja tagħna.  Hekk fehem is-Sammaritan it-Tajjeb quddiem dak ir-raġel li kien tħalla nofsu mejjet fil-ġenb tat-triq, mhux biss minn xi ħallelin, imma wkoll mill-indifferenza ta’ saċerdot u ta’ levita li ma kellhomx il-kuraġġ jgħinuh, u, kif tafu, ankki l-indifferenza ġġerraħ u toqtol.  Dawk minħabba biċċa munita, l-oħrajn għax beżgħu li jitniġġsu, għad-disprezz jew minħabba l-istmerrija soċjali, bla problemi ta’ xejn ħallew lil dak ir-raġel mal-art fit-triq.  Is-Sammaritan it-Tajjeb, bħalma huma d-djar tagħkom kollha, jurina li l-ewwel u qabel kollox il-proxxmu hu persuna, xi ħadd b’wiċċ konkret, b’wiċċ reali u mhux xi ħaġa li tibqa’ għaddej minn ħdejha u ma tagħtix kasha, hi xinhi s-sitwazzjoni.  Hu wiċċ li jikxef l-umanità tagħna li bosta drabi tkun qed tbati jew imwarrba.

Il-proxxmu hu wiċċ li jiskomda l-ħajja bil-ferħ għax ifakkarna u jmexxina fit-triq ta’ dak li hu verament importanti u jeħlisna milli s-sekwela tagħna tal-Mulej nirrenduha banali u superfiċjali.  Li tkun hawn ifisser li tmiss il-wiċċ sieket u matern tal-Knisja li taf tipprofetiżża u toħloq djar, toħloq komunitajiet.  Il-wiċċ tal-Knisja li normalment ma narawhx u li ma nagħtux kasu, imma li hu sinjal konkret tal-ħniena u t-tenerezza ta’ Alla, hu sinjal ħaj tal-Bxara t-Tajba tal-qawmien li llum għada taħdem fi-ħajja tagħna.

Li tagħmel “dar” ifisser li tagħmel familja; titgħallem tħoss l-għaqda bejn xulxin lil hinn mir-rabtiet ta’ dak li hu biss ulti u funzjonali, għaqda li biha tħoss li l-ħajja hi xi ftit aktar umana.  Li toħloq dar ifisser li tħalli l-profezija titlaħħam u li s-siegħat tagħna, jiemna, tagħmilhom anqas inospitabbli, anqas indifferenti u anonimi.  Ifisser li toħloq rabtiet li jibnu b’ġesti sempliċi, ta’ kuljum, u li kulħadd jista’ jagħmilhom.  Id-dar, dan nafuh sew, teħtieġ il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd.  Ħadd ma jista’ jibqa’ indifferenti jew maqtugħ mill-bqija, għax kulħadd hu ġebla meħtiġa għall-bini tagħha.  Dan jimplika li nitolbu l-Mulej itina l-grazzja li nitgħallmu nieħdu paċenzja, li nitgħallmu naħfru lil xulxin” nitgħallmu kuljum u nerġgħu nibdew.  U kemm-il darba għandna naħfru u nerġgħu nibdew?  Seba’ għal sebgħa w sebgħin darba, id-drabi kollha li jkun meħtieġ.  Biex toħloq relazzjonijiet sodi meħtieġa l-fiduċja li ta’ kuljum titmantna bil-paċenzja u l-maħfra.

U b’hekk iseħħ il-miraklu li wieħed iġarrab għax hawnhekk jitwieled mill-ġdid; hawnhekk ilkoll nitwieldu mill-ġdid għax inġarrbu t-tmellisa effikaċi ta’ Alla li ttina li noħolmu dinja aktar umana u, għaldaqstant, aktar divina.

Grazzi lilkom ilkoll tal-eżempju u tal-ġenerożità; grazzi lill-Istituzzjonijiet tagħkom, lill-volontarji u lill-beneftturi.  Grazzi lil kull min jagħmilha possibbli li l-imħabba t’Alla tidher dejjem aktar konkreta, aktar reali, billi nwaħħlu ħarsitna f’għajnejn dawk li jinsabu madwarna u nagħrfu lil xulxin bħala proxxmu.

Issa li se nitolbu l-Angelus, nafdakom lil Ommna, il-Verġni.  Nitolbuha, li bħala Omm twajba hi, esperta tat-tenerezza u tal-qrubija, tgħallimna nishru sabiex ta’ kuljum niskopru min hu l-proxxmu tagħna u tinkoraġġina biex nersqu lejh bla tnikkir ħalli nkunu nistħu noffrulu dar, tgħannieqa li fiha jkun jista’ jsib protezzjoni u mħabba tal-aħwa.  Hija missjoni li tinvolvi lilna lkoll.

Issa nistedinkom biex tqiegħdu taħt il-mant tagħha l-inkwiet tagħkom, il-ħtiġijiet kollha, in-niket li intom qiegħdin iġġarrbu, il-ġrieħi li jgħakksukom, sabiex bħala Sammaritna Tajba, tiġi għandna u tgħinna bil-maternità tagħha, bit-tenrezza tagħha, bit-tbissima tagħha ta’ Omm.

L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija........

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

illum qed ikun iċċelebrat il-Jum internazzjonali tat-tifkira tal-vittmi tal-Olokawst.  Jeħtieġ li nżommu ħajja t-tifkira tal-imgħoddi, tat-traġedji tal-passat, u nitgħallmu mill-paġni koroh tal-istorja biex ma nerġgħu qatt iżjed nagħmlu l-istess żbalji.  Inkomplu nagħmlu ħilitna bla heda biex nikkultivaw il-ġustizzja, biex inkattru l-konkordja u nissapportjaw l-integrazzjoni, ħalli nkunu strumenti tal-paċi u bennejja ta’ dinja aħjar.

Nixtieq nuri s-sogħba tiegħi minħabba t-traġedji li laqtu l-Istat ta’ Minas Gerais fil-Brażil u l-Istat Hidalgo fil-Messiku.  Nirrikmanda lill-vittmi kollha lill-ħniena ta’ Alla u fl-istess ħin, nitlob għall-feruti filwaqt li nesprimi mħabbti u l-qrubija spiritwali tiegħi mal-familji u mal-popolazzjoni kollha.

Hawnhekk fil-Panama, ħsibt ħafna fil-poplu tal-Venezwela, li miegħu nħossni marbut partikolarment matul dal-jiem.  Quddiem is-sitwazzjoni gravi li għaddejja bħalissa, nitlob lill-Mulej li jfittxu jaslu għal soluzzjoni ġusta u paċifika biex jegħlbu l-kriżi, bir-rispett lejn id-drittijiet umani u billi jfittxu biss il-ġid tal-abitanti kollha tal-pajjiż.  Nistedinkom titolbu, u tqegħedu din l-interċessjoni taħt il-protezzjoni tas-Sinjura Tagħna ta’ Coromoto, Patruna tal-Venezwela.

Bl-istess mod nafdaw il-vittmi tal-attentat terroristiku li seħħ dal-Ħadd fil-Katidral ta’ Polo, fil-Filippini, waqt li kienet qed tkun iċċelebrata l-Ewkaristija, lil Kristu u lill-Verġni.  Intenni l-kundanna qawwija tiegħi għal dan l-episodju ta’ vjolenza, li qed iġib luttu ġdid f’dil-komunità nisranija, u ngħolli talbi għall-vittmi u għall-feruti.  Mulej, Prinċep tal-Paċi, ikkonverti l-qlub tal-vjolenti u lill-abitanti ta’ dak ir-reġjun tihom li jgħejxu hienja flimkien.

U llum, fl-aħħar jum tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, waqt il-quddiesa tellgħu lista ta’ għoxrin żgħażugħ li ma setgħux ikunu jafu x’sar waqt il-Jum Dinji la mit-televixin, u lanqas mir-radju, żgħażagħ alljievi tal-iSkola tal-Kadetti tal-Puluzija “Ġeneral Francisco de Paula Santander”, fil-Kolombja, li nqatlu minbħabba l-mibgħeda terrorista.  Dawn iż-żgħażagħ kienu offerta waqt il-quddiesa, u b’tifkira tagħhom ippermettuli li f’dan l-Angelus insemmihom u kulħadd f’qalbu, jekk mhux b’vuċi li tinstama’, f’qalbu, jgħid dik il-kelma li f’dawn l-istituzzjonijiet tingħad meta jissemma’ xi mejjet: “preżenti”.  Jalla jkunu preżenti quddiem Alla.  Kadett Luis Alfonso Mosquera Murillo; Kadett Oscár Javier Saavedra Camacho; Kadett Jonathan Efraín Suescón García; Kadett  Manjardez Contreras Juan Felipe; Kadett Juan Diego Ayala Anzola; Kadett Juan David Rodas Agudelo; Kadett Diego Alejandro Pérez Alarcón; Kadett Jonathan Ainer León Torres; Kadett o Alán Paul Bayona Barreto; Kadett Diego Alejandro Molina Peláez; Kadett Carlos Daniel Campaña Huertas; Kadett Diego Fernando Martínez Galvéz; Kadett Juan Esteban Marulanda Orozco; Kadett César Alberto Ojeda Gómez; Kadett Cristian Fabián González Portilla; Kadett Fernando Alonso Iriarte Agresoth; Kadett Ercia Sofía Chico Vallejo; Kadett Cristian Camilo Maquilón Martínez; Kadett Steven Rolando Prada Riaño; Kadett Iván René Munóz Parra. Nitolbuk Mulej, li tagħtihom il-paċi u li Inti tagħti l-paċi lill-poplu Kolombjan ukoll.  Ammen.

[Barka]

Mill-ġdid irroddilkom ħajr għal dak kollu li qed tagħmlu hawn li hu kbir u sabih ħafna.  Alla jberikkom u itolbu għalija.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber