ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LID-DJOĊESI TA’ PIAZZA ARMERINA U TA’ PALERMO

FL-OKKAŻJONI TAL-25 ANNIVERSARJU MILL-MEWT

TAL-BEATU PINO PUGLISI

 

LAQGĦA MAL-KLERU, IR-RELIĠJUŻI U S-SEMINARISTI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

 

Katidral (Palermo)

Is-Sibt 15 ta’ Settembru 2018

 

Il-lejla t-tajba!

 

Dalgħodu ċċelebrajna flimkien it-tifkira tal-Beatu Pino Puglisi; issa nixtieq naqsam magħkom tliet aspetti fundamentali tas-saċerdozju tiegħu, li jistgħu jgħinu lis-saċerdozju tagħna u jgħinu wkoll lill-persuni kkonsagrati li mhumiex saċerdoti, l-“iva” tagħna sħiħa lil Alla u lil ħutna. Huma tliet verbi sempliċi, u għalhekk fidili għall-figura ta’ Don Pino, li kienet sempliċement waħda ta’ saċerdot, saċerdot veru. U, bħala saċerdot, ikkonsagrat ta’ Alla, għax anki s-sorijiet għandhom sehem minn dan.

 

L-ewwel verb hu niċċelebraw. Anki llum, bħal fil-qalba ta’ kull quddiesa, xandarna l-kelmiet tat-Twaqqif tal-Ewkaristija: “Ħudu u kulu lkoll minn dan: dan huwa ġismi li jingħata għalikom”. Dawn il-kelmiet ma għandhomx jibqgħu fuq l-altar, imma għandhom jinżlu fil-ħajja: huma l-programm ta’ ħajjitna ta’ kuljum. Ma għandniex ngħiduhom biss in persona Christi, imma għandna ngħixuhom aħna. Ħudu u kulu, dan hu ġismi li jingħata għalikom: dan ngħiduh lil ħutna, flimkien ma’ Ġesù. Hekk il-kliem tat-Twaqqif tal-Ewkaristija juri l-identità saċerdotali tagħna: ifakkarna li s-saċerdot hu bniedem tad-don, tad-don tiegħu nnifsu, ta’ kuljum, bla btajjel u bla waqfien. Għax din tagħna, għeżież saċerdoti, mhijiex professjoni imma għotja; mhijiex mestier, li jista’ jservi wkoll biex wieħed jagħmel karriera, imma missjoni. U hekk ukoll il-ħajja kkonsagrata. Ta’ kuljum nistgħu nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza mqar fuq dawn il-kelmiet waħidhom – ħudu u kulu: dan huwa ġismi li jingħata għalikom – u nistaqsu lilna nfusna: “Illum ħajti tajtha għall-imħabba tal-Mulej, lil ħuti ‘ħallejthom jikluni’?”. Don Pino hekk għex: l-epilogu ta’ ħajtu kien il-konsegwenza loġika tal-quddiesa li kien jiċċelebra ta’ kuljum.

 

Hemm it-tieni formula sagramentali fundamentali fil-ħajja tas-saċerdot: “Jien naħfirlek dnubietek”. Hawn insibu l-ferħ li nagħtu l-maħfra ta’ Alla. Imma hawn is-saċerdot, bniedem tad-don, jiskopri wkoll li hu bniedem tal-maħfra. Anki aħna l-Insara kollha, irridu nkunu rġiel u nisa tal-maħfra. Is-saċerdoti b’mod speċjali fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Fil-fatt il-kliem tar-Rikonċiljazzjoni ma jgħidx biss dak li jseħħ meta naġixxu in persona Christi, imma jurina wkoll kif naġixxu skont Kristu. Jien naħfirlek: is-saċerdot, bniedem tal-maħfra, hu msejjaħ ilaħħam fih dawn il-kelmiet. Hu raġel tal-maħfra. U bl-istess mod, is-sorijiet huma nisa tal-maħfra. Kemm drabi fil-komunitajiet reliġjużi ma ssibx il-maħfra, issib it-tpaċpiċ fieragħ fuq l-oħrajn, issib l-għira… Le. Bniedem tal-maħfra, is-saċerdot, fil-Qrar, imma l-ikkonsagrati kollha, irġiel u nisa tal-maħfra. Is-saċerdot ma jġorrx korla, ma jġorrx il-piż ta’ dak li ma rċeviex, ma jroddx deni b’deni. Is-saċerdot iġib il-paċi ta’ Ġesù: twajjeb, ħanin, jaf jaħfer lill-oħrajn kif Alla jaħfrilhom permezz tiegħu (ara Efes 4:32). Iġib il-ftehim fejn hemm il-firda, armonija fejn hemm it-tilwim, serenità fejn hemm l-animożità. Imma jekk is-saċerdot hu wieħed minn dawk li jpaċpċu fil-vojt, flok iġib il-ftehim iġib il-firda, iġib il-gwerra, iġib ħwejjeġ li jaqsmu l-presbiterju fi ħdanu u mal-Isqof. Is-saċerdot hu ministru ta’ rikonċiljazzjoni l-ħin kollu: jamministra “l-maħfra u l-paċi” mhux biss fil-konfessjonarju, imma kullimkien. Nitolbu lil Alla biex inkunu messaġġiera tajba tal-Vanġelu, kapaċi naħfru mill-qalb, inħobbu lill-għedewwa tagħna. Naħsbu f’tant saċerdoti u tant komunitajiet, fejn jinbagħdu bħal għedewwa, minħabba fil-pika, fl-għira, f’dawk li jridu jaqbżu lill-oħrajn… din mhix ħaġa Nisranija! Darba wieħed isqof qalli: “Hemm ċerti komunitajiet reliġjużi u xi saċerdoti li jien kieku nerġa’ ngħammidhom mill-ġdid biex nagħmilhom Insara”. Għax iġibu ruħhom ta’ pagani. U l-Mulej jitlobna li nkunu bnedmin ta’ maħfra, kapaċi naħfru mill-qalb, inħobbu lill-għedewwa u nitolbu għal min jagħmlilna d-deni (ara Mt 18:35; 5:44). Din li nitolbu għal dawk li jagħmlulna d-deni donnha tidher ħaġa ta’ mużew… Le, illum jeħtieġ nagħmluh dan, illum! Il-qawwa tagħkom is-saċerdoti, tas-saċerdozju tagħkom, il-qawwa tagħkom, reliġjużi, tal-ħajja kkonsagrata tagħkom, hawn qiegħda: itolbu għal min jagħmel id-deni, kif għamel Ġesù.

 

Il-ġinnasju fejn titħarrġu biex issiru bnedmin ta’ maħfra hu s-seminarju l-ewwel u mbagħad il-presbiterju. Għall-ikkonsagrati hi l-komunità. Ilkoll nafu li mhuwiex faċli naħfru lil xulxin: “Għamiltli hekk? Tħallasha!”. Imma mhux biss fil-mafja, anki fil-komunitajiet tagħna u fil-presbiterji tagħna, hekk jiġri. Fil-presbiterju u fil-komunità għandna nkabbru x-xewqa għall-għaqda, skont kif jixtieq Alla; mhux li nifirdu, skont kif irid ix-xitan. Ejja ndaħħlu dan il-ġid f’rasna. Meta hemm il-firda hemm ix-xitan, hu l-akkużatur il-kbir tagħna, dak li jixli biex jifred, jifred kollox! Hemm, fil-presbiterju u fil-komunità, għandna nilqgħu lil ħutna, hemm il-Mulej ta’ kuljum isejħilna biex naħdmu ħalli negħlbu d-differenzi ta’ bejnietna. U din hi parti kostituttiva mill-fatt li aħna saċerdoti u kkonsagrati. Mhux b’kumbinazzjoni, imma ħaġa sostanzjali. Li nixħtu s-sikrana, nipprovokaw il-firdiet, nitkellmu ħażin fuq ħaddieħor, inpaċpċu fil-vojt mhumiex “nuqqasijiet ta’ kulħadd”, le: b’dan inkunu niċħdu l-identità tagħna ta’ saċerdoti, bnedmin tal-maħfra, u ta’ kkonsagrati, bnedmin tal-komunjoni. Dejjem għandna nifirdu l-iżball minn min jagħmlu, dejjem għandna nħobbu u nistennew bil-ħerqa lil ħuna u lil oħtna. Ejjew naħsbu f’Don Pino, li kien disponibbli għal kulħadd u lil kulħadd kien jistenna b’qalb miftuħa, imqar lil min kien jgħix ħajja ħażina.

 

Saċerdot bniedem tad-don u tal-maħfra, hekk tikkonjuga fil-ħajja l-verb tiċċelebra. Int tista’ tiċċelebra l-quddiesa ta’ kuljum u tista’ tkun bniedem li jġib il-firda, tat-tpaċpiċ fil-vojt, tal-għira, anki “kriminal” għax toqtol lil ħuk bl-ilsien. U dan mhux kliemi, dan jgħidu l-Appostlu Ġakbu. Aqraw l-Ittra ta’ Ġakbu. Anki l-komunitajiet reliġjużi jistgħu jisimgħu l-quddiesa ta’ kuljum, jersqu għat-tqarbin, imma bil-mibegħda f’qalbhom lejn ħuhom u oħthom. Is-saċerdot hu bniedem ta’ Alla erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, mhux bniedem tas-sagru meta jilbes il-paramenti biss. Ħa tkun il-liturġija għalikom ħajja, u ma tibqax biss rit. Għalhekk hu fundamentali nitolbu lil Dak li dwaru nitkellmu, nitrejqu bil-Kelma li nippritkaw, naduraw il-Ħobż li nikkonsagraw, u dan nagħmluh ta’ kuljum. Talb, Kelma, Ħobż; Padre Pino Puglisi, imsejjaħ it-“3P”, jgħinna niftakruhom dawn it-tliet punti essenzjali għal kull qassis ta’ kuljum, essenzjali għall-ikkonsagrati kollha ta’ kuljum: talb, Kelma, Ħobż.

 

Bniedem tal-maħfra, saċerdot li jagħti l-maħfra, jiġifieri bniedem tal-ħniena u dan l-aktar fil-konfessjonarju, fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Kemm hi ħaġa kerha meta fil-Qrar is-saċerdot jibda jħaffer, iħaffer fir-ruħ tal-ieħor: “U kif kien, u kif tagħmel…”. Dan bniedem li jmarrad! Int qiegħed hemm biex taħfer f’isem il-Missier waħdieni li jaħfer, mhux biex toqgħod tkejjel sa fejn nista’, sa fejn ma nistax… Nemmen li fuq dan il-punt tal-Qrar għandna ħafna x’nikkonvertu: nilqgħu lill-penitenti bil-ħniena, mingħajr ma noqogħdu nħaffru fir-ruħ, bla ma nagħmlu mill-Qrar żjara għand psikjatra, bla ma nagħmlu mill-Qrar indaġni ta’ detective biex jindaga. Maħfra, qalb kbira, ħniena. L-aħħar darba Kardinal sever ħafna, jien ngħid anki konservattiv – għax illum hekk sirna ngħidu: dan konservattiv, dan miftuħ – Kardinal hekk qalli: “Jekk wieħed jiġi għand il-Missier, għax jien qiegħed hemm f’isem Ġesù u f’isem il-Missier Etern, u jgħidli: Aħfirli, aħfirli, għamilt hekk, hekk u hekk…; u jiena nħoss li skont ir-regoli m’għandix naħfer; imma liema missier ma jaħfirx lil ibnu li jitolbu bid-dmugħ f’għajnejh u bid-disperazzjoni?”. Imbagħad, ladarba maħfur, jagħtih parir: “Trid tagħmel hekk…”; jew: “Hemm bżonn nagħmel dan, u se nagħmlu għalik”. Meta l-iben il-ħali wasal għad-diskors imħejji quddiem missieru u fetaħ ħalqu biex jgħid: “Missier, dnibt!…”, il-missier għannqu miegħu, ma tahx ċans jitkellem, dritt ħafirlu. U meta l-iben l-ieħor ma riedx jidħol, il-missier ħareġ hu biex lilu wkoll jagħtih din il-fiduċja tal-maħfra, ta’ filjazzjoni. Dan għalija hu importanti ħafna biex infejqu lill-Knisja tagħna hekk miġruħa li qisha sptar fuq il-kamp tal-battalja.

 

Fl-aħħar nett, dejjem fuq li niċċelebraw, nixtieq ngħid xi ħaġa fuq il-pjetà popolari, imxerrda ħafna f’dawn l-artijiet. Kien hemm Isqof li qalli li fid-djoċesi tiegħu ma nafx kemm fratellanzi hemm, u qalli: “Jien dejjem immur għandhom, ma nħallihomx waħidhom, nimxi magħhom”. Dan hu teżor li rridu napprezzawh u nħarsuh, għax fih għandu qawwa evanġelizzatriċi (ara Evangelii gaudium, 122-126), imma l-protagonista għandu jkun dejjem l-Ispirtu s-Santu. Għalhekk nitlobkom tgħassu bir-reqqa, biex ir-reliġjożità popolari ma tiġix strumentalizzata mill-preżenza mafjuża, għax imbagħad, flok tkun mezz ta’ adorazzjoni kollha mħabba, issir għodda ta’ esebizzjoniżmu korrott. Dan rajnieh fil-ġurnali, meta l-Madonna tieqaf u tagħmel l-inkin quddiem id-dar tal-kap tal-mafja; le, dan mhux sew, assolutament mhux sew! Fuq il-pjetà popolari ħudu ħsieb, għinu, kunu preżenti. Isqof Taljan qalli hekk: “Il-pjetà popolari hi s-sistema immunitarja tal-Knisja”, hi s-sistema immunitarja tal-Knisja. Meta l-Knisja tibda ssir wisq ideoloġika, wisq Injostika u wisq Pelaġjana, il-pjetà popolari tikkoreġiha, tiddefendiha.

 

Nipproponilkom it-tieni verb: insieħbu. Li nsieħbu hu l-bażi ta’ li nkunu ragħajja llum il-ġurnata. Hemm bżonn ta’ ministri li jinkarnaw il-qrubija tar-Ragħaj it-Tajjeb, ta’ saċerdoti li jkunu ikoni ħajjin ta’ qrubija. Din il-kelma hemm bżonn nisħqu fuqha: “qrubija”, għax Alla hekk għamel. L-ewwel għamlu mal-poplu tiegħu. Fuq dan anki jċanfarhom, fid-Dewteronomju – aħsbu ftit – jgħidilhom: “Għiduli, qatt rajtu poplu li għandu l-allat tiegħu hekk qribu kif int għandek lil Alla tiegħek?”. Din il-qrubija ta’ Alla fit-Testment il-Qadim tlaħħmet, saret wieħed minna f’Ġesù Kristu. Alla sar hekk qrib tagħna billi xxejjen, tneżża’, hekk jgħid Pawlu. Qrubija, hemm bżonn nerġgħu nieħdu f’idejna din il-kelma. Foqra fil-ġid u fil-proklami, imma għonja fir-relazzjonijiet u l-komprensjoni. Ejjew naħsbu għal darb’oħra f’Don Puglisi li, iktar milli jitkellem dwar iż-żgħażagħ, kien jitkellem maż-żgħażagħ. Joqgħod magħhom, isegwihom, flimkien magħhom iħalli jitqanqlu l-mistoqsijiet l-aktar veri u t-tweġibiet l-aktar sbieħ. Hi missjoni li titwieled mis-sabar, mis-smigħ akkoljenti, milli jkollna qalb ta’ missier, qalb ta’ omm, fil-każ tar-reliġjużi nisa, u qatt qalb ta’ sid. L-Arċisqof kellimna fuq l-appostolat “tal-widna”, is-sabar tas-smigħ. Il-pastorali hekk issir, bis-sabar u d-dedikazzjoni, għal Kristu u l-ħin kollu.

 

Don Pino kien kapaċi jaqla’ lil dak li jkun mill-ħama billi għex ta’ qassis b’qalb ta’ ragħaj. Ejjew nitgħallmu minnu kif nirrifjutaw kull spiritwalità maqtugħa mid-dinja u nħammġu jdejna bil-problemi tan-nies. Lili xejn ma tinżilli dik l-ispiritwalità li twasslek biex idawwar għajnejk band oħra, magħluqa jew miftuħa, u toqgħod dejjem hemm… Dan mhux Kattoliku! Ejjew noħorġu niltaqgħu man-nies bis-sempliċità ta’ min irid iħobb lil Kristu bil-qalb, mingħajr proġetti esaġerati, mingħajr ma jirkeb il-karru tax-xejriet taż-żmien. Fl-età tagħna, rajna ħafna proġetti pastorali esaġerati… Fejn wasslu? Imkien! Il-proġetti pastorali, il-pjanijiet pastorali huma meħtieġa, imma bħala mezz, mezz biex jgħinu l-qrubija, il-predikazzjoni tal-Vanġelu, imma waħidhom ma għandhom l-ebda skop. It-triq tal-laqgħa, tas-smigħ, tal-qsim mal-oħrajn hi t-triq tal-Knisja. Nikbru flimkien fil-parroċċa, nimxu t-toroq taż-żgħażagħ lejn l-iskola, insieħbu mill-qrib il-vokazzjonijiet, il-familji, il-morda; noħolqu mkejjen ta’ laqgħa fejn nistgħu nitolbu, nirriflettu, nilagħbu, inqattgħu l-ħin b’mod san u nitgħallmu nkunu Nsara tajbin u ċittadini onesti. Din hi pastorali li tnissel, u tagħti nifs ġdid lill-istess qassis, lill-istess reliġjuża.

 

Hemm ħaġa li nixtieq ngħid speċjalment lir-reliġjużi nisa: il-missjoni tagħkom hi kbira, għax il-Knisja hi omm u l-mod ta’ kif hi ssieħeb dejjem għandu jkollu l-aspett matern. Intom ir-reliġjużi nisa, stħajlukom l-ikona tal-Knisja, għax il-Knisja hi mara, għarusa ta’ Kristu, intom ikona tal-Knisja. Stħajlukom ikona tal-Madonna, li hi omm tal-Knisja. Il-maternità tagħkom tagħmel ħafna ġid, ħafna ġid. Darba – din irrakkuntajtha kemm-il darba, ħa ngħidha fil-qosor – kien hemm, fejn kien jaħdem missieri, tant immigranti ta’ wara l-gwerra Spanjola, Komunisti, Soċjalisti… kollha ma jistgħux għall-qassisin. Wieħed minnhom marad, ikkurawh għal tletin jum id-dar, għax kienet tiġi s-soru tikkurah minn marda kerha ħafna, diffiċli ħafna biex tikkuraha. L-ewwel jiem infexx jgħidilha l-kliem baxx kollu li kien jaf, u s-soru, fis-skiet, baqgħet tikkurah. Wara din il-biċċa, dan ir-raġel irrikonċilja ruħu. U darba, hu u ħiereġ mix-xogħol flimkien ma’ xi oħrajn, għaddew żewġ sorijiet u sħabu l-oħra qalu xi kliem baxx, u hu ta daqqa ta’ ponn lil wieħed minnhom u meddu mal-art u qallu: “Ma’ Alla u mal-qassisin ħudha kemm trid, imma l-Madonna u s-sorijiet tmisshomx!”. Intom il-bieb, għax intom ommijiet, u l-Knisja hi omm. Il-ħlewwa ta’ omm, is-sabar ta’ omm… Nitlobkom, teħdux biċ-ċajt il-kariżma tagħkom ta’ nisa u l-kariżma ta’ kkonsagrati. Importanti li tkunu involuti fil-pastorali biex tikxfu l-wiċċ tal-Knisja omm. Importanti li l-isqfijiet isejħulkom fil-kunsilli, fid-diversi kunsilli pastorali, għax dejjem hi importanti l-vuċi tal-mara, il-vuċi tal-ikkonsagrata, hi importanti. U nixtieq nirringrazzja lis-sorijiet kontemplattivi li, bit-talb u bl-għotja sħiħa ta’ ħajjithom, huma l-qalb tal-Knisja omm u jippumpjaw fil-Ġisem ta’ Kristu l-imħabba li tgħaqqad kollox.

 

Niċċelebraw, insieħbu, u issa l-aħħar verb, li fir-realtà hu l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu: nagħtu xhieda. Dan jolqotna lkoll u b’mod partikulari jgħodd għall-ħajja reliġjuża, li minnha nfisha hi xhieda u profezija tal-Mulej fid-dinja. Fl-appartament fejn kien jgħix Don Pino hemm sempliċità ġenwina. Hu s-sinjal elokwenti ta’ ħajja kkonsagrata lill-Mulej, li ma tfittixx faraġ u glorja ta’ din id-dinja. In-nies dan tfittex fil-qassis u fl-ikkonsagrati, tfittex ix-xhieda. In-nies ma tiskandalizzax ruħha meta tara li l-qassis “jiżloq”, hu midneb, jindem u jibqa’ miexi… L-iskandlu tan-nies hu meta jaraw qassisin mondani, bl-ispirtu ta’ din id-dinja. L-iskandlu tan-nies hu meta fil-qassis, flok ragħaj, isibu funzjonarju. U din daħħluha waħda u sew f’moħħkom u f’qalbkom: ragħajja iva, funzjonarji le! Il-ħajja titkellem iżjed mill-kliem. Ix-xhieda tittieħed waħidha. Quddiem Don Pino nitolbu l-grazzja li ngħixu l-Vanġelu bħalu: għad-dawl tax-xemx, mgħaddas qalb niesu, għani biss fl-imħabba ta’ Alla. Nistgħu nagħmlu ħafna diskussjonijiet fuq ir-relazzjonijiet Knisja-dinja u Vanġelu-storja, imma ma jiswew għal xejn jekk il-Vanġelu l-ewwel ma jgħaddix minn ħajjitna. U l-Vanġelu, illum iżjed minn qatt qabel, jitlobna dan: li naqdu fis-sempliċità, fix-xhieda. Dan ifisser li nkunu ministri: mhux niżvolġu funzjonijiet, imma naqdu kollna ferħ, bla ma niddependu mill-ħwejjeġ li jgħaddu u bla ma nintrabtu mal-poteri tad-dinja. Hekk, ħielsa biex nagħtu xhieda, jidher fina li l-Knisja hi sagrament ta’ salvazzjoni, jiġifieri sinjal li juri u strument li joffri s-salvazzjoni lid-dinja.

 

Il-Knisja mhix qiegħda fuq id-dinja – dan hu klerikaliżmu – il-Knisja qiegħda fid-dinja, biex bħal ħmira ttella’ l-għaġna tagħha. Għalhekk, ħuti, mhi permessa ebda għamla ta’ klerikaliżmu. Hu waħda mit-tagħwiġiet l-aktar diffiċli biex inqaċċtu llum, il-klerikaliżmu: m’għandu qatt ikun hemm fikom atteġġjamenti ta’ kburija, arroganza jew prepotenza. Biex inkunu xhieda kredibbli rridu niftakru li qabel ma aħna qassisin, aħna dejjem djakni; qabel ma aħna ministri sagri, aħna aħwa ta’ kulħadd, qaddejja. X’tgħidulu intom lil isqof li jirrakkuntali li xi wħud mill-qassisin tiegħu ma jridux imorru f’raħal tal-qrib biex iqaddsu għal ruħ xi mejtin jekk qabel ma tasalx l-offerta? X’tgħidulu intom lil dak l-isqof? U jeżistu! Ħuti, jeżistu! Nitolbu għal dawn ħutna, funzjonarji. Anki l-karreriżmu u l-familiżmu huma għedewwa li jeħtieġ inkeċċu, għax il-loġika tagħhom hi dik tal-poter, u s-saċerdot mhuwiex bniedem tal-poter, imma tal-qadi. Is-soru mhijiex mara tal-poter, imma tal-qadi. Li nagħtu xhieda, imbagħad, ifisser naħarbu kull ħajja doppja, dik l-ipokrezija, li hi tant marbuta mal-klerikaliżmu; naħarbu kull ħajja doppja, fis-seminarju, fil-ħajja reliġjuża, fis-saċerdozju. Ma nistgħux ngħixu morali doppja: waħda għall-poplu ta’ Alla u oħra d-dar tagħna. Le, ix-xhieda hi waħda biss. Ix-xhud ta’ Ġesù hu tiegħu dejjem. U għal imħabbtu jissielet battalja ta’ kuljum kontra l-vizzji tiegħu u kontra kull mondanità aljenanti.

 

Fl-aħħar nett, ix-xhud hu dak li mingħajr ħafna tidwir tal-kliem, imma bit-tbissima u b’serenità fiduċjuża, jaf jagħmel il-qalb u jfarraġ lill-oħrajn, għax juri b’naturalezza l-preżenza ta’ Ġesù rxoxt u ħaj. Lilkom il-qassisin, ikkonsagrati, seminaristi, jien nawguralkom li tkunu xhieda ta’ tama, bħalma Don Pino qal tant tajjeb darba: “Lil min hu mifxul, ix-xhud tat-tama jurih mhux x’inhi t-tama, imma min hu t-tama. It-tama hu Kristu, u naturalment nuruh permezz ta’ ħajja tassew orjentata lejn Kristu” (Diskors fil-Konvenju tal-Moviment “Preżenza tal-Vanġelu”, 1991). M’għandix kliem.

 

Nirringrazzjakom u nberikkom, u skużawni jekk kont xi ftit qawwi, imma jien nieħu pjaċir nitkellem hekk! Nawguralkom il-ferħ li tiċċelebraw, issieħbu u tagħtu xhieda tad-don kbir li Alla qiegħed fi qlubkom. Grazzi, u itolbu għalija!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard