VELJA TAL-LEJL QADDIS TAL-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Sibt il-Għid, 31 ta’ Marzu 2018

 

Din iċ-ċelebrazzjoni bdejnieha fuq barra, mitlufa qalb id-dalma tal-lejl u fil-kesħa li jġib miegħu. Inħossu t-toqol tas-skiet quddiem il-mewt tal-Mulej, skiet li fih kull wieħed u waħda minna jista’ jsib lilu nnifsu u li jinżel fil-fond tax-xquq tal-qalb tad-dixxiplu li quddiem is-salib jibqa’ bla kliem.

 

Huma s-sigħat tad-dixxiplu bla kliem quddiem it-tbatija li ġġib magħha l-mewt ta’ Ġesù: x’taqbad tgħid quddiem din ir-realtà? Id-dixxiplu li jibqa’ bla kliem u jagħraf ir-reazzjonijiet tiegħu waqt dawk is-sigħat kruċjali tal-ħajja tal-Mulej: quddiem l-inġustizzja li xliet għall-mewt lill-Imgħallem, id-dixxipli siktu; quddiem il-kalunnji u x-xhieda falza li ġarrab l-Imgħallem, id-dixxipli ma lissnux kelma. Tul is-sigħat tqal u ta’ wġigħ il-qalb tal-Passjoni, id-dixxipli daqu b’mod traġiku n-nuqqas ta’ ħila tagħhom li jirriskjaw jew li jitkellmu favur l-Imgħallem; iżjed minn hekk, ċaħduh, marru jinħbew, ħarbu, baqgħu siekta (ara Ġw 18:25-27).

 

Dan hu l-lejl tas-silenzju tad-dixxiplu li jsib ruħu mkaħħal u pparalizzat, bla ma jaf fejn jaqbad jagħti rasu quddiem tant sitwazzjonijiet ta’ tbatija li jgħakksuh u jdawruh. Hu d-dixxiplu tal-lum, fommu sieket quddiem realtà imposta fuqu u li ġġagħlu jħossu u, agħar minn hekk, jemmen li ma jista’ jagħmel xejn biex jegħleb tant inġustizzji li qed jgħixu f’ġisimhom stess bosta minn ħutna.

 

Hu d-dixxiplu mifxul għax mitluf f’rutina qerrieda li ċċaħħdu mill-memorja, issikket it-tama u ddarrieh għall-fatt li “dejjem hekk sar”. Hu d-dixxiplu li jisfa msikket u mdallam u jispiċċa jidra u jqis b’normali l-espressjoni ta’ Kajfa: “Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu” (Ġw 11:50).

 

U qalb is-skiet tagħna, meta nisktu b’mod hekk żbaljat, allura jibda jitkellem il-ġebel (ara Lq 19:40)[i] u jagħmel wisa’ hu lill-ikbar tħabbira li l-istorja qatt setgħet iżżomm fi ħdanha: “Mhuwiex hawn, għaliex qam” (Mt 28:6). Il-ġebla tal-qabar għajtet u bl-għajta tagħha ħabbret lil kulħadd ħajja ġdida. Kien il-ħolqien l-ewwel li għamel eku tat-trijonf tal-Ħajja fuq ir-realtajiet kollha li jippruvaw isikktu u jagħlqu ħalq il-ferħ tal-Vanġelu. Kienet il-ġebla tal-qabar l-ewwel li qabżet u, bil-mod tagħha, intonat għanja ta’ tifħir u ta’ ħeġġa, ta’ ferħ u ta’ tama li fiha lkoll aħna mistiedna nieħdu sehem.

 

U jekk ilbieraħ, man-nisa, ikkontemplajna lil “dak li nifdu” (Ġw 19:37; ara Żak 12:10), illum magħhom aħna msejħin nikkotemplaw il-qabar vojt u nisimgħu kliem l-anġlu: “Tibżgħu xejn intom […] Qam” (Mt 28:5-6). Kliem li jrid jilħaq il-konvinzjonijiet u ċ-ċertezzi l-iżjed qawwija tagħna, il-modi kif niġġudikaw u naffrontaw il-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kuljum; speċjalment il-mod ta’ kif nirrelataw mal-oħrajn. Il-qabar vojt irid jisfida, iċaqlaq, jistaqsi, imma fuq kollox irid jinkuraġġina nemmnu u nafdaw li Alla “ġej” f’kull sitwazzjoni, f’kull persuna, u li d-dawl tiegħu jista’ jasal fl-iktar irkejjen imprevedibbli u magħluqa tal-ħajja. Qam mill-mewt, qam mill-post li ħadd ma kien jistenna xejn minnu, u qed jistenniena – kif stenna lin-nisa – biex jagħtina sehem fl-opra tiegħu tas-salvazzjoni. Dan hu l-fundament u l-qawwa li għandna bħala Nsara biex inqattgħu ħajjitna u l-enerġija tagħna, l-intelliġenza, l-imħabbiet u r-ridiet tagħna nfittxu u speċjalment noħolqu mixjiet dinjitużi. Mhuwiex hawn… Qam! Hi t-tħabbira li twieżen it-tama tagħna u tibdilha f’ġesti konkreti ta’ karità. Kemm għandna bżonn li nħallu d-dgħufija tagħna tiġi midluka minn din l-esperjenza! Kemm għandna bżonn li l-fidi tagħna tiġi mġedda, li l-ixfqa dojoq tagħna jiġu sfidati u mġedda minn din it-tħabbira! Hu qam u miegħu jqajjem it-tama kreattiva tagħna biex nistgħu naffrontaw il-problemi tal-lum, għax nafu li m’aħniex waħidna.

 

Niċċelebraw l-Għid ifisser nemmnu mill-ġdid li Alla jidħol u ma jieqaf qatt jidħol fl-istejjer tagħna, jisfida d-determiniżmi uniformanti u paralizzanti tagħna. Niċċelebraw l-Għid ifisser inħallu lil Ġesù jegħleb dak l-atteġġjament miskin li ħafna drabi jassedjana u jfittex li jidfen kull xorta ta’ tama.

 

Il-ġebla tal-qabar għamlet il-parti tagħha, in-nisa għamlu l-parti tagħhom, issa l-istedina għal darb’oħra qed issir lilkom u lili: stedina biex inkissru d-drawwiet repetittivi, biex inġeddu ħajjitna, l-għażliet tagħna, l-eżistenza tagħna. Stedina li qed issirilna hawn fejn ninsabu, f’dak li nagħmlu u li aħna; bil-“kwota ta’ poter” li għandna. Irridu nieħdu sehem f’din it-tħabbira ta’ ħajja, jew se nibqgħu muti quddiem il-ġrajjiet?

 

Mhuwiex hawn, qam! U qed jistenniek il-Galilija, jistiednek terġa’ lura fiż-żmien u l-post tal-ewwel imħabba, biex jgħidlek: “La tibżax, ejja warajja”.

  

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[i] “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”.