Illum il-Profeta Iżaija u l-Evanġelju jużaw ix-xbieha tal-għalqa tad-dwieli tal-Mulej.  L-għalqa tad-dwieli tal-Mulej hija “l-ħolma tiegħu”, il-proġett li Hu jikkultiva bl-imħabba tiegħu kollha, bħalma bidwi jieħu ħsieb l-għaqla tad-dwieli tiegħu.  Id-dielja hija pjanta li teħtieġ ħafna kura! 

Il-“ħolma” ta’ Alla hija l-poplu tiegħu: Hu ħawlu u jikkultivah b’imħabba paċenzjuża u fidila, biex isir poplu qaddis, poplu li jagħti ħafna frott tajjeb ta’ ġustizzja.

Iżda kemm fil-profezija l-antika u wkoll fil-parabbola ta’ Ġesù, il-ħolma t’Alla tisfa’ sfrattata.  Iżaija jgħid li l-għalqa, tant maħbuba u kkurata, tat “għeneb qares” (5,2.4) filwaqt li Alla kien qed jistenna l-ġustizzja u minflok kien hemm it-tixrid tad-demm, kien qed jistenna r-rettitudni u minflok jinstama’ l-għajat tal-magħkusin (v. 7).  Fl-Evanġelju mbagħad, huma l-bdiewa nfushom li jirvinaw il-proġett tal-Mulej: huma ma jagħmlux xogħolhom, imma jaħsbu biss fl-interessi tagħhom.

Bil-parabbola tiegħu. Ġesù, jindirizza lill-kapijiet tas-saċerdoti u lill-anzjani tal-poplu, jiġifieri “l-għorrief”, lill-klassi tat-tmexxija.  Lilhom b’mod partikolari Alla fdalhom il-“ħolma” tiegħu, jiġifieri l-poplu tiegħu, biex jikkultivawh, jikkurawh, iħarsuh mill-annimali selvaġġi.  Dan hu x-xogħol tal-mexxejja tal-poplu: li jikkultivaw l-għalqa tad-dwieli bil-libertà, bil-kreattività u bil-bżulija.

Imma Ġesù jgħid li dawk il-bdiewa għamlu l-għalqa tagħhom; minħabba r-rgħiba u s-suppervja tagħhom huma jridu jagħmlu minnha dak li jidhrilhom huma u b’hekk lil Alla jneħħulu l-possibiltà li jqiegħed fis-seħħ il-ħolma li għażel għall-poplu tiegħu.

It-tentazzjoni tar-rgħiba hija dejjem preżenti.  Dan insibuh ukoll fil-profezija l-kbira dwar ir-rgħajja, ta’ Eżekjel (kap. 34), li jikkummenta dwarha Santu Wistin f’wieħed mi-Diskorsi ċelebri tiegħu li għadna kif qrajna fil-Liturġija tas-Siegħat.  Rgħiba għall-flus u għall-poter.  U biex jissodisfaw din ir-rgħiba, ir-rgħajja ħżiena jgħabbu piżijiet insopportabbli fuq spallejn in-nies filwaqt li huma mank iċaqalqu subgħajhom (Mt. 23,4).

Anki aħna, fis-Sinodu tal-Isqfijiet, aħna msejħin biex naħdmu għall-għalqa tad-dwieli tal-Mulej.  L-Assembleji Sinodali mhumiex okkażjoni biex niddiskutu ideat sbieħ u oriġinali, jew biex naraw min hu l-aktar inteliġenti…..  Iservu biex nikkultivaw u nħarsu aħjar l-għalqa tal-Mulej, biex nikkoperaw mal-ħolma tiegħu, mal-proġett ta’ mħabba tiegħu għall-poplu tiegħu.  F’dal-każ, il-Mulej qed jitlobna nieħdu ħsieb il-familja, li sa mill-oriġini tagħha tifforma parti integrali mil-pjan ta’ mħabba tiegħu għall-umanità.

Aħna lkoll midinbn u anki aħna jista’ jkollna t-tentazzjoni li l-għalqa nagħmluha tagħna minħabba r-rgħiba li qatt mhi nieqsa fina l-bnedmin.  Il-ħolma t’Alla hija dejjem f’taqbida mal-ipokrisija ta’ xi wħud mill-qaddejja tiegħu.  Aħna nistgħu “niffrustraw” il-ħolma t’Alla jekk ma nħallux lill-Ispirtu s-Santu jmexxina.  L-Ispirtu jtina l-għaqal li jmur ‘l hinn mix-xjenza, biex naħdmu bil-ġenerożità, b’libertà vera u kreattività umli.

Ħuti Padri Sinodali, biex nikkultivaw u nħarsu tajjeb l-għalqa tad-dwieli, jeħtieġ li qlubna u moħħna jkun mħarsa f’Ġesù Kristu «mill-paċi ta’ Alla li tiżboq kull inteliġenza», (Fil 4,7).  B’hekk ħsibijietna u l-proġetti tagħna jkunu jaqblu mal-ħolma t’Alla: biex niffurmaw poplu qaddis li jkun tiegħU u li jipproduċi l-frott tas-Saltna t’Alla (Mt 21,43).

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber