QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 9 ta’ Ġunju 2019

 

Għad-dixxipli, Għid il-Ħamsin wasal wara ħamsin jum ta’ inċertezza. Minn naħa Ġesù kien qam mill-mewt, kollhom ferħ kienu rawh u semgħuh, u kienu wkoll kielu miegħu. Min-naħa l-oħra, kienu għadhom ma għelbux id-dubji u l-biżgħat tagħhom: kienu bil-bibien magħluqa (ara Ġw 20:19,26), bi ftit li xejn perspettivi, mhux kapaċi jxandru lill-Ħaj. Imbagħad jasal l-Ispirtu s-Santu u t-tħassib jgħib fix-xejn: issa l-Appostli m’għadhomx jibżgħu, lanqas quddiem min jiġi biex jarrestahom; l-ewwel kienu moħħhom kif ser isalvaw ġildhom, issa m’għadx għandhom biża’ mill-mewt; qabel kienu msakkra fiċ-Ċenaklu, issa joħorġu jxandru lill-ġnus kollha. Sat-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù kienu qed jistennew Saltna ta’ Alla għalihom (ara Atti 1:6), issa huma bla sabar biex jilħqu konfini mhux magħrufa. Qabel kważi qatt ma kienu fetħu ħalqhom fil-pubbliku u meta għamlu dan spiss qalgħu xi nkwiet, bħal Pietru meta ċaħad lil Ġesù; issa jitkellmu bil-parresia ma’ kulħadd. Il-biċċa tad-dixxipli, li donnha kienet waslet biex tispiċċa, issa tiġi mġedda miż-żgħożija tal-Ispirtu: dawk iż-żgħażagħ, li inċerti kif kienu ħassew li kienu waslu fejn kellhom jaslu, inbidlu minn ferħ li tahom twelid ġdid. L-Ispirtu s-Santu għamel dan. L-Ispirtu mhuwiex, kif forsi jista’ jidher, ħaġa astratta; hu l-Persuna l-iżjed konkreta, l-iżjed qrib, dik li tibdlilna ħajjitna. Kif jagħmel? Ejja nħarsu lejn l-Appostli. L-Ispirtu m’għamlilhomx l-affarijiet iktar faċli, m’għamilx mirakli ta’ barra minn hawn, ma neħħilhomx il-problemi jew lil dawk li jeħduha kontrihom, imma l-Ispirtu ġab fil-ħajja tad-dixxipli armonija li kienet nieqsa, dik tiegħu, għaliex huwa armonija.

 

Armonija fil-bniedem. Ġewwa, fil-qalb tagħhom id-dixxipli kellhom bżonn jinbidlu. L-istorja tagħhom tgħidilna illi mhux biżżejjed li tara lill-Irxoxt, jekk ma tilqgħux fil-qalb tiegħek. Ma jiswa xejn li nkunu nafu li l-Irxoxt hu ħaj jekk ma ngħixux ta’ mqajmin aħna wkoll. U huwa l-Ispirtu li jerġa’ jagħmel li jgħix mill-ġdid Ġesù fina, li jqajjimna minn ġewwa. Għalhekk Ġesù, meta ltaqa’ mad-dixxipli tiegħu, tennielhom: “Il-paċi magħkom!” (Ġw 20:19,21) u tahom l-Ispirtu. Il-paċi ma tfissirx li tirranġa l-problemi ta’ barra – Alla lil dawk li huma tiegħu ma jneħħilhomx it-tiġrib u l-persekuzzjonijiet kollha – imma li tilqa’ lill-Ispirtu s-Santu fik. F’dan tikkonsisti l-paċi, dik il-paċi mogħtija lill-Appostli, dik il-paċi li ma teħlisniex mill-problemi imma fil-problemi, hi offruta lil kull wieħed u waħda minna. Hi paċi li xxebbah il-qlub mal-baħar fond, li hu dejjem trankwill imqar meta fil-wiċċ l-imwieġ huma mħarrkin. Hi armonija hekk qawwija li tista’ tibdel saħansitra l-persekuzzjonijiet f’barkiet. Imma kemm drabi nibqgħu fil-wiċċ! Flok infittxu lill-Ispirtu, nippruvaw nibqgħu ngħumu fil-wiċċ, naħsbu li kollox se jmur aħjar jekk jgħaddi dak il-gwaj, jekk ma narax iżjed lil dik il-persuna, jekk titjieb dik is-sitwazzjoni. Imma hekk inkunu nibqgħu fil-wiċċ: tgħaddi problema u tasal oħra u l-inkwiet jirritorna. M’aħniex ħa nkunu sereni billi nżommu bogħod minn min ma jaħsibhiex bħalna, m’aħniex ħa nkunu fil-paċi billi nsolvu l-gwaj tal-mument. Il-bidla vera hi l-paċi ta’ Ġesù, hi l-armonija tal-Ispirtu.

 

Illum, fl-għaġla li biha jagħfas fuqna ż-żmien tagħna, donnu l-armonija ġiet imwarrba għall-ġenb: miġbuda lejn elf naħa, qed nirriskjaw li niżbroffaw, hekk nervużi kontinwament li nispiċċaw nirreaġixxu ħażin għal kollox. U nfittxu s-soluzzjoni l-aktar mgħaġġla, pillola wara l-oħra biex nibqgħu mexjin, emozzjoni wara l-oħra biex inħossuna ħajjin. Imma fuq kollox u fuq kulħadd għandna bżonn tal-Ispirtu: hu li jpoġġi fl-ordni l-ġenn ta’ ħajjitna. Hu l-paċi fl-inkwiet, fiduċja fil-qtigħ il-qalb, ferħ fin-niket, żgħożija fix-xjuħija, kuraġġ fil-prova. Hu li, qalb il-kurrenti mqallba tal-ħajja, jixħet l-ankra tat-tama. Hu l-Ispirtu li, kif jgħid illum San Pawl, ma jħalliniex inniżżlu għeruqna fil-biża’ imma jġagħalna nħossuna wlied maħbuba (ara Rum 8:15). Hu l-Konsolatur, li jdewwaqna l-ħlewwa ta’ Alla. Mingħajr l-Ispirtu l-ħajja Nisranija tisfa maqsuma f’elf biċċa, sajma mill-imħabba li tgħaqqad kollox. Mingħajr l-Ispirtu, Ġesù jibqa’ persunaġġ tal-imgħoddi, imma bl-Ispirtu hu persuna ħajja llum; mingħajr l-Ispirtu, l-Iskrittura hi ittra mejta, bl-Ispirtu hi Kelma tal-ħajja. Kristjaneżmu mingħajr l-Ispirtu hu moraliżmu bla ferħ; bl-Ispirtu hu ħajja.

 

L-Ispirtu s-Santu ma jġibx biss l-armonija ġewwa, imma anki barra, qalb il-bnedmin. Jagħmilna Knisja, jibni partijiet differenti f’binja waħda ta’ armonija. Dan ifissru tajjeb San Pawl li, meta jitkellem fuq il-Knisja, itenni spiss l-istess kelma, “diversi”: “diversi doni, diversi ministeri, diversi ħidmiet” (1 Kor 12:4-6). Aħna diversi minn xulxin, fil-varjetà tal-kwalitajiet u tad-doni. L-Ispirtu jqassamhom b’fantasija, mhux b’mod uniformi jew omologu. U, ibda minn dawn id-diversitajiet, isawwar l-għaqda. Hekk jagħmel, sa mill-ħolqien, għax hu speċjalista f’li jibdel il-kaos f’kożmu, f’li jagħmel l-armonija. Hu speċjalista f’li joħloq id-diversità, l-għana; kull wieħed b’tiegħu, differenti. Hu l-ħallieq ta’ din id-diversità u, fl-istess waqt, hu dak li jarmonizza, li jagħti l-armonija u jġib l-għaqda fid-diversità. Hu biss jista’ jagħmel dawn iż-żewġ affarijiet.

 

Illum fid-dinja n-nuqqas ta’ armonija ssarraf f’firdiet veri u proprji: hemm min għandu żżejjed u hemm min m’għandu xejn, hemm min jara kif ħa jgħix mitt sena u min bilkemm jista’ jara d-dawl. Fl-era tal-kompjuters inżommu d-distanza: sirna iżjed “social” imma inqas soċjali. Għandna bżonn tal-Ispirtu tal-għaqda, li jerġa’ jnissilna bħala Knisja, bħala Poplu ta’ Alla, u bħala umanità sħiħa. Ħa jnissilna mill-ġdid. Dejjem ħa jkollna t-tentazzjoni li nibnu “bejtiet” għalina: li ninġabru madwar il-grupp tagħna, il-preferenzi tagħna, kull par għal paru, allerġiċi għal kull kontaminazzjoni. U mill-bejta għas-setta l-pass hu qasir, anki fil-Knisja. Kemm drabi niddefinixxu l-identità tagħna kontra xi ħadd jew kontra xi ħaġa! Imma l-Ispirtu s-Santu jiġbor flimkien u jgħaqqad lill-imbegħdin, ireġġa’ lura l-mitlufin. Jgħaqqad tonalitajiet diversi f’armonija waħda, għax qabel kollox jara t-tajjeb, iħares lejn il-bniedem qabel ma jħares lejn l-iżbalji tiegħu, lejn il-persuni qabel l-azzjonijiet tagħhom. L-Ispirtu jsawwar lill-Knisja, isawwar lid-dinja bħala post tal-ulied u ta’ aħwa. Ulied u aħwa: sostantivi li jiġu qabel kull aġġettiv ieħor. Illum saret moda nagħtu l-aġġettivi, b’xorti ħażina anki ngħajru. Nistgħu ngħidu li qed ngħixu f’kultura tal-aġġettiv li tinsa s-sostantiv tal-affarijiet; u anki f’kultura tat-tagħjir, li hu l-ewwel tweġiba għal opinjoni li mhix tiegħi. Imbagħad nintebħu li dan jagħmel ħażin, lil min safa mgħajjar imma anki lil min jgħajjar. Mhix ħajja tajba meta npattu l-ħażen b’ħażen, meta ngħaddu minn vittmi għal qattiela. Imma min jgħix skont l-Ispirtu jġib il-paċi fejn hemm in-nuqqas ta’ ftehim, il-ftehim fejn hemm il-ġlied. Il-bnedmin spiritwali jpattu l-ħażin bit-tajjeb, iwieġbu għall-arroganza bil-ħlewwa, għall-kefrija bit-tjieba, għall-għagħa bis-skiet, għat-tpaċpiċ fil-vojt bit-talb, għax-xettiċiżmu bit-tbissima.

 

Biex inkunu spiritwali, biex niggustaw l-armonija tal-Ispirtu, hemm bżonn inqiegħdu l-ħarsa tiegħu qabel tagħna. Hekk l-affarijiet jinbidlu: bl-Ispirtu l-Knisja hi l-Poplu qaddis ta’ Alla, il-missjoni tarmi l-ferħ, mhux il-proselitiżmu, ħutna l-oħra maħbuba mill-istess Missier. Imma mingħajr l-Ispirtu l-Knisja hi organizzazzjoni, il-missjoni propaganda, il-komunjoni sforz. U tant Knejjes jagħmlu azzjonijiet programmatiċi f’dan is-sens ta’ pjanijiet pastorali, ta’ diskussjonijiet fuq kollox. Donnha dik it-triq li tgħaqqadna, imma din mhijiex it-triq tal-Ispirtu, imma hi t-triq tal-firda. L-Ispirtu hu l-ewwel u l-aħħar bżonn tal-Knisja (ara San Pawlu VI, Udjenza ġenerali, 29 ta’ Novembru 1972). Hu “jiġi fejn hu maħbub, fejn hu mistieden, fejn hu mistenni” (San Bonaventura, Omelija għar-IV Ħadd wara l-Għid). Ħuti, ejjew nitolbuh ta’ kuljum. Spirtu s-Santu, armonija ta’ Alla, int li tibdel il-biża’ f’fiduċja u l-għeluq f’don, ejja fina. Agħtina l-ferħ tal-qawmien, iż-żgħożija dejjiema tal-qalb. Spirtu s-Santu, armonija tagħna, int li tagħmel minna ġisem wieħed, sawwab il-paċi tiegħek fil-Knisja u fid-dinja. Spirtu s-Santu, agħmilna bennejja tal-għaqda, li niżirgħu t-tajjeb, appostli tat-tama.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard