QUDDIESA TA’ BILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

KAPPELLA PAPALI

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

It-Tnejn 24 ta’ Diċembru 2018

 

Ġużeppi, flimkien ma’ martu Marija, tela’ “fil-belt ta’ David jisimha Betlehem” (Lq 2:4). Illejla, anki aħna nitilgħu Betlehem biex hemm niskopru l-misteru tal-Milied.

 

1. Betlehem: l-isem ifisser dar il-ħobż. F’din id-“dar” il-Mulej illum qed jagħti appuntament lill-umanità. Hu jaf li għandna bżonn tal-ikel biex ngħixu. Imma jaf ukoll li l-ikel kollu ta’ din id-dinja ma jista’ qatt jaqta’ l-ġuħ tal-qalb. Fl-Iskrittura, id-dnub oriġinali tal-umanità hu assoċjat proprju ma’ li wieħed jieħu l-ikel: “ħadet mill-frott u kielet”, jgħid il-ktieb tal-Ġenesi (3:6). Ħadet u kielet. Il-bniedem sar rgħib u miklub għall-ġid. Ħafna jfittxu s-sens tal-ħajja f’li jkollhom, f’li jimtlew bil-ġid. L-istorja tal-bnedmin hi mmarkata minn din il-kilba li ma xxabbagħha b’xejn, sal-paradossi ta’ żmienna, meta l-ftit jieklu fil-lussu u l-ħafna ma għandhomx ħobż biex jgħixu.

 

Betlehem hi l-post fejn tinbidel id-direzzjoni tal-istorja. Hemm Alla, fid-dar tal-ħobż, jitwieled f’maxtura. Bħallikieku jrid jgħidilna: Arawni, ġejt bħala ikel tagħkom. Ma jieħu xejn, anzi joffrilna x’nieklu; ma jagħtiniex xi ħaġa, imma lilu nnifsu. F’Betlehem niskopru li Alla mhuwiex xi ħadd li jieħu l-ħajja, imma Dak li jagħtiha. Lill-bniedem, imdorri sa minn għeruqu jieħu f’idejh u jiekol, Ġesù jgħidlu: “Ħudu u kulu. Dan huwa ġismi” (Mt 26:26). Il-ġisem ċkejken tat-Tarbija ta’ Betlehem qed tniedi xempju ta’ ħajja ġdida: tiblax u tikkapparrax, imma aqsam u agħti. Alla jiċċekken biex isir l-ikel tagħna. Jekk nitrejqu bih, Ħobż tal-ħajja, nistgħu nitwieldu mill-ġdid fl-imħabba u nkissru ċ-ċirku vizzjuż tar-regħba u tal-kilba għall-ġid. Minn “dar il-ħobż”, Ġesù jreġġa’ lura lill-bniedem f’daru, biex isir qarib ta’ Alla tiegħu u ħu l-proxxmu tiegħu. Quddiem il-maxtura, nifhmu li dak li jitma’ l-ħajja mhuwiex il-ġid, imma l-imħabba; mhix il-kilba għall-ġid, imma l-karità; mhix l-abbundanza biex noqogħdu niddandnu biha, imma s-sempliċità biex inħarsuha.

 

Il-Mulej jaf li għandna bżonn ta’ kuljum li nieklu. Għalhekk kull jum ta’ ħajtu offra ruħu lilna, mill-maxtura ta’ Betlehem saċ-ċenaklu ta’ Ġerusalemm. U llum mill-ġdid fuq l-altar isir Ħobż maqsum għalina: iħabbat fuq il-bieb tagħna biex jidħol u jiekol magħna (ara Apok 3:20). Fil-Milied nirċievu fuq l-art lil Ġesù, Ħobż tas-Sema: hu ikel li ma jaqta’ qatt, imma jagħtina li ntiegħmu minn issa l-ħajja ta’ dejjem.

 

F’Betlehem niskopru li l-ħajja ta’ Alla tiġri fil-vini tal-umanità. Jekk nilqgħuha, l-istorja tinbidel ibda minn kull wieħed u waħda minna. Għax meta Ġesù jibdel il-qalb, iċ-ċentru tal-ħajja ma jibqax il-jien tiegħi mġewwaħ u egoista, imma jsir Hu, li jitwieled u jgħix għall-imħabba. Imsejħin illejla biex nitilgħu Betlehem, dar il-ħobż, ejjew nistaqsu: liema hu l-ikel tal-ħajja tiegħi, li ma nistax ngħaddi mingħajru? Huwa l-Mulej jew xi ħaġa oħra? Imbagħad, waqt li nidħlu fil-grotta, u nilmħu fil-faqar ħelu tat-Tarbija fwieħa ġdida ta’ ħajja, dik tas-sempliċità, nistaqsu: veru li għandi bżonn ta’ ħafna affarijiet, ta’ riċetti kkumplikati biex ngħix? Jirnexxieli ngħaddi mingħajr tant kontorni superfiċjali, biex nagħżel ħajja iżjed sempliċi? F’Betlehem, quddiem Ġesù, nilmħu nies li mxew, bħal Marija, Ġużeppi u r-ragħajja. Ġesù hu l-Ħobż tal-mixja. Ma jogħġbuhx diġestjonijiet għażżiena, twal u ta’ telqa, imma jitlobna nqumu malajr minn mal-mejda biex naqdu, bħal ħobż maqsum għall-oħrajn. Ejjew nistaqsu lilna nfusna: fil-Milied qed naqsam il-ħobż tiegħi ma’ min hu mċaħħad minnu?

 

2. Wara Betlehem dar il-ħobż, nirriflettu fuq Betlehem belt ta’ David. Hemm David, sa minn tfulitu, kien ragħaj, u hekk ġie magħżul minn Alla, biex ikun ragħaj u mexxej tal-poplu tiegħu. Fil-Milied, fil-belt ta’ David, biex jilqgħu lil Ġesù hemm proprju r-ragħajja. F’dak il-lejl, huma, jgħid il-Vanġelu, “qabadhom biża’ kbir” (Lq 2:9), imma l-anġlu qalilhom: “La tibżgħu xejn” (v. 10). Insibuha kemm-il darba fil-Vanġelu din it-tibżgħux: donnha r-ritornell ta’ Alla li jfittex lill-bniedem. Għax il-bniedem, sa mill-bidu tiegħu, għal darb’oħra minħabba d-dnub, jibża’ minn Alla: “bżajt u staħbejt” (Ġen 3:10), jgħid Adam wara d-dnub. Betlehem hi r-rimedju għall-biża’, għax minkejja l-“lejiet” tal-bniedem, hemm Alla jgħid “iva” għal dejjem: għal dejjem sa jkun Alla magħna. U biex il-preżenza tiegħu ma tqanqalx biża’, isir tarbija ħelwa. La tibżgħux: dan ma jintqalx lil xi nies qaddisin, imma lir-ragħajja, nies sempliċi li f’dak iż-żmien żgur ma kinitx tingħaraf minn kemm kienet edukata jew devota. Bin David jitwieled fost ir-ragħajja biex jgħidilna li ħadd qatt mhu waħdu; għandna Ragħaj li jirbaħ il-biżgħat tagħna u jħobbna lkoll, bla eċċezzjonijiet.

 

Ir-ragħajja ta’ Betlehem jgħidulna wkoll kif għandna mmorru niltaqgħu mal-Mulej. Huma jishru billejl: ma jorqdux, imma jagħmlu dak li Ġesù iżjed minn darba mbagħad talab: ishru (ara Mt 25:13; Mk 13:35; Lq 21:36). Jibqgħu jishru, jistennew imqajma fid-dlam; u “l-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom” (Lq 2:9). Dan jgħodd għalina wkoll. Ħajjitna tista’ tkun stennija, li mqar fid-dlamijiet tal-problemi tafda fil-Mulej u tixxennaq għalih; hekk hi tirċievi d-dawl tiegħu. Inkella pretensjoni, fejn jiswew biss il-forzi u l-mezzi tagħna; imma f’dan il-każ il-qalb tibqa’ magħluqa għad-dawl ta’ Alla. Il-Mulej iħobb iħalli lil min jistennieh u ma nistgħux noqogħdu nistennewh fuq xi sufan, reqdin. Fil-fatt, ir-ragħajja jitħarrku: “marru mela jgħaġġlu”, jgħid it-test (v. 16). Ma jibqgħux weqfin hemm bħal xi ħadd li jħossu wasal u m’għandu bżonn ta’ xejn, imma jmorru, jitilqu l-merħla waħidha, jirriskjaw għal Alla. U wara li jaraw li Ġesù, imqar jekk ma kinux esperti fid-diskors, imorru jħabbruh, hekk li “kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja” (v. 18).

 

Nistennew imqajma, immorru, nirriskjaw, nirrakkontaw il-ġmiel: dawn huma ġesti ta’ mħabba. Ir-Ragħaj it-tajjeb, li fil-Milied jiġi biex jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, fl-Għid jagħmel lil Pietru u, permezz tiegħu lilna lkoll, il-mistoqsija finali: “Tħobbni int?” (Ġw 21:15). Mit-tweġiba jiddependi l-futur tal-merħla. Illejla aħna msejħin inwieġbu, u ngħidulu aħna wkoll: “Inħobbok”. It-tweġiba ta’ kull wieħed u waħda minna hi essenzjali għall-merħla kollha.

 

“Ejjew immorru Betlehem” (Lq 2:15): hekk qalu u għamlu r-ragħajja. Aħna wkoll, Mulej, nixtiequ niġu Betlehem. It-triq, anki llum, hi għat-telgħa: jeħtieġ negħlbu l-quċċata tal-egoiżmu, ma rridux niżolqu fil-ħondoq tal-mondanità u tal-konsumiżmu. Irrid nasal Betlehem, Mulej, għax huwa hemm li int qed tistennieni. U nintebaħ li int, imqiegħed f’maxtura, int il-ħobż tal-ħajja tiegħi. Għandi bżonn tal-fwieħa ħelwa ta’ mħabbtek biex inkun, jien ukoll, ħobż maqsum għad-dinja. Erfagħni fuq spallejk, Ragħaj tajjeb: maħbub minnek, inkun nista’ jien ukoll inħobb u naqbad f’idejn ħuti. U hekk ikun tassew il-Milied, meta nkun nista’ ngħidlek: “Mulej, int taf kollox, int taf li nħobbok” (ara Ġw 21:17).

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard