QUDDIESA GĦALL-MIGRANTI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Altar tal-Katedra, Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju 2018

 

“Intom li tikkalpestaw l-imsejken, intom li ttemmu l-foqra tal-pajjiż […]. Ara, għad jiġi żmien meta nibgħat il-ġuħ fl-art […] għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej” (Għam 8:4,11).

 

It-twissija tal-Profeta Għamos għadha tgħodd bl-istess qawwa llum. Kemm foqra llum qed jiġu mżebilħa! Kemm ċkejknin imxejna! Kollha huma vittmi ta’ dik il-kultura tal-iskart li kemm-il darba ġiet ikkundannata. U fost dawn ma nistax ma ninkludix l-immigranti u r-refuġjati, li jibqgħu jħabbtu fuq il-bibien tan-Nazzjonijiet li jgawdu minn ġid ikbar.

 

Ħames snin ilu, fiż-żjara tiegħi f’Lampedusa, jiena u nfakkar il-vittmi tan-nawfraġji, għamilt minn leħni eku tas-sejħa kontinwa għar-responsabbiltà umana: “‘Fejn hu ħuk? Il-karba ta’ demmu tasal għandi”, jgħid Alla. Din mhix mistoqsija li qed issir lill-oħrajn, hi mistoqsija li ssir lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna” (Insegnamenti 1, [2013], vol. 2, 23). Imma t-tweġibiet għal din is-sejħa, anki jekk ġenerużi, ma kinux biżżejjed, u llum sibna ruħna nibku eluf ta’ mejta.

 

It-tħabbira tal-Vanġelu tal-lum fiha s-sejħa ta’ Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Il-Mulej iwiegħed serħan u ħelsien lill-maħqurin kollha tad-dinja, imma għandu bżonn tagħna biex il-wegħda tiegħu jagħmilha effikaċi. Għandu bżonn ta’ għajnejna biex jara l-ħtiġijiet ta’ ħutna. Għandu bżonn ta’ dirgħajna biex jgħinhom. Għandu bżonn ta’ leħinna biex jikkundanna l-inġustizzji li jsiru fis-skiet – xi kultant kompliċi – ta’ bosta. Fil-fatt, messni nitkellem fuq ħafna xejriet ta’ skiet: is-skiet tas-sens komun, is-skiet ta’ “dejjem hekk sar”, is-skiet tal-“aħna” dejjem kontra l-“intom”. Fuq kollox, il-Mulej għandu bżonn tal-qalb tagħna biex juri l-imħabba ħanina ta’ Alla lejn dawk li huma fl-aħħar post, mormijin, imwarrbin, emarġinati.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, Mattew jirrakkonta l-aktar ġurnata importanti ta’ ħajtu, dik li fiha sejjaħlu l-Mulej. L-Evanġelista jfakkar b’mod ċar iċ-ċanfira ta’ Ġesù lill-Fariżej, li ma kinux isibuha bi tqilha biex joqogħdu jbarqmu minn taħt: “Morru tgħallmu x’jiġifieri, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’” (9:13). Hi akkuża diretta kontra l-ipokrezija sterili ta’ min ma jridx “iħammeġ idejh”, bħall-qassis u l-Levita tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Hi tentazzjoni li hi preżenti qatigħ anki fi żminijietna, li tinbidel f’għeluq fil-konfront ta’ dawk li, bħalna, għandhom dritt għaċ-ċertezza u għall-kundizzjoni ta’ ħajja dinjituża, u li tibni ħitan, veri jew mistħajla, flok pontijiet.

 

Quddiem l-isfidi migratorji tal-lum, l-unika tweġiba bis-sens hi dik tas-solidarjetà u tal-ħniena; tweġiba li ma toqgħodx tagħmel wisq kalkoli, imma titlob qsim indaqs tar-responsabbiltajiet, valutazzjoni onesta u sinċiera tal-alternattivi, u mod prudenti ta’ kif wieħed jimxi. Politika ġusta hi dik li tkun għas-servizz tal-persuna, tal-persuni kollha interessati; li tipprevedi soluzzjonijiet adatti biex tiggarantixxi s-sigurtà, ir-rispett tad-drittijiet u tad-dinjità ta’ kulħadd; li taf tħares lejn il-ġid tal-pajjiż waqt li żżomm quddiem għajnejha dak tal-pajjiżi l-oħra, f’dinja li dejjem qed iżżid ir-rabtiet fi ħdanha. Hu lejn din id-dinja li jħarsu ż-żgħażagħ.

 

Is-Salmista wriena liema għandu jkun l-atteġġjament ġust fil-kuxjenza tagħna quddiem Alla: “Jiena għażilt it-triq tas-sewwa; ħtart għalija d-digrieti tiegħek” (Salm 119:30). Impenn ta’ fedeltà u ta’ ġudizzju rett li nawguraw li jkollna flimkien quddiem il-mexxejja tal-art u l-persuni ta’ rieda tajba. Għalhekk insegwu b’attenzjoni l-ħidma tal-komunità internazzjonali biex twieġeb għall-isfidi li jqegħdulna quddiemna l-migrazzjonijiet ta’ żmienna, u b’għerf ninsġu f’armonija solidarjetà u sussidjarjetà u nidentifikaw riżorsi u responsabbiltajiet.

 

Nixtieq nagħlaq b’kelmtejn bl-Ispanjol, li nindirizza partikularment lill-fidili li ġew minn Spanja.

 

Quise celebrar el quinto aniversario de mi visita a Lampedusa con ustedes, quienes representan los socorristas y los rescatados en el Mar Mediterráneo. A los primeros quiero expresar mi agradecimiento por encarnar hoy la parábola del Buen Samaritano, quien se detuvo a salvar la vida del pobre hombre golpeado por los bandidos, sin preguntarle cuál era, su procedencia, sus razones de viaje o sus documentos…: simplemente decidió de hacerse cargo y de salvar su vida. A los rescatados quiero reiterar mi solidaridad y aliento, ya que conozco bien las tragedias de las que se están escapando. Les pido que sigan siendo testigos de la esperanza en un mundo cada día más preocupado de su presente, con muy poca visión de futuro y reacio a compartir, y que con su respeto por la cultura y las leyes del país que los acoge, elaboren conjuntamente el camino de la integración.

 

Nitlob lill-Ispirtu s-Santu jdawwal l-imħuħ tagħna u jkebbes lil qlubna biex negħlbu l-biżgħat kollha u t-tħassib kollu u ninbidlu f’għodda doċli tal-imħabba ħanina tal-Missier, lesti li nagħtu ħajjitna għal ħutna, kif għamel Sidna Ġesù Kristu għal kull wieħed u waħda minna.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard