FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA U MAGĦMUDIJA TA’ XI TRABI

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Kappella Sistina

Il-Ħadd 13 ta’ Jannar 2019

 

Fil-bidu taċ-ċerimonja, saritilkom il-mistoqsija: “X’qed titolbu għal uliedkom?”. U lkoll għidtu: “Il-fidi”. Intom qed titolbu mill-Knisja l-fidi għal uliedkom, u llum huma se jirċievu l-Ispirtu s-Santu, u d-don tal-fidi kull wieħed u waħda fil-qalb tiegħu, fir-ruħ tiegħu. Imma din il-fidi mbagħad trid tiżviluppa, trid tikber. Iva, hemm min forsi jgħidli: “Iva, iva, iridu jistudjawha…”. Iva, meta jmorru għall-katekiżmu se jistudjawha tajjeb il-fidi, jitgħallmu d-duttrina. Imma qabel ma tiġi studjata, il-fidi tiġi mgħoddija, u din hi ħidma li tmiss lilkom. Hi ħidma li llum intom qed tirċievu: li tgħaddu l-fidi, it-trasmissjoni tal-fidi. U dan tagħmluh id-dar. Għax il-fidi dejjem tiġi mgħoddija “bid-djalett”: id-djalett tal-familja, id-djalett tad-dar, fil-klima tad-dar.

 

Dan hu xogħolkom: tgħaddu l-fidi bl-eżempju, bil-kliem, billi tgħallmuhom iroddu s-Salib. Dan hu importanti. “Agħmel is-sinjal tas-Salib”: u jagħmlu xi ħaġa hekk, li ħadd ma jifhem x’inhi. L-ewwel nett, għallmuhom dan.

 

Imma l-importanti hu li tgħaddu l-fidi bil-ħajja tal-fidi tagħkom: ħa jaraw l-imħabba tal-miżżewġin, ħa jaraw il-paċi fid-dar, ħa jaraw li Ġesù jinsab hemm. U ppermettuli parir – skużawni, imma nixtieq nagħtikom dan il-parir –: qatt titlewmu quddiem it-tfal, qatt. Ħaġa normali li l-miżżewġin jitlewmu bejniethom, normali. Tkun ħaġa stramba kieku kien bil-kontra. Ħa titlewmu, imma tħalluhomx jisimgħukom jew jarawkom. Intom ma tafux kemm iweġġa’ tifel meta jara lill-ġenituri tiegħu jitlewmu. Ippermettuli dan il-parir biex ngħinkom tgħaddu l-fidi. Ħaġa kerha titlewwem? Mhux dejjem, għax hu normali, hu normali. Imma tħallux it-tfal jaraw, jisimgħu, għax ibatu.

 

U issa nkomplu biċ-ċerimonja tal-Magħmudija, imma żommu dan f’moħħkom: xogħolkom hu li tgħaddulhom il-fidi. Tgħadduha d-dar, għax hemm nitgħallmuha l-fidi; imbagħad nistudjawha fil-katekiżmu, imma d-dar [nirċievu] l-fidi.

 

U qabel ma nkomplu rrid ngħidilkom ħaġa oħra: intom tafu li t-tfal illum qed iħossuhom f’ambjent stramb għalihom: forsi wisq sħun, għax mgħottijin… U jħossu l-arja mgħallka… Imbagħad jibku għax bil-ġuħ, għandhom il-ġuħ. U t-tielet raġuni għax qed jibku hi l-“biki preventiv”. Ħaġa stramba: ma jafux x’ħa jiġri, u jaħsbu: “Jien l-ewwel nibki, u mbagħad naraw…”. Hi difiża. Ħa ngħidilkom: aħjar joqogħdu komdi. Attenti biex ma tgħattuhomx iżżejjed. U jekk qed jibku għax bil-ġuħ, reddgħuhom. Lill-ommijiet ngħidilhom: Reddgħu lit-trabi tagħkom, tinkwetawx, il-Mulej hekk irid. Għax tafu fejn hu l-periklu? Li huma għandhom ukoll vokazzjoni polifonika: jibda jibki wieħed, u l-ieħor jagħmillu l-kontrapont, u mbagħad l-ieħor, u fl-aħħar ikollna kor ta’ biki!

 

Mela nkomplu b’din iċ-ċerimonja, fil-kwiet, bl-għarfien li lilkom tmiss it-trasmissjoni tal-fidi.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard