KAPPELLA PAPALI GĦALL-INSEDJAMENT

TA’ L-ISQOF TA’ RUMA FUQ IL-CATHEDRA ROMANA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Ġwann Lateran

Ħadd l-Ottava ta’ l-Għid jew tal-Ħniena Divina, 7 ta’ April 2013

 

Qed niċċelebra bil-ferħ għall-ewwel darba l-Quddiesa f’din il-Bażilika tal-Lateran, il-Katidral ta’ l-Isqof ta’ Ruma.  Insellmilkom ilkoll bi mħabba kbira: il-wisq għażiż Kardinal Vigarju, l-Isqfijiet Awżiljarji, il-Presbiterju djoċesan, id-Djakni, ir-Reliġjużi rġiel u nisa, u l-fidili lajċi kollha.  Nibgħat ukoll it-tislijiet tiegħi lis-Sur Sindku u lil martu u lill-Awtoritajiet kollha.  Nimxu flimkien fid-dawl tal-Mulej Rxoxt.

       

1. Qed niċċelebraw il-lum it-Tieni Ħadd ta’ l-Għid, magħruf ukoll bħala “tal-Ħniena Divina”.  Kemm hi sabiħa għal ħajjitna din ir-realtà tal-fidi: il-ħniena ta’ Alla!  Din li Alla għandu għalina hi mħabba hekk kbira, hekk profonda, imħabba li ma tonqos qatt, taqbdilna dejjem idejna u tweżinna, tqajjimna, tmexxina.

 

2. Fil-Vanġelu tal-lum, l-Appostlu Tumas jagħmel esperjenza sewwa sew tal-ħniena ta’ Alla, li għandha wiċċ konkret, dak ta’ Ġesù, ta’ Ġesù Rxoxt.  Tumas ma jafdax f’dak li jgħidulu l-Appostli l-oħra: “Rajna l-Mulej”; m’hix biżżejjed għalih il-wegħda ta’ Ġesù, li kien ħabbar: fit-tielet jum inqum.  Irid jara b’għajnejh, irid iqiegħed idu fuq is-sinjal ta’ l-imsiemer u fil-kustat.  U kif jirreaġixxi Ġesù?  Il-paċenzja: Ġesù, lil dan Tumas ta’ rasu iebsa, ma jabbandunahx fin-nuqqas ta’ fidi tiegħu; jagħtih ġimgħa żmien, ma jagħlaqlux il-bieb, jistenna.  U Tumas jagħraf il-faqar tiegħu nnifsu, il-fidi ċkejkna tiegħu.  “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”: b’din l-invokazzjoni sempliċi imma mimlija fidi huwa jwieġeb għall-paċenzja ta’ Ġesù.  Iħalli l-ħniena divina ddawru magħha, jilmaħha quddiemu, fil-ġrieħi ta’ l-idejn u tar-riġlejn, fil-kustat miftuħ, u jerġa’ jsib il-fiduċja: hu bniedem ġdid, mhux iżjed wieħed li ma jemminx, imma mimli bil-fidi.

 

U niftakru wkoll f’Pietru: għal tliet darbiet jiċħad lil Ġesù sewwa sew meta messu kien l-iżjed qrib tiegħu; u meta jmiss il-qiegħ, jiltaqa’ mal-ħarsa ta’ Ġesù li, bil-paċenzja kollha, mingħajr ma jlissen kelma, jgħidlu: “Pietru, la tibżax mid-dgħufija tiegħek, afda fija”; u Pietru jifhem, iħoss fuqu l-ħarsa ta’ mħabba ta’ Ġesù, u jibki.  Kemm hi sabiħa din il-ħarsa ta’ Ġesù – kemm ħlewwa hemm fiha!  Ħuti, ejjew ma nitilfu qatt il-fiduċja fil-ħniena paċenzjuża ta’ Alla!

 

Naħsbu fiż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws: wiċċhom kollu diqa, mexjin fil-vojt, mingħajr tama.  Imma Ġesù ma jitlaqhomx waħidhom: jimxi t-triq magħhom, u mhux biss!  Bil-paċenzja kollha jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-Iskrittura u jieqaf biex jaqsam l-ikla magħhom.  Dan hu l-istil ta’ Alla: ma jitlifx is-sabar magħna, aħna li spiss irridu kollox u malajr, anki mal-persuni l-oħra.  Alla hu paċenzjuż magħna għax iħobbna, u min iħobb, jifhem, jittama, ipoġġi fiduċja, ma jabbandunax, ma jkissirx il-pontijiet, jaf jaħfer.  Ejjew niftakruh dan fil-ħajja tagħna ta’ Nsara: Alla jistenniena dejjem, anki meta nkunu tbegħidna!  Hu qatt m’hu mbiegħed, u jekk nerġgħu lura għandU, hu lest biex jgħannaqna miegħu.

 

Lili dejjem tolqotni ħafna meta naqra mill-ġdid il-parabbola tal-Missier ħanin, tolqotni għax timlieni dejjem b’tama kbira.  Aħsbu ftit f’dak l-iben iż-żgħir li kien fid-dar tal-Missier, kien maħbub; madankollu, hu jrid is-sehem tiegħu mill-wirt; jitlaq ’il bogħod, jonfoq kollox, jinżel għal-livell l-iżjed baxx, l-iżjed imbiegħed mill-Missier; u meta jkun mess il-qiegħ, iħoss in-nostalġija ta’ l-imħabba li kellu fid-dar tal-Missier u għalhekk jerġa’ lura.  U l-Missier?  Kien insieh lil ibnu?  Le, qatt.  Jinsab hemm, jilmħu ġej mill-bogħod, kien qed jistennih kuljum, f’kull waqt: dejjem kien f’qalbu bħala iben, anki jekk kien telqu, anki jekk kien berbaq il-ġid tal-wirt kollu, jiġifieri l-istess libertà tiegħu; il-Missier, bil-paċenzja u l-imħabba, bit-tama u l-ħniena, qatt ma kien waqaf jaħseb fih, lanqas għal waqt wieħed biss, u malli jilmħu ġej, meta kien għadu fil-bogħod, jiġri għal fuqu u jgħannqu miegħu bil-ħlewwa, il-ħlewwa ta’ Alla, mingħajr kelma waħda ta’ ċanfir: ġie lura!  U dak hu l-ferħ tal-missier.  F’dik it-tgħanniqa lil ibnu hemm dan il-ferħ kollu: ġie lura!  Alla dejjem qed jistenniena, ma jegħjiex.  Ġesù juri magħna din il-paċenzja kollha ħniena ta’ Alla biex hekk nistgħu niksbu lura l-fiduċja, it-tama, dejjem!  Teologu kbir Ġermaniż, Romano Guardini, kien jgħid li Alla jwieġeb għad-dgħufija tagħna bil-paċenzja tiegħu u din hi r-raġuni għall-fiduċja tagħna, għat-tama li għandu jkollna (ara Glaubenserkenntnis, Würzburg 1949, p. 28).  Hu bħal djalogu bejn id-dgħufija tagħna u l-paċenzja ta’ Alla, hu djalogu li jekk nagħmluh, jagħtina t-tama.

 

3. Nixtieq nieqaf fuq element ieħor: il-paċenzja ta’ Alla trid issib fina l-kuraġġ li nerġgħu lura għandU, hu x’inhu l-iżball, hu x’inhu d-dnub li hemm f’ħajjitna.  Ġesù jistieden lil Tumas biex iqiegħed idu fuq il-pjagi ta’ jdejh u ta’ riġlejh u fuq il-ġerħa tal-kustat.  Anki aħna nistgħu nidħlu fil-pjagi ta’ Ġesù, nistgħu mmissuh tassew; u dan iseħħ kull darba li bil-fidi nirċievu s-Sagramenti.  San Bernard, f’Omelija sabiħa tiegħu, jgħidu: “Minn dawn il-pjagi [ta’ Ġesù] jien nixrob għasel mill-blat u żejt mill-blat samm (ara Dewt 32:12), jiġifieri nipprova u nara kemm hu tajjeb il-Mulej” (Fuq l-Għanja ta’ l-Għanjiet 61, 4).  Hu sewwa sew fil-ġrieħi ta’ Ġesù li aħna nħossuna fiż-żgur, hemm tidher l-imħabba immensa ta’ qalbu.  Tumas kien fehmu dan.  San Bernard jistaqsi: Imma fuq xiex nista’ nserraħ?  Fuq il-merti tiegħi?  Imma “il-ħniena tal-Mulej hi mela mertu tiegħi: ma jonqosni qatt il-mertu sakemm hu ma jonqosx mill-ħniena.  Daqskemm hi kbira t-tjieba tal-Mulej, daqshekk huma kbar il-merti tiegħi” (Ibid, 5).  Dan hu importanti: il-kuraġġ li nafda ruħi f’idejn il-ħniena ta’ Ġesù, li nafda fil-paċenzja tiegħu, li dejjem insib kenn fil-ġrieħi ta’ mħabbtu.  San Bernard jasal biex jistqarr: “U x’jiġri jekk jien naf li mimli dnubiet?  ‘Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja’ (Rum 5:20)” (Ibid).  Forsi xi ħadd minna jista’ jaħseb: id-dnub tiegħi hu wisq kbir, jien tbegħidt minn Alla daqs l-iben iż-żgħir tal-parabbola, in-nuqqas ta’ fidi tiegħi hu bħal dak ta’ Tumas; m’għandix il-qalb nerġa’ lura, m’għandix il-kuraġġ naħseb li Alla jista’ jilqagħni lura u li qed jistenna propju lili.  Imma Alla propju lilek qed jistenna, jitolbok biss il-kuraġġ li terġa’ lura għandU.  Kemm drabi fil-ministeru pastorali tiegħi smajt min itenni dawn il-kelmiet: “Dun, għandi ħafna dnubiet”; u l-istedina li dejjem għamilt hi: “Tibżax, mur għandU, qed jistennik, jieħu ħsieb kollox Hu”.  Kemm proposti nisimgħu mid-dinja ta’ madwarna, imma ejjew inħallu l-proposta ta’ Alla tħaddanna, għax tiegħu hi żegħila ta’ mħabba.  Għal Alla aħna m’aħniex numri, aħna importanti, anzi aħna l-iżjed ħaġa importanti li għandU; anki jekk midinbin, aħna l-iżjed ħaġa li għandu għal qalbu.

 

Adam, wara d-dnub, iħoss il-mistħija, iħossu għarwien, iħoss il-piż ta’ dak li għamel; imma Alla xorta ma jitilqux għal riħu: jekk f’dak il-waqt, bid-dnub, jibda l-eżilju minn Alla, dà hemm il-wegħda tat-triq lura lejH, il-possibbiltà li nerġgħu lura għandU.  Alla mill-ewwel jistaqsi: “Adam, fejn int?”, ifittxu.  Ġesù sar għeri għalina, refa’ fuqu l-mistħija ta’ Adam, l-għera tad-dnub tiegħu, biex jaħsel id-dnub tagħna: bil-ġrieħi tiegħu aħna sibna l-fejqan tagħna.  Ftakru x’qal San Pawl: Biex niftaħar jekk mhux bid-dgħufija tiegħi, bil-faqar tiegħi?  Huwa propju meta nħoss id-dnub tiegħi, meta nara d-dnub tiegħi, li jien nista’ nara u niltaqa’ mal-ħniena ta’ Alla, l-imħabba tiegħu u mmur għandU biex nirċievi l-maħfra.

 

Fil-ħajja personali tiegħi tant drabi rajt il-wiċċ ħanin ta’ Alla, il-paċenzja tiegħu; rajt ukoll f’tant persuni l-kuraġġ li jidħlu fil-pjagi ta’ Ġesù u jgħidulu: Mulej, jiena hawn, ilqa’ l-faqar tiegħi, aħbi fil-pjagi tiegħek id-dnub tiegħi, aħslu bid-demm tiegħek.  U dejjem rajt li Alla hekk għamel, laqa’ għandu, farraġ, ħasel, ħabb.

 

Għeżież ħuti, inħallu l-ħniena ta’ Alla tkebbibna fiha; nafdaw fil-paċenzja tiegħu li dejjem tagħtina ż-żmien; ħa jkollna l-kuraġġ li nerġgħu lura fid-dar tiegħu, li ngħixu fil-ġrieħi ta’ mħabbtu, li nħalluh iħobbna, li niltaqgħu mal-ħniena tiegħu fis-Sagramenti.  Hekk inħossu l-ħlewwa tiegħu, hekk sabiħa, inħossu magħna t-tgħanniqa tiegħu u nkunu aħna wkoll kapaċi nħennu, nistabru, naħfru u nħobbu.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard