QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ CORPUS DOMINI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika ta’ San Ġwann Lateran

Il-Ħamis 30 ta’ Mejju 2013

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna hemm espressjoni ta’ Ġesù li dejjem tolqotni: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9:13).  Nitlaq minn din il-frażi biex inħalli jdawluni tliet kelmiet: sequela, komunjoni, kondiviżjoni.

 

1. Qabel xejn: Min huma dawn li rridu nagħtuhom x’jieklu?  It-tweġiba nsibuha fil-ftuħ tas-silta mill-Vanġelu: hi l-folla, il-kotra tan-nies.  Ġesù jinsab qalb in-nies, jilqagħhom, jitkellem magħhom, jieħu ħsiebhom, jurihom il-ħniena ta’ Alla; minn fosthom jagħżel lit-Tnax-il Appostlu biex jibqgħu miegħU u bħalu jintefgħu qalb is-sitwazzjonijiet konkreti tad-dinja.  U n-nies timxi warajh, tisimgħu, għax Ġesù jitkellem u jġib ruħu b’mod ġdid, bl-awtorità ta’ min hu awtentiku u koerenti, ta’ min jitkellem u jaġixxi bil-verità, ta’ min jagħti t-tama li tiġi minn Alla, ta’ min hu rivelazzjoni tal-Wiċċ ta’ Alla li hu mħabba.  U n-nies, bil-ferħ kollu, tbierek lill-Mulej.

 

Il-lejla l-folla tal-Vanġelu hi aħna, għax aħna wkoll qed infittxu li nimxu wara Ġesù biex nisimgħuh, biex nidħlu f’komunjoni miegħU fl-Ewkaristija, biex inseħbuh u biex hu jseħibna.  Nistaqsu lilna nfusna: Kif qed nimxi wara Ġesù?  Ġesù jitkellem fis-skiet tal-Misteru ta’ l-Ewkaristija u kull darba jfakkarna illi li nimxu warajh ifisser li noħorġu minna nfusna u nagħmlu minn ħajjitna mhux oġġett li naħtfu taħt idejna, imma don lilU u lill-oħrajn.

 

2. Immiddu pass ieħor ’il quddiem: Mnejn tinbet l-istedina li Ġesù jagħmel lid-dixxipli biex huma stess jitimgħu lill-ġmiegħi?  Ġejja minn żewġ elementi: qabel xejn mill-folla li, meta timxi wara Ġesù, issib ruħha fil-beraħ, imbiegħda mill-postijiet mgħammra min-nies, waqt li qed jidlam, u mbagħad mit-tħassib tad-dixxipli li jitolbu lil Ġesù biex jibgħat lill-folla fl-irħula tal-qrib biex issib fejn tiekol u torqod (ara Lq 9:12).  Quddiem il-bżonn tal-folla, din hi s-soluzzjoni tad-dixxipli: kulħadd jaħseb għalih innifsu; ikeċċi lill-folla!  Kull wieħed jaħseb għalih innifsu; ikeċċi lill-folla!  Kemm drabi aħna l-Insara ninħakmu minn din it-tentazzjoni!  Ma nħossuniex responsabbli tal-ħtiġijiet ta’ l-oħrajn, u nkeċċuhom b’xi kumment twajjeb bħal “Il-Mulej jgħinek”, jew b’kumment mhux tant twajjeb bħal “Ix-xorti t-tajba”, u jekk ma narakx iżjed…  Imma s-soluzzjoni ta’ Ġesù tfittex direzzjoni oħra, direzzjoni li tħalli lid-dixxipli mbellha: “Agħtuhom intom x’jieklu”.  Imma kif jista’ jkun li aħna nagħtu x’jieklu lil daqstant nies?  “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għall-inqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha” (Lq 9:13).  Imma Ġesù ma jħallix minn jaqtagħlu qalbu: jitlob lid-dixxipli biex iqiegħdu bil-qiegħda lin-nies fi gruppi ta’ ħamsin persuna, jgħolli għajnejh lejn is-sema, jagħmel talba ta’ barka, jaqsam il-ħobż u jagħtih lid-dixxipli biex iqassmuh (ara Lq 9:16).  Hu mument ta’ komunjoni profonda: wara li qatgħet l-għatx bil-kelma tal-Mulej, il-folla issa taqta’ l-ġuħ bil-ħobż tiegħu tal-ħajja.  U kulħadd kiel u xaba’, iniżżel l-Evanġelista (ara Lq 9:17).

 

Il-lejla, anki aħna ninsabu miġbura madwar il-mejda tal-Mulej, madwar il-mejda tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku, fejn Hu jagħtina mill-ġdid Ġismu, jagħmel preżenti s-sagrifiċċju waħdieni tas-Salib.  U meta nisimgħu l-Kelma tiegħu, meta nitmantnew bil-Ġisem u d-Demm tiegħu, Hu jgħaddina mill-istat ta’ ġmiegħi għal dak ta’ komunità, mill-anonimat għall-komunjoni.  L-Ewkaristija hi s-Sagrament tal-komunjoni, li jaqlagħna mill-individwaliżmu biex flimkien ngħixu s-sequela, il-fidi fiH.  Għalhekk jeħtieġ nistaqsu lkoll lilna nfusna quddiem il-Mulej: Kif qed ngħixha jiena l-Ewkaristija?  Ngħixha b’mod anonimu jew bħala mument ta’ vera komunjoni mal-Mulej, imma wkoll ma’ l-aħwa kollha li jaqsmu f’din l-istess mejda?  Kif qed ikunu ċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi tagħna?

 

3. L-aħħar punt: Minn fejn jiġi t-tkattir tal-ħobż?  It-tweġiba qiegħda fl-istedina ta’ Ġesù lid-dixxipli: “Agħtuhom intom…”, “tagħti”, taqsam ma’.  X’jaqsmu d-dixxipli?  Dak il-ftit li għandhom: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.  Imma huma propju dawk il-ħobżiet u dawk il-ħutiet li f’idejn il-Mulej jaqtgħu l-ġuħ tal-ġemgħa kollha.  U huma propju d-dixxipli mifxula quddiem l-inkapaċità tal-mezzi tagħhom, quddiem il-faqar ta’ dak li jistgħu joffru, li jakkomodaw lin-nies u li jqassmu – għax jafdaw fil-kelma ta’ Ġesù – il-ħobżiet u l-ħutiet li jxebbgħu lill-folla.  U dan jurina li fil-Knisja, imma anki fis-soċjetà, kelma muftieħ li ma rridux nibżgħu minnha hi “solidarjetà”, jiifieri li nagħrfu nqiegħdu dak li għandna, il-kapaċitajiet ċkejknin tagħna, għad-dispożizzjoni ta’ Alla, għax hu biss fil-qsim ma’ l-oħrajn, fl-għotja, li ħajjitna toktor u tagħti l-frott.  Solidarjetà: kelma li tidher f’dawl ikrah f’għajnejn l-ispirtu tad-dinja!

 

Il-lejla, għal darb’oħra, il-Mulej iqassmilna l-ħobż li hu Ġismu, Hu jingħata bħala don lilna.  U anki aħna nħossu din is-“solidarjetà ta’ Alla” mal-bniedem, solidarjetà li ma tispiċċa qatt, solidarjetà li ma tiqafx tgħaġġibna: Alla jersaq qrib tagħna, fis-sagrifiċċju tas-Salib jitbaxxa biex jidħol fid-dlam tal-mewt ħalli jagħtina l-ħajja tiegħu, li tirbaħ il-ħażen, l-egoiżmu u l-mewt.  Ġesù anki l-lejla jingħata għalina fl-Ewkaristija, jaqsam fl-istess mixja tagħna, anzi, isir ikel, l-ikel tassew li jmantni l-ħajja tagħna anki fil-mumenti fejn it-triq issir iktar iebsa, dik tas-servizz, tal-kondiviżjoni, ta’ l-għotja, u dak il-ftit li għandna, dak il-ftit li aħna, jekk naqsmuh, isir għana, għax il-qawwa ta’ Alla, li hi dik ta’ l-imħabba, tinżel fil-faqar tagħna biex tibdlu.

 

Mela l-lejla ejjew nistaqsu lilna nfusna, aħna u nqimu lil Kristu preżenti realment fl-Ewkaristija: Qed inħalliH jibdilni?  Lill-Mulej li jingħata għalija, qed inħallih imexxini biex noħroġ dejjem iżjed minn wara l-ħajt tiegħi, biex noħroġ u ma nibżax ningħata, naqsam, inħobb lilU u lill-oħrajn?

 

Ħuti: sequela, komunjoni, kondiviżjoni.  Nitolbu biex is-sehem tagħna fl-Ewkaristija jservi dejjem biex iqanqalna: biex nimxu wara l-Mulej kuljum, biex inkunu strumenti ta’ komunjoni, biex naqsmu miegħU u mal-proxxmu tagħna dak kollu li aħna.  Hekk l-eżistenza tagħna tħalli tassew frott għammiel.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard