QUDDIESA GĦALL-KONFRATERNITAJIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Pjazza San Pietru

Is-VI Ħadd tal-Għid, 5 ta’ Mejju 2013

 

Għeżież ħuti, tassew intom kuraġġjużi li ġejtu f’din ix-xita...  Il-Mulej iberikkom ħafna!

Fil-mixja tas-Sena tal-Fidi, ninsab ferħan li niċċelebra din l-Ewkaristija dedikata b’mod speċjali lill-Konfraternitajiet: realta’ tradizzjonali fil-Knisja, li f’dan l-aħħar żmien għarfet tiġġedded u ssib toroq ġodda.  Minn qalbi nsellmilkom ilkoll b’mod speċjali lill-Konfraternitajiet li ġew minn diversi nħawi tad-dinja!  Grazzi għall-preżenza tagħkom u x-xhieda tagħkom!

1.   Fl-Evanġelju smajna biċċa mid-diskorsi tat-tluq ta’ Ġesu’ skont l-evanġelista San Ġwann fil-kuntest tal-aħħar Ċena.  Ġesu’ jafda lill-Appostli il-ħsibijiet tiegħu tal-aħħar, bħallikieku testment spiritwali, qabel ma jħallihom.  Il-kliem tallum jisħaq fuq il-fatt li l-fidi nisranija hija kollha ċċentrata fuq ir-relazzjoni mal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Min iħobb lill-Mulej Ġesu’ jilqa’ fih lil Ġesu’ u lill-Missier, u bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu jilqa’ fil-qalb tiegħu u fil-ħajja tiegħu l-Evanġelju.  Hawn qiegħed jiġi muri lilna iċ-ċentru minn fejn kollox għandu jitlaq u fejn kollox għandu jasal: tħobb lil Alla, inkunu dixxipli ta’ Kristu billi ngħixu l-Evanġelju.  Il-Papa Benedittu XVI, meta kien tkellem magħkom, kien uża din il-kelma: evanġeliċita’.  Għeżież Konfraternitajiet, it-tjieba popolari, li tagħha intom wirja importanti, hija teżor li l-Knisja għandha u li l-Isqfijiet Latino-Amerikani kienu sejħulhom, b’mod li jfisser ħafna, bħala spiritwalita’, mistika, li hija “okkażżjoni fejn isseħħ laqgħa ma’ Ġesu’ Kristu”.  Ħudu dejjem minn Kristu li huwa l-għajn li ma tinxef qatt; saħħu il-fidi tagħkom billi tieħdu ħsieb il-formazzjoni spiritwali, it-talb personali u komunitarju, il-liturġija.  Matul is-sekli, il-Konfraternitajiet kienu jiffurmaw il-qdusija ta’ ħafna nies li għexu fis-sempliċita’ relazzjoni qawwija mal-Mulej.  Imxu b’determinazzjoni lejn il-qdusija; tħallux li tikkuntentaw lilkom infuskom b’ħajja nisranija ta’ nofs kedda; imma li tkunu parti minn dawn il-Konfraternitajiet ikun għalikom xprun, qabel xejn għalikom, biex tħobbu aktar lil Ġesu’ Kristu.

2.  Is-silta mill-Atti tal-Appostli wkoll li smajna tkellimna minn dak li huwa essenzjali.  Fil-Knisja tal-bidu kien mill-ewwel meħtieġ li ssir għażla bejn dak li kien essenzjali sabiex tkun nisrani, biex timxi wara Kristu u bejn dak li ma kienx.  L-Appostli u l-presbiterji l-oħrajn sejħu laqgħa importanti f’Ġerusalemm, l-ewwel “konċilju”, dwar dan is-suġġett, dwar il-problemi li kienu feġġu wara li l-Evanġelju kien ġie mxandar lill-pagani, lil dawk li ma kienux lhud.   Dik kienet okkażżjoni provvidenzjali biex jifhmu aħjar x’inhuma l-ħwejjeġ esenzjali, jiġifieri it-twemmin fi Kristu li miet u rxoxta għad-dnubiet tagħna, u li nħobbu lil xulxin bħalma ħabbna Hu.  Imma nnutaw kif id-diffikultajiet ġew mirbuħa, mhux barra mill-Knisja, imma fil-Knisja.  U hawn hu t-tieni element li dwaru nixtieq niġbdilkom l-attenzjoni, bħalma kien għamel il-Papa Benedittu XVI, jiġifieri l-ekklesjalita’.  It-tjieba poopolari hija triq li twassal għall-essenzjal jekk tkun imgħajxa fil-Knisja f’komunjoni mar-Ragħajja tagħkom.  Għeżież ħuti, il-Knisja tħobbkom!  Intom preżenza attiva fil-komunitajiet bħal ċelluli ħajjin, ġebel ħaj.  L-Isqfijiet Latino-Amerikani kitbu li t-tjieba popolari li tagħha intom espressjoni hija “mod leġittmu li bih tgħix il-fidi, huwa mod li jgħinek tħossok parti mill-Knisja” (Dokument ta’ Aparceida, 264).  Dan huwa sabiħ!  Huwa mod leġittmu kif tgħix il-fidi, huwa mod kif tħossok parti mill-Knisja.  Ħobbu lill-Knisja!  Ħallu li tiġu mmexxijin minnha!  Fil-parroċċi, fid-djoċesijiet, kunu pulmun tassew ta’ fidi u ta’ ħajja nisranija, kunu arja friska!  F’din il-Pjazza qed nara varjeta’ kbira l-ewwel ta’ umbrelel u issa ta’ kuluri u sinjali.  Hekk hija l-Knisja: hija għanja ħafna b’varjeta’ ta’ espressjonijiet fejn kollox iwassal għall-unita’; il-varjeta’ li twassal għall-unita’ hija l-laqgħa ma’ Kristu.

3.  Irrid inżid it-tielet kelma li għandha tkun il-karatteristika tagħkom: il-missjonarjeta’.  Intom għandkom missjoni speċifika u importanti: din hija li żżommu ħajja r-relazzjoni bejn il-fidi u l-kulturi tal-popli tagħkom, u dan tagħmluh bit-tjieba popolari.  Hekk per eżempju, intom tieħdu l-Kurċifiss fi proċessjoni, b’tant qima u tant imħabba għall-Mulej; intom ma tagħmlux att sermpliċi minn barra; intom turu ċ-ċentralita’ tal-Misteru tal-Għid tal-Mulej, tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien, li fdiena.  Intom turu l-ewwelnett lilkom infuskom u lill-komunita’ li jeħtieġ nimxu wara Kristu fil-mixja konkreta tal-ħajja biex Hu jbiddilna.  Bl-istess mod meta turu fil-beraħ il-qima profonda lejn il-Verġni Marija, intom tkunu turu l-aktar twettieq għoli tal-eżistenza nisranija, Dik li minħabba l-fidi tagħha u l-ubbidjenza tagħha għar-rieda t’Alla kif ukoll minħabba l-meditazzjoni tal-Kelma u tal-azzjonijiet ta’ Ġesu’, hija d-dixxipla perfetta tal-Mulej (ara Lumen Gentium, 53).  Din il-fidi li titwieled mis-smiegħ tal-Kelma t’Alla, intom turuha b’forom li jinvolvu s-sensi, l-imħabbiet, is-simboli tal-kulturi diversi... U meta tagħmlu hekk intom tgħinu biex il-fidi tgħadduha lin-nies, speċjalment in-nies sempliċi, dawk li fl-Evanġelju Ġesu’ jsejħilhom “iż-żgħar”.  Infatti, “meta timxu flimkien lejn is-santwarji u s-sehem f’manifestazzjonijiet ta’ tjieba popolari, waqt li tieħdu magħkom anke lil uliedkom u tgħinu persuni oħrajn jieħdu sehem, huwa fih innifsu att ta’ evanġeliżżazjoni” (Dokument ta’ Aparecida, 264).  Meta intom tmorru lejn is-santwarji, meta tieħdu magħkom il-familja, lil uliedkom, intom tkunu qegħdin tagħmlu ħidma proprja ta’ evanġeliżżazjoni!  L-inizjattivi tagħkom huma bħal “pontijiet”, bħal toroq li jwasslu għand Kristu, biex nimxu miegħu.  Hu f’dan l-ispirtu li għandkom tkunu dejjem attenti għall-imħabba.  Kull nisrani u kull komunita’ hija missjunarja fil-qies li jkunu dejjem attenti għall-imħabba.  Kull nisrani u kull komunita’ hija missjunarja skont il-qies li bih twassal u tgħix l-Evanġelju u tagħti xhieda tal-imħabba t’Alla lejn kulħadd, l-aktar dawk li jinsabu f’diffikultajiet.  Kunu missjunarji tal-imħabba u tat-tenerezza ta’ Alla!  Kunu missjunarji tal-ħniena t’Alla, li dejjem jaħfrilna, dejjem jistenniena u li jħobbna daqshekk!

Evanġeliċita’, ekklesjalita’, missjonarjeta.  Tlitt kelmiet.  Tinsewhomx.  Evanġeliċita’, ekklesjalita’, missjonarjeta’.  Nitolbu l-Mulej li jdawwal dejjem moħħna u qalbna lejH, bħala ġebel ħaj fil-Knisja, sabiex kull attivita’ tagħna, il-ħajja kollha tagħna nisranija tkun xhieda li ddawwal tal-ħniena tiegħu u tal-imħabba tiegħu.  U hekk nimxu lejn il-għan tal-pellegrinaġġ tagħna f’din l-art, lejn dak is-santwarju daqshekk sabiħ, Ġerusalemm tas-Sema.  Hemm ma jkunx hemm l-anqas tempju wieħed: Alla nnifsu u l-Ħaruf ikunu t-tempju tagħha; u d-dawl tax-xemx u tal-qamar iċiedu posthom għall-glorja tal-Aktar Għoli.  Ammen.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap