Omelija tal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku

waqt il-Konċistorju Ordinarju  

fil-Kappella Papali

meta l-Papa għamel 13-il Kardinal

Bażilka Vatikana
Is-Sibt 5 ta’ Ottubru 2019

 

Fil-qalba tar-rakkont evanġeliku li għadna kemm smajna (Mk 6, 30-37a) niltaqgħu mal-“kumpassjoni” ta’ Ġesù (ara v. 34). Il-kelma kumpassjoni hi waħda mill-kliem li huma l-qofol tal-Evanġelju; hi miktuba fil-qalb ta’ Ġesù; kienet dejjem miktuba fil-qalb t’Alla.

Hemm bosta drabi fl-Evanġelju fejn niltaqgħu ma Ġesù juri ħniena ma’ min  qed ibati. U aktar ma naqraw u nikkontemplaw, aktar nifhmu li l-Mulej ma jurix kumpassjoni biss f’xi okkażjonijiet, ma jħennx biss xi kultant, imma jġib ruħu hekk il-ħin kollu. Naraw li dan hu l-attaġġament ta’ qalbu, li fiha nkarnat ruħha l-ħniena t’Alla

San Mark, per eżempju, jirrakkonta li meta Ġesù mar il-Galilija u beda jippriedka u jkeċċi x-xjaten, «resaq fuqu wieħed imġiddem jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: ‘Jekk trid tista’ tnaddafni!’. Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: ‘Irrid, kun imnaddaf!’»(1,40-42). F’dan il-ġest u l-kliem tidher il-missjoni ta’ Ġesù, il-feddej tal-bnedmin. Hu Feddej li jħenn. Hu jinkarna r-rieda t’Alla li jrid inaddaf lill-bniedem marid bil-ġdiem tad-dnub. Hu “l-id t’Alla” li tmiss il-ġisem marid tagħna u ma jħalliniex aktar mifruda minnu. 

Ġesù jmur ifittex lill-imwarrbin, lil dawk li tilfu kull tama. Bħal dak ir-raġel paralitiku li għal tmienja u tletin sena kien imur fejn il-loġoġ ta’ Betzata u jistenna għalxejn li xi ħadd jgħinu jinżel fl-ilma (ara Ġw 5,1-9).

Din il-kumpassjoni ma spuntatx f’ċertu waqt tal-istorja tas-salvazzjoni, le! Kienet f’Alla sa minn dejjem, kienet dejjem minquxa fil-qalb tal-Missier. Ejja naħsbu ftit, per eżempju, fuq ir-rakkont tas-sejħa ta’ Mosè, meta Alla kellmu minn qalb l-għollieq jaqbad u qallu: «Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu u smajt il-karba tagħhom (...):u għaraft l-uġigħ tagħhom» (Eż 3,7). Din hi l-kumpassjoni tal-Missier!

L-imħabba t’Alla għall-poplu tiegħu hi mimlija ħniena. Fir-rabta tal-patt, dak li hu divin hu kollu mimli kumpassjoni, iżda sfortunatament, dak li hu uman hu nieqes mill-ħniena u ‘l bogħod minnha. Dan jgħidu Alla stess: «Jien ser inwarrab lilek minni Efrajm? Israel, se nerħik? (...) Daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti (....) għax Alla jien u mhux bniedem, jien f’nofsok il-Qaddis, jien ma niġix biex neqred» (Hos 11,8-9).

Id-dixxipli ta’ Ġesù spiss kienu juru li m’għandhomx ħniena, bħalma ġara meta kellhom  jitimgħu l-folla li kienet bil-ġuħ. Tista’ tgħid li meta kellhom jaffaċċaw din il-problema, it-tweġiba tagħhom kienet: “Jaraw x’ser jagħmlu huma...”. Din l-attitudni hi komuni ħafna fina l-bnedmin, anki f’dawk fostna li huma reliġjużi jew reliġjużi “professjonali”. Naħslu idejna. Ir-rwol tagħna mhux biżżejjed biex jagħmilna nies li nħennu, kif jidher mill-imġiba tas-saċerdot u tal-levita, li meta raw raġel nofsu mejjet mitluq mal-ġenb tat-triq, qasmu għan-naħa l-oħra (ara Lk 10,31-32). F’qalbhom qalu: “Din mhix biċċa tagħna”. Dejjem ikun hemm xi skuża jew ġustifikazzjoni biex indawru wiċċna n-naħa l-oħra. Meta raġel tal-Knisja jsir funzjonarju, din tkun xi ħaġa aktar kerha. Dejjem ikun hemm ġustifikazzjonijiet, xi drabi kodifikati wkoll, u dawn jagħtu lok għal “nuqqas ta’ attenzjoni u rispett b’mod istituzzjonalizzat”, bħal fil-każ tal-imġiddmin: “Żgur tajjeb li jżommu ruħhom ‘l bogħod”. Hekk kienu jaħsbu qabel u hekk naħsbu llum. Minn din l-attitudni umana joħorġu strutturi nieqsa għal kollox mill-ħniena.

Hawnhekk tajjeb nistaqsu lilna nfusna: aħna, l-ewwel nies, konxji mill-ħniena t’Alla lejna? Ħuti Kardinali u intom li ser tkunu kardinali, qed nistaqsi lilkom b’mod partikulari: tagħrfuha b’mod ħaj din il-ħaġa? Tagħrfu li l-ħniena t’Alla kienet u hi dejjem magħkom? Il-qalb immakulata ta’ Marija dejjem għarfitha u hi tfaħħar “s-salvatur tagħha” li «ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu» (Lk 1,48).

Inħossu jagħmilli tajjeb ħafna meta nirrifletti fuqi nnifsi fid-dawl ta’ dak li nsibu f’Eżekjel 16: l-istorja tal-imħabba t’Alla għal Ġerusalemm: «Inġedded il-patt tiegħi miegħek, ħa tagħraf li jiena l-Mulej, biex tiftakar u timtela bil-mistħija, u ma jkollokx aktar ħila tiftaħ ħalqek minħabba l-għajb tiegħek, meta nkun ħfirtlek dak kollu li għamilt » (Ezek16,62-63). Jew inkella f’dak l-oraklu l-ieħor ta’ Hosegħa: «Jien ser neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem. (...) Hemmhekk hi twieġeb bħal fi żmien żgħożitha, bħal fi żmien ħruġha mill-art tal-Eġittu» (2,16-17). Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: inħossha l-ħniena t’Alla għalija? Inħossni konvint li jien iben il-ħniena?

Inħossu b’mod ħaj li Alla tassew għandu din il-ħniena għalina? Hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq xi ħaġa fakoltattiva, u ngħid lanqas fuq “kunsill evanġeliku”. Le. Din hi xi ħaġa essenzjali. Jekk jien ma nħossx il-ħniena t’Alla għalija, ma nifhimx imħabbtu. Din hi realtà li ma tistax tispjegha. Jew tħossha, inkella ma tħosshiex. U jekk ma nħosshiex kif nista’ nikkomunikha, nagħti xhieda tagħha u nagħtiha lill-oħrajn? Ma nkunx nista’ nagħmel dan. U konkretament dan ifisser: inħoss ħniena għal dak ħija, għal dak l-isqof, għal dak is-saċerdot? Jew inkella nkissirhom bl-imġiba tiegħi ta’ kundanna, ta’ indifferenza, ta’ ħars in-naħa l-oħra, biex fir-realtà naħsel idejja minnhom?

Il-kapaċità li nkunu leali lejn il-ministeru tagħna tiddependi ukoll minn dan l-għarfien; anki fil-każ tagħkom ħuti Kardinali. Il-kelma “kumpassjoni” ġiet f’qalbi propju dak il-ħin stess li bdejt niktbilkom l-ittra fl-1ta’ Settembru. Kardinal ikun lest li jagħti demmu – hekk ifisser il-kulur aħmar tal-libsa tagħkom – meta l-għeruq tiegħu jkunu mħawla fl-għarfien li rċieva l-ħniena u li hu għandu l-ħila juri ħniena. Jekk ma nagħrfux dan ma nistgħux inkunu leali. Ħafna min-nuqqas ta’ lealta’ f’nies tal-Knisja tinbet mill-fatt li jkun nieqes fihom is-sens ta’ kumpassjoni għax ma rċevewx kumpassjoni, tinbet għax nidraw indawru wiċċu n-naħa l-oħra u nkunu indifferenti.

Bl-interċessjoni tal-Appostlu Pawlu, ejjew illum nitolbu l-grazzja li jkollna qalb ħanina, biex nagħtu xhieda ta’ Dak li ħabbna u li jħobbna, li ħares lejna b’ħarsa ta’ ħniena, li għażilna, li kkonsagrana u stedinna biex inwasslu lil kulħadd l-Evanġelu tiegħu ta’ salvazzjoni. 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard