QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI:

PAWLU VI, OSCAR ROMERO, FRANCESCO SPINELLI, VINCENZO ROMANO, 
MARIA CATERINA KASPER, NAZARIA IGNAZIA
TA’ SANTA TEREŻA TA’ ĠESÙ, NUNZIO SULPRIZIO

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 14 ta’ Ottubru 2018

 

It-Tieni Qari qalilna li “l-kelma ta’ Alla hi ħajja, qawwija u taqta’” (Lhud 4:12). Hekk hu tabilħaqq: il-Kelma ta’ Alla mhijiex biss xi ġabra ta’ veritajiet jew rakkont spiritwali li jedifikak; le, hi Kelma ħajja, li tmiss il-ħajja, li tibdilha. Fiha hemm Ġesù nnifsu, hu li huwa l-Kelma ħajja ta’ Alla, ikellem lil qlubna.

 

Il-Vanġelu, b’mod partikulari, qed jistedinna għal-laqgħa mal-Mulej, fuq l-eżempju ta’ dak il-“wieħed” li “mar fuqu jgħaġġel” (ara Mk 10:17). Nistgħu naraw lilna nfusna f’dak ir-raġel, li t-test ma jagħtix ismu, kważi biex jissuġġerixxi li jista’ jirrappreżenta lil kull wieħed u waħda minna. Hu jistaqsi lil Ġesù kif jista’ “jikseb il-ħajja ta’ dejjem” (v. 17). Jitlob il-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja fil-milja tagħha: min minna ma jixtiqux dan? Imma ninnutaw li hu jitlob li jiksibha, bħallikieku kienet xi ġid li ried jakkwista, jagħmel tiegħu b’ħiltu stess. Fil-fatt, biex jista’ jikseb dan il-ġid hu osserva l-Kmandamenti sa minn żgħożitu u biex jilħaq l-iskop hu kien lest josserva oħrajn; għalhekk jistaqsi: “X’għandi nagħmel biex nikseb?”.

 

It-tweġiba ta’ Ġesù tħallih b’ħalqu miftuħ. Il-Mulej jixħet ħarstu fuqu u jħobbu (ara v. 21). Ġesù jibdel il-perspettiva kollha: mill-osservazzjoni tal-preċetti bl-għan li wieħed jikseb ħlas lura, għall-imħabba b’xejn u sħiħa. Dak kellmu f’termini ta’ domanda u offerta, u Ġesù jipproponilu storja ta’ mħabba. Jitolbu jgħaddi mill-osservanza tal-liġijiet għall-għotja tiegħu nnifsu, milli jistinka għalih innifsu għal li jkun miegħU. U jagħmillu proposta ta’ ħajja li “taqta’” fil-laħam il-ħaj: “Mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar […] imbagħad ejja u imxi warajja!” (v. 21). Lilek ukoll Ġesù qed jgħidlek: “Ejja, imxi warajja!”. Ejja: tibqax wieqaf, għax mhux biżżejjed li ma tagħmel xejn ħażin biex tkun ta’ Ġesù. Imxi warajja: tmurx wara Ġesù biss meta jiftillek, imma fittxu ta’ kuljum; tikkuntentax ruħek li tosserva l-preċetti, li tagħmel xi ftit tal-karità u tgħid xi talba: sib fih lil dak Alla li jħobbok dejjem, is-sens ta’ ħajtek, il-qawwa li tingħata għall-oħrajn.

 

U Ġesù jkompli jgħid: “Bigħ li għandek u agħtih lill-foqra”. Il-Mulej ma joqgħodx joħroġ b’teoriji fuq il-faqar u l-għana, imma jimmira dirett għall-ħajja. Jitolbok tħalli dak li jtaqqallek qalbek, titbattal mill-ġid biex tagħmillu wisa’, lilu li hu l-ġid waħdieni. Ma nistgħux nimxu tassew wara Ġesù meta għandna tant ħwejjeġ li qed itaqqluna. Għax, jekk il-qalb hi mimlija bil-ġid, mhux sa jkun hemm wisa’ għall-Mulej, li jispiċċa jsir ħaġa qalb ħafna oħrajn. Għalhekk l-għana hu perikuluż u – jgħidilna Ġesù – jagħmilhielna diffiċli saħansitra li nsalvaw. Mhux għax Alla jimxi b’id tal-ħadid magħna, le! Il-problema ġejja min-naħa tagħna: li għandna żżejjed, li rridu żżejjed, dan jifgana, jifgalna qalbna u ma jħalliniex inħobbu. Għalhekk San Pawl ifakkarna li “r-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Tim 6:10). Dan narawh b’għajnejna: fejn il-flus huma fiċ-ċentru, m’hemmx post għal Alla u lanqas m’hemm post għall-bniedem.

 

Ġesù hu radikali. Hu jagħti kollox u kollox jitlob: jagħti mħabba sħiħa u jitlob qalb sħiħa. Anki llum qed jingħata għalina bħala Ħobż ħaj; forsi nistgħu nagħtuh lura l-loqom? Lilu, li sar qaddej tagħna sa fuq is-salib, ma nistgħux inweġbuh biss bl-osservanza ta’ xi preċett. Lilu, li joffrilna l-ħajja ta’ dejjem, ma nistgħux nagħtuh biss biċċa minn ħinna. Ġesù ma jikkuntentax ruħu b’“perċentwal ta’ mħabba”: ma nistgħux inħobbuh biss bl-għoxrin, bil-ħamsin jew bis-sittin fil-mija. Jew kollox, jew xejn.

 

Għeżież ħuti, il-qalb tagħna hi bħal kalamita: tinġibed lejn l-imħabba, imma tista’ teħel biss minn naħa waħda u jeħtieġ tagħżel: jew sa tħobb lil Alla jew sa tħobb il-ġid ta’ din l-art (ara Mt 6:24); jew sa tgħix biex tħobb jew sa tgħix għaliha nfisha (ara Mk 8:35). Ejjew nistaqsu lilna nfusna fuq liema naħa qegħdin. Nistaqsu fejn wasalna fl-istorja ta’ mħabba tagħna ma’ Alla. Qed nikkuntentaw ruħna b’xi preċett jew qed nimxu wara Ġesù ta’ namrati, li verament lesti nitilqu xi ħaġa minn idejna għalih? Ġesù qed jistaqsi lil kull wieħed u waħda minna u lilna lkoll bħala Knisja f’mixja: aħna Knisja li sempliċiment tipprietka preċetti tajbin jew Knisja-għarusa, li għall-Mulej tagħna tinxteħet kollha kemm hi fl-imħabba? Mexjin tassew warajh jew erġajna lura fuq il-passi tad-dinja, bħal dak ir-raġel? F’kelma waħda, Ġesù hu biżżejjed għalina jew qed infittxu ħafna ċertezzi fid-dinja? Ejjew nitolbu l-grazzja li nagħrfu nħallu warajna għall-imħabba ta’ Ġesù: inħallu l-ġid, inħallu n-nostalġiji ta’ rwoli u poteri, inħallu strutturi li m’għadhomx tajbin għax-xandir tal-Vanġelu, it-toqol li qed iżomm ir-riedni lill-missjoni, il-qafliet li qed jorbtuna mad-dinja. Mingħajr qabża ’l quddiem fl-imħabba, ħajjitna u l-Knisja tagħna sa jimirdu bis-“sodisfazzjon personali u egoċentriku” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 95): infittxu l-ferħ f’xi pjaċir li jgħaddi, ningħalqu fit-tpaċpiċ fieragħ u vojt, nintelqu fil-monotonija ta’ ħajja Nisranija bla ħeġġa, fejn ftit ta’ narċisiżmu qed jgħatti d-diqa li hemm ġo fina għax għadna m’aħniex persuni sħaħ.

 

Hekk ġralu dan ir-raġel, li – jgħid il-Vanġelu – “telaq bqalbu sewda” (v. 22). Kien intrabat mal-preċetti u mal-ħafna ġid li kellu, imma ma kienx ta qalbu. U, imqar jekk kien iltaqa’ ma’ Ġesù u rċieva l-ħarsa ta’ mħabbtu, telaq ’l hemm imdejjaq. Id-diqa hi l-prova ta’ mħabba mhix sħiħa. Hi s-sinjal ta’ qalb mejta. Imma, qalb li ħaffet lilha nfisha mill-piż tal-ġid, li kollha ħielsa tħobb lill-Mulej, se xxerred dejjem il-ferħ, dak il-ferħ li llum għandna tant bżonnu. Il-Papa qaddis Pawlu VI kiteb: “Hu qalb id-dwejjaq tagħhom li n-nies ta’ żmienna għandhom bżonn jagħrfu l-ferħ, jisimgħu l-għana tiegħu” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete in Domino, I). Ġesù llum qed jistedinna nerġgħu lura lejn l-għejun tal-ferħ, li huma l-laqgħa tagħna miegħu, l-għażla kuraġġjuża li nirriskjaw biex nimxu warajh, il-gost li nħallu xi ħaġa warajna biex nistgħu nħaddnu magħna t-triq tiegħu. Il-qaddisin imxewha din it-triq.

 

Hekk għamel Pawlu VI, fuq l-eżempju tal-Appostlu li tiegħu ħa l-isem. Bħalu ta ħajtu għall-Vanġelu ta’ Kristu, qasam konfini ġodda u sar xhud tiegħu fit-tħabbira u fid-djalogu, profeta ta’ Knisja miftuħa li tfittex dawk li qegħdin ’il bogħod u tieħu ħsieb tal-foqra. Pawlu VI, imqar fit-tbatija u qalb ħafna li ma fehmuhx, ta xhieda b’mod appassjonat tal-ġmiel u l-ferħ li hemm f’li timxi wara Ġesù b’mod sħiħ. Illum għadu qed isejħilna, flimkien mal-Konċilju li tiegħu kien it-tmunier għaref, biex ngħixu l-vokazzjoni komuni tagħna: is-sejħa universali għall-qdusija. Mhux għall-ħwejjeġ ta’ nofs kedda, imma għall-qdusija. Kemm hi ħaġa sabiħa li flimkien miegħu u mal-qaddisin l-oħra tal-lum għandna lil Mons. Romero, li ħalla ċ-ċertezzi tad-dinja warajh, saħansitra s-sigurtà tiegħu, biex jagħti ħajtu skont il-Vanġelu, qrib tal-foqra u ta’ niesu, bil-qalb tiegħu miġbuda bħal kalamita minn Ġesù u mill-aħwa. L-istess nistgħu ngħidu għal Francesco Spinelli, għal Vincenzo Romano, għal Maria Caterina Kasper, għal Nazaria Ignazia ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù u anki għall-ġuvni Naplitan tagħna mill-Abruzzo, Nunzio Sulprizio: il-qaddis żagħżugħ, qalbieni, umli li għaraf jiltaqa’ ma’ Ġesù fit-tbatija, fil-ħemda u fl-offerta tiegħu nnifsu. Dawn il-qaddisin kollha, f’kuntesti differenti, laħħmu f’ħajjithom il-Kelma tal-lum, bla ma ntelqu, bla ma qagħdu jqisu żżejjed, bil-ħeġġa li jirriskjaw u jħallu warajhom. Ħuti, ħa jgħinna l-Mulej nimitaw l-eżempji tagħhom.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard