QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI:

JOHN HENRY NEWMAN, GIUSEPPINA VANNINI, MARIAM THRESIA CHIRAMEL MANKIDIYAN, DULCE LOPES PONTES, MARGUERITE BAYS

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 13 ta’ Ottubru 2019

 

“Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 17:19). Hawnhekk iwassalna l-Vanġelu tal-lum, li jurina l-mixja tal-fidi. F’din il-mixja ta’ fidi naraw tliet tappi, fil-mixja tal-lebbrużi mfejqin, li jsejħu, jimxu u jroddu ħajr.

 

Qabelxejn, isejħu. Il-lebbrużi jinsabu f’qagħda tal-biża’, mhux biss minħabba fil-marda, mifruxa anki fi żmienna, u li għandha tiġi miġġielda bil-qawwa kollha, imma minħabba l-esklużjoni soċjali. Fi żmien Ġesù kienu jitqiesu moqżieża u għalhekk kellhom jinqatgħu għalihom waħidhom, u ma jibqgħux mal-bqija tan-nies (ara Lev 13:46). Fil-fatt naraw li, meta marru għand Ġesù, “waqfu ’l bogħod minnu” (ara Lq 17:12). Imma, imqar jekk il-qagħda tagħhom kienet taqtagħhom mill-bqija tan-nies, huma sejħu lil Ġesù, jgħid il-Vanġelu, billi “għollew leħinhom” (v. 13). Ma jħallux l-esklużjonijiet tal-bnedmin jipparalizzawhom imma jgħajtu lil Alla għall-għajnuna, hu li ma jeskludi lil ħadd. Huwa b’dan il-mod li jitqassru d-distanzi, huwa hekk li l-persuni jiġu merfugħa mis-solitudni tagħhom: ma jingħalqux fihom infushom jew joqogħodu jibku xortihom, ma joqogħdux jaħsbu fil-ġudizzji tal-oħrajn, imma jsejħu lill-Mulej, għax il-Mulej jisma’ l-karba ta’ min hu waħdu.

 

Bħal dawk il-lebbrużi, aħna wkoll għandna bżonn tal-fejqan, ilkoll kemm aħna. Għandna bżonn niġu mfejqa mill-qtigħ il-qalb minna nfusna, mill-ħajja, mill-futur; minn ħafna biżgħat; mill-vizzji li tagħhom aħna lsiera; minn tant għeluq, dipendenzi u rabtiet: mal-logħob, mal-flus, mat-televiżjoni, mal-mowbajl, mal-ġudizzju fuq l-oħrajn. Il-Mulej jeħles u jfejjaq il-qalb, jekk insejħulu, jekk ngħidulu: “Mulej, jiena nemmen li inti tista’ tfejjaqni; fejjaqni mill-għeluq tiegħi, eħlisni mill-ħażen u mill-biża’, Ġesù”. Il-lebbrużi huma l-ewwel nies, f’dan il-Vanġelu, li jsejħu l-isem ta’ Ġesù. Imbagħad warajhom jagħmlu hekk l-agħma u l-ħalliel fuq is-salib: huma n-nies fil-bżonn li jsejħu l-isem ta’ Ġesù, li jfisser Alla jsalva. Lil Alla jsejħulu b’ismu, b’mod dirett, spontanju. Li ssejjaħ lil xi ħadd b’ismu hu sinjal ta’ kunfidenza, u l-Mulej jieħu pjaċir b’dan. Il-fidi hekk tikber, bis-sejħa fiduċjuża, billi nieħdu għand Ġesù dak kollu li aħna, b’qalb miftuħa, mingħajr ma noqogħdu naħsbu fil-miżerji tagħna. Ejjew ta’ kuljum insejħu b’fiduċja l-isem ta’ Ġesù: Alla jsalva. Intennuh: hekk ifisser titlob, meta tlissen “Ġesù” tkun qed titlob. It-talb hu l-bieb tal-fidi, it-talb hu l-mediċina tal-qalb.

 

It-tieni kelma hi jimxu. Din hi t-tieni tappa. Fil-Vanġelu qasir tal-lum għandna xi għaxar verbi ta’ moviment. Imma li jolqotna aktar minn kollox hu l-fatt li l-lebbrużi ma jiġux imfejqa meta qegħdin weqfin quddiem Ġesù, imma wara, huma u mexjin: “U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom”, jgħid il-Vanġelu (v. 14). Jiġu mfejqa huma u mexjin lejn Ġerusalemm, jiġifieri huma u jaffrontaw mixja għat-telgħa. Hi l-mixja tal-ħajja li ssaffina, mixja li spiss hi għat-telgħa, għax teħodna ’l fuq. Il-fidi titlob mixja, ħruġ, u tagħmel il-mirakli fina jekk inkunu kapaċi ninqalgħu miċ-ċertezzi komdi tagħna, jekk inħallu warajna l-bibien żguri tagħna, il-bejtiet komdi tagħna. Il-fidi toktor bid-don u tikber bir-riskju magħha. Il-fidi tissaħħaħ meta nimxu ’l quddiem mgħammrin bil-fiduċja f’Alla. Il-fidi timxi ’l quddiem b’passi umli u konkreti, kif umli u konkreti kienu l-mixja tal-lebbrużi u l-ħasil ta’ Nagħman fix-xmara Ġordan (ara 2 Slat 5:14-17). Hekk ukoll għalina: nagħmlu progress fil-fidi permezz tal-imħabba umli u konkreta, bis-sabar ta’ kuljum, billi nsejħu lil Ġesù u nibqgħu mexjin ’il quddiem.

 

Hemm aspett ieħor interessanti fil-mixja tal-lebbrużi: jimxu flimkien. “Huma u sejrin” u “fiequ”, jgħid il-Vanġelu (v. 14), dejjem fil-plural: il-fidi hi wkoll mixja flimkien, qatt waħidna. Imma, meta jiġu mfejqa, disgħa jmorru għalihom u wieħed biss jerġa’ lura jrodd ħajr. Hawn Ġesù ma joqgħodx lura milli jesprimi l-għafsa ta’ qalb tiegħu: “Fejn huma d-disgħa l-oħra?” (v. 17). Donnu qed jitlob mill-uniku wieħed li ġie lura kont tad-disgħa l-oħra. Huwa minnu, hu dmir tagħna – tagħna li ninsabu hawn “niċċelebraw l-Ewkaristija”, jiġifieri rroddu ħajr –, huwa dmirna li nieħdu ħsieb ta’ min waqaf jimxi, ta’ min tilef it-triq: aħna ħarriesa ta’ ħutna li tbiegħdu, ilkoll kemm aħna! Aħna interċessuri għalihom, aħna responsabbli għalihom, jiġifieri aħna msejħin inwieġbu għalihom, inżommuhom f’qalbna. Trid tikber fil-fidi tiegħek? Int, li llum tinsab hawn, trid tikber fil-fidi? Ħu ħsieb ta’ ħuk imbiegħed, ta’ oħtok imbiegħda.

 

Insejħu, nimxu u rroddu ħajr: din hi l-aħħar tappa. Lil dak li jiġi lura jroddlu ħajr biss Ġesù jgħid: “Il-fidi tiegħek salvatek” (v. 19). Mhux biss fieq, imma salva wkoll. Dan jgħidilna li l-punt tal-wasla mhuwiex qiegħed fis-saħħa fiżika, mhux li nkunu sew, imma l-laqgħa ma’ Ġesù. Is-salvazzjoni ma tfissirx li nixorbu tazza ilma biex inkunu b’saħħitna, imma li mmorru f’ras il-għajn, jiġifieri għand Ġesù. Hu biss jista’ jeħlisna mill-ħażen, u jfejqilna qalbna, il-laqgħa miegħu biss li tista’ ssalvana, tagħmlilna ħajjitna sħiħa u sabiħa. Meta niltaqgħu ma’ Ġesù tinbet spontanja l-“grazzi”, għax niskopru l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja: mhux li nirċievu xi grazzja jew insewwu xi saram, imma li nħaddnu magħna lil Alla tal-ħajja. U din hi l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja: ngħannqu lil Sid il-ħajja.

 

Kemm hi ħaġa sabiħa naraw lil dak ir-raġel imfejjaq, li kien Samaritan, jesprimi l-ferħ tiegħu b’saħħtu kollha: ifaħħar lil Alla b’leħen għoli, jinxteħet wiċċu fl-art, iroddlu ħajr (ara vv. 15-16). Il-quċċata tal-mixja tal-fidi hi li ngħixu b’sens ta’ radd il-ħajr. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: aħna li għandna l-fidi, ngħixu jiemna qishom toqol li jkollna nġorru jew bħala tifħir biex noffruh? Nibqgħu magħluqa fina nfusna nistennew li nitolbu l-grazzja li jmiss jew insibu l-ferħ tagħna fir-radd il-ħajr? Meta rroddulu ħajr, il-Missier jitqanqal u jsawwab fuqna l-Ispirtu s-Santu. Li tirringrazzja mhix kwistjoni ta’ kortesija, ta’ galatew, imma hi kwistjoni ta’ fidi. Qalb li trodd ħajr tibqa’ żagħżugħa. Li tgħid: “Grazzi, Mulej” malli tqum, matul il-ġurnata, qabel titla’ fis-sodda, din hi mediċina biex il-qalb ma tixjieħx, għax il-qalb taf tixjieħ u tidra ħażin. Hekk ukoll fil-familja, bejn il-miżżewġin: ftakru dejjem għidu grazzi. Grazzi hi l-kelma l-iżjed sempliċi u li tista’ tagħmel ġid.

 

Insejħu, nimxu, irroddu ħajr. Illum qed irroddu ħajr lill-Mulej għall-qaddisin ġodda, li mxew fil-fidi u li llum qed insejħulhom biex jidħlu għalina. Fosthom hemm sorijiet u dawn juruna li l-ħajja reliġjuża hi mixja ta’ mħabba fil-periferiji eżistenzjali tad-dinja. Santa Marguerite Bays, imbagħad, kienet ħajjata u turina kemm hu qawwi t-talb sempliċi, is-sabar fit-tiġrib, l-għotja siekta: b’dawn l-affarijiet il-Mulej wera fiha, fl-umiltà tagħha, il-ġmiel kollu tal-Għid tiegħu. Hi l-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum, li dwarha jitkellem il-Karidnal Newman, li qal: “In-Nisrani għandu fih paċi profonda, ħiemda, mistura, li d-dinja ma tarahiex… In-Nisrani hu ferrieħi, affabbli, qalbu tajba, ġentili, prudenti, ġenwin, bla pretensjonijiet… tant m’għandu xejn barra min-normal jew ta’ barra minn hawn fi mġibtu, li faċilment mal-ewwel daqqa t’għajn jaħsbuh bniedem ordinarju” (Parochial and Plain Sermons, V,5).

 

Ejjew nitolbu li nkunu hekk, “dwal ħanina” qalb id-dlam li bih imdawrin. Ġesù, “ibqa’ miegħi, sabiex nibda jien ukoll niddi kif tiddi int: biex niddi u nsir dawl għall-oħrajn” (Meditations on Christian Doctrine, VII,3). Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard