Il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd (ara Lq 17:11-19) jistedinna nagħrfu b’għoġba u gratitudni d-doni ta’ Alla. Fit-triq li twasslu għall-mewt u l-qawmien, Ġesù jiltaqa’ ma’ għaxar imġiddmin, li jmorru jiltaqgħu miegħu, jieqfu ’l bogħod minnu u jitkarrbu dwar ix-xorti ħażina tagħhom quddiem dak il-bniedem li fih il-fidi tagħhom għarfet lil dak li seta’ jifdihom: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!” (v. 13). Huma morda, u qed ifittxu lil xi ħadd li jista’ jfejjaqhom. Ġesù jweġibhom u jgħidilhom imorru juru ruħhom lis-saċerdoti, li, skont il-Liġi, kellhom l-inkarigu li jikkonfermaw kull fejqan li seta’ jseħħ. B’dan il-mod hu ma jillimitax ruħu għal wegħda, imma jgħaddi l-fidi tagħhom mill-prova. F’dak il-ħin, fil-fatt, l-għaxra kienu għadhom ma fiqux. Jerġgħu jiksbu saħħithom huma u mexjin, wara li semgħu mill-kelma ta’ Ġesù. Allura, mimlija lkoll bil-ferħ, imorru juru ruħhom lill-qassisin, imbagħad jitilqu lura fi triqthom, imma jinsew lil Dak li tahom dan, jiġifieri lill-Missier li fejjaqhom permezz ta’ Ġesu, Ibnu magħmul bniedem.

 

Wieħed biss jagħmel eċċezzjoni: Samaritan, barrani li jgħix fit-truf tal-poplu l-magħżul, kważi pagan! Dan ir-raġel mhux kuntent li kiseb il-fejqan grazzi għall-fidi li kellu, imma jrid li dan il-fejqan jilħaq il-milja tiegħu u għalhekk idur lura biex jesprimi l-gratitudni tiegħu għad-don li rċieva, u jagħraf f’Ġesù s-Saċerdot veru li, wara li refgħu u fdieh, jista’ jurih it-triq u jilqgħu fost id-dixxipli tiegħu.

 

Li nkunu nafu nirringrazzjaw, li nagħrfu nweġġħu lill-Mulej għal dak kollu li jagħmel magħna, kemm hu importanti! U għalhekk nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Aħna nafu ngħidu grazzi? Kemm-il darba ngħidu grazzi lil xulxin fil-familja, fil-komunità, fil-Knisja? Kemm-il darba ngħidu grazzi lil min jgħinna, lil min hu qrib tagħna, lil min jimxi magħna fil-ħajja? Spiss nieħdu kollox ovvju! U dan jiġri wkoll ma’ Alla. Faċli mmorru għand il-Mulej nitolbuh xi ħaġa, imma li nerġgħu lura biex nirringrazzjawh… Għalhekk, Ġesù jagħfas bil-qawwa fuq in-nuqqas tad-disa’ mġiddmin ingrati: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?” (Lq 17:17-18).

 

F’din il-ġurnata Ġubilari għandna quddiemna mudell, anzi, il-mudell li lejh għandna nħarsu: Marija, l-Omm tagħna. Wara li rċiviet l-aħbar tal-Anġlu, hi ħalliet tnixxi mill-qalb tagħha għanja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej…”. Ejjew nitolbu lill-Madonna tgħinna nifhmu li kollox hu don ta’ Alla, u nagħrfu rroddu ħajr: niżgurakom li hekk il-ferħ tagħna jkun sħiħ. Huwa biss dak li jaf jirringrazzja li jista’ jduq il-milja ta’ kull ferħ.

 

Biex nagħrfu ngħidu grazzi, jeħtieġ ukoll li nkunu umli. Fl-Ewwel Qari smajna l-ġrajja unika ta’ Nagħman, kmandant tal-eżerċtu tas-Sultan ta’ Aram (ara 2 Slat 5:14-17). Marid bil-ġdiem, biex ifiq hu jaċċetta s-suġġeriment ta’ lsira fqajra u jintelaq f’idejn il-Profeta Eliżew, li għalih hu għadu. Imma Nagħman lest li jiċċekken. U Eliżew ma jippretendi xejn minnu, jamarlu biss li jmur jogħdos fl-ilma tax-xmara Ġordan. Din it-talba lil Nagħman tħawdu ftit, anzi ġġagħalu jisbel: Imma tabilħaqq jista’ jkun Alla dak li jitlob ħwejjeġ hekk banali? Ikun ħa jitlaq lura minn fejn ġie, imma mbagħad jaċċetta li jinżel fil-Ġordan u jfiq dritt.

 

Il-qalb ta’ Marija, iżjed minn kull qalb oħra, hi qalb umli u kapaċi tilqa’ d-doni ta’ Alla. U Alla, biex isir bniedem, għażel proprju lilha, tfajla sempliċi ta’ Nazareth, li ma kinitx tgħix fil-palazzi tas-setgħana u tal-għonja, li ma għamlet xejn ta’ barra minn hawn. Ejjew nistaqsu lilna nfusna – jagħmlilna tajjeb – jekk aħniex lesti nilqgħu d-doni ta’ Alla, jew jekk pjuttost nippreferux ningħalqu fiċ-ċertezzi materjali tagħna, fiċ-ċertezzi intellettwali, fiċ-ċertezzi tal-pjanijiet tagħna.

 

Ta’ min jinnota li Nagħman u s-Samaritan huma żewġ barranin. Kemm barranin, anki persuni ta’ reliġjonijiet oħra, jagħtuna eżempju ta’ valuri li aħna xi drabi ninsewhom jew nittraskurawhom. Min jgħix maġenbna, forsi mistmerr u mwarrab għax barrani, jista’ jgħallimna kif nimxu fit-triq li jrid il-Mulej. Anki Omm Alla, flimkien ma’ żewġha San Ġużepp, daqet xi jfisser tkun bogħod minn artek. Għal żmien twil anki hi kienet barranija fl-Eġittu, bogħod mill-qraba u l-ħbieb. Imma l-fidi tagħha għarfet tegħleb id-diffikultajiet. Inżommu sħaħ f’din il-fidi sempliċi tal-Omm Qaddisa ta’ Alla; nitolbu lilha li nkunu dejjem kapaċi nerġgħu lura għand Ġesù u rroddulu l-ħajr tagħna għal tant ġid li ksibna mill-ħniena tiegħu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard