QUDDIESA U GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-V Ħadd ta’ l-Għid, 28 ta’ April 2013

 

Għeżież ħuti!  Għeżież kreżimandi!  Merħba!

 

Nixtieq nipproponilkom tliet ħsibijiet sempliċi u qosra biex tirriflettu fuqhom.

 

1. Fit-Tieni Qari smajna dwar il-viżjoni sabiħa li kellu San Ġwann: smewwiet ġodda u art ġdida, u mbagħad il-Belt il-Qaddisa nieżla minn għand Alla.  Kollox hu ġdid, mibdul f’tajjeb, fi ġmiel, f’verità; ma jibqax biki, viżtu…  Din hi l-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu: hu jwasslilna l-‘ġdid’ ta’ Alla; jiġi għandna u jġedded kollox, jibdilna.  L-Ispirtu jibdilna!  U l-viżjoni ta’ San Ġwann tfakkarna li lkoll qegħdin f’mixja lejn Ġerusalemm tas-sema, in-novità defenittiva għalina u għar-realtà kollha, il-jum hieni li fih nistgħu naraw wiċċ il-Mulej – dak il-wiċċ meraviljuż u kollu ġmiel tal-Mulej Ġesù – inkunu nistgħu noqogħdu miegħU għal dejjem, fi mħabbtu.

 

Araw kif il-‘ġdid’ ta’ Alla ma jixbahx il-ħwejjeġ ġodda tad-dinja, li huma kollha proviżorji, jgħaddu u nispiċċaw infittxu dejjem iżjed.  Il-ġdid li Alla jagħtina f’ħajjitna hu defenittiv, u mhux biss fil-futur, meta għad inkunu miegħU, imma anki l-lum: Alla qed iġedded kollox, l-Ispirtu s-Santu jibdilna tassew u jrid jibdel, anki permezz tagħna, lid-dinja li fiha ngħixu.  Niftħu l-bieb għall-Ispirtu, inħalluH imexxina, inħallu l-azzjoni kontinwa ta’ Alla tagħmilna rġiel u nisa ġodda, li ngħixu bl-imħabba ta’ Alla, li l-Ispirtu s-Santu jagħtina!  Kemm ikun sabiħ jekk kull wieħed u waħda minna fil-għaxija jkun jista’ jgħid: il-lum l-iskola, id-dar, fuq ix-xogħol, bl-għajnuna ta’ Alla, għamilt ġest ta’ mħabba ma’ wieħed minn sħabi, mal-ġenituri tiegħi, ma’ anzjan!  Xi ġmiel!

 

2. It-tieni ħsieb: fl-Ewwel Qari, Pawlu u Barnaba jistqarru li “jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla” (Atti 14:22).  Il-mixja tal-Knisja, anki l-mixja Nisranija personali tagħna, mhux dejjem huma faċli, iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet, tiġrib.  Li nimxu wara l-Mulej, inħallu lill-Ispirtu tiegħu jibdel il-partijiet mudlama ta’ ħajjitna, l-imġibiet tagħna li m’humiex skond il-qalb ta’ Alla u jnaddafna mid-dnubiet tagħna, din hi mixja li tiltaqa’ ma’ ħafna tfixil, barra minna, fid-dinja u anki ġo fina stess, fil-qalb tagħna.  Imma d-diffikultajiet, it-tiġrib, jagħmlu parti mit-triq li rridu nimxu biex naslu fil-glorja ta’ Alla, l-istess kif kienu għal Ġesù, li ġie gglorifikat fuq is-Salib; fil-ħajja dejjem se nħabbtu wiċċna magħhom!  Taqtgħux qalbkom!  Għandna l-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu biex nistgħu nirbħulu dan it-tiġrib.

 

3. U hawn niġi għall-aħħar punt.  Hu stedina li nagħmel lilkom ilkoll subien u bniet li qed tirċievu l-Griżma: ibqgħu sħaħ fil-mixja tal-fidi tagħkom, b’tama soda fil-Mulej.  Hawn qiegħed is-sigriet tal-mixja tagħna!  Hu jagħtina l-kuraġġ li nimxu kontra l-kurrent.  Isimgħu sew, għeżież adolexxenti: li tmur kontra l-kurrent, dan jagħmel tajjeb għall-qalb; imma trid il-kuraġġ biex tmur kuntra l-kurrent u Hu jagħtina dan il-kuraġġ!  L-ebda diffikultà, tiġrib, jew nuqqas ta’ ftehim m’għandhom ibeżżgħuna jekk nibqgħu magħqudin ma’ Alla l-istess kif kull rimja hi magħquda mad-dielja, jekk ma nitilfux il-ħbiberija tagħna miegħU, jekk nagħmlulu dejjem iżjed wisa’ fil-ħajja tagħna.  Dan anki, anzi fuq kollox, jekk inħossuna foqra, dgħajfa, midinba, għax Alla jagħti l-qawwa lid-dgħufija tagħna, l-għana lill-faqar tagħna, il-konverżjoni u l-maħfra lid-dnub tagħna.  Il-Mulej hu wisq ħanin: dejjem jaħfrilna, jekk immorru għandU.  Ħa jkollna fiduċja fl-azzjoni ta’ Alla!  Miegħu nistgħu nagħmlu ħwejjeġ kbar; u jġegħilna nħossu l-ferħ li aħna dixxipli tiegħu, xhieda tiegħu.  Immiraw għal ideali għoljin, għal ħwejjeġ kbar.  Lilna l-Insara l-Mulej m’għażilniex għal ħwejjeġ żgħar; morru dejjem lil hemm, lejn ħwejjeġ ikbar.  Ilagħbu ħajjitkom fuq ideali kbar, għeżież adolexxenti!

 

Il-‘ġdid’ ta’ Alla, it-tiġrib fil-ħajja, sħaħ fil-Mulej.  Għeżież ħbieb, ejjew niftħu beraħ il-bieb ta’ ħajjitna għall-ġdid ta’ Alla li jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu, biex jibdilna, jagħmilna qawwija fit-tiġrib, isaħħaħ l-għaqda tagħna mal-Mulej, biex nibqgħu sħaħ fiH: dan hu l-ferħ veru!  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard