ŻJARA LILL-PARROĊĊA RUMANA

TA’ SANTA ELIŻABETTA U SAN ŻAKKARIJA

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Solennità tat-Trinità Qaddisa

Il-Ħadd 26 ta’ Mejju 2013

 

Fil-bidu tal-Quddiesa, wara t-tislima tal-Kappillan, il-Papa lissen dawn il-kelmiet.

 

Għażiża l-ewwel sentinella, għażiża tieni sentinella, għeżież sentinelli, għoġobni dak li għidt: li l-periferija għandha sens negattiv, imma anki sens pożittiv.  Taf għaliex?  Għax ir-realtajiet kollha flimkien jinftiehmu l-aħjar mhux miċ-ċentru, imma mill-periferiji.  Jinftiehmu aħjar.  Anki dan li għidt int: li nsiru sentinelli, le?

 

Nirringrazzjak ta’ dan l-uffiċċju, ta’ din il-ħidma tagħkom ta’ sentinella.  Nirringrazzjakom ukoll tal-merħba tagħkom, f’dan il-jum tal-festa tat-Trinità.  Hawn miegħi s-saċerdoti li intom tafuhom sew, li huma ż-żewġ segretarji tal-Papa, il-Papa li jgħix il-Vatikan, eħ?  Il-lum hawn ġie l-Isqof!  U dawn it-tnejn jaħdmu tajjeb.  Imma wieħed minnhom, Dun Alfred, il-lum qed jagħmel l-anniversarju ta’ l-ordinazzjoni presbiterali tiegħu: 29 sena.  Applaws!  Nitolbu għalih u nitolbu għal ta’ l-inqas 29 sena oħra.  Veru?  Hekk nibdew il-Quddiesa, bi spirtu ta’ qima, fis-skiet, miġbura lkoll flimkien fit-talb għal kulħadd.

 

* * *

 

Il-Qdusija Tiegħu għamel l-omelija f’forma ta’ djalogu mat-tfal ta’ l-Ewwel Tqarbina.

 

Għeżież ħuti,

 

Il-Kappillan, fid-diskors tiegħu, fakkarni f’ħaġa sabiħa li għamlet il-Madonna.  Meta l-Madonna, malli rċiviet l-aħbar li kellha ssir omm Ġesù, u anki l-aħbar li l-kuġina tagħha Eliżabetta kienet tqila – jgħid il-Vanġelu – qamet u marret tħaffef; ma stennietx.  Ma qalitx: “Imma issa jiena tqila, u rrid nieħu ħsieb saħħti.  Kuġinti aktarx għandha ħbieb oħra jgħinuha”.  Hi ħasset xi ħaġa fiha u “marret tħaffef”.  Kemm hu sabiħ dan il-ħsieb fuq il-Madonna, fuq l-Omm tagħna, li titlaq tħaffef, għax ġo fiha hemm din il-ħaġa: li tgħin.  Titlaq biex tgħin, ma tmurx biex toqgħod tiftaħar u lil kuġintha tgħidilha: “Imma isma’, issa jien nikkmanda, għax jien Omm Alla!”.  Le, m’għamlitx hekk.  Marret biex tagħti l-għajnuna tagħha!  U l-Madonna dejjem hekk.  Hi l-Omm tagħna, li dejjem tiġi tħaffef meta aħna jkollna bżonnha.  Tkun ħaġa sabiħa kieku mal-Litanija tal-Madonna nżidu waħda tgħid hekk: “Sinjura li titlaq tħaffef, itlob għalina!”.  Kemm hi sabiħa, hux?  Għax Hi dejjem titlaq tħaffef, Hi ma tinsihom qatt lil uliedha.  U meta wliedha jinsabu f’xi diffikultà, għandhom xi bżonn u jitolbuha, Hi tiġi tħaffef.  U dan jagħtina ċertezza, ċertezza li għandna lil Ommna magħna, dejjem maġenbna.  Fil-ħajja nimxu aħjar jekk għandna qrib tagħna lil ommna.  Ejjew naħsbu f’din il-grazzja ta’ Marija, din il-grazzja li hi tagħtina: li tkun qrib tagħna, imma mingħajr ma żżommna nistennew.  Dejjem!  Hi – u ejja nkunu fiduċjużi li hu hekk – qiegħda hemm biex tgħinna.  Il-Madonna li dejjem tħaffef, għalina.

 

Il-Madonna tgħinna wkoll nifhmu tajjeb lil Alla, lil Ġesù, biex nifhmu tajjeb il-ħajja ta’ Ġesù, il-ħajja ta’ Alla, biex nifhmu tajjeb x’inhu l-Mulej, kif inhu l-Mulej, min hu Alla.  Lilkom, tfal, nistaqsikom: “Min minnkom jaf min hu Alla?”.  Għollu jdejkom.  Għidli?  Hekkhu!  Il-Ħallieq tad-Dinja.  U kemm-il Alla hemm?  Wieħed?  Imma lili qaluli li hemm tlieta: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu!  Dan kif nispjegawh?  Hemm wieħed jew hemm tlieta?  Wieħed?  Wieħed?  U kif nispjegawha din li wieħed hu l-Missier, l-ieħor l-Iben u l-ieħor l-Ispirtu s-Santu?  Għajtu, għajtu!  Tweġiba tajba.  Huma tlieta f’wieħed, tliet persuni f’wieħed.  U l-Missier x’jagħmel?  Il-Missier hu l-bidu, il-Missier, li ħalaq kollox, ħalaq lilna.  U l-Iben x’jagħmel?  X’jagħmel Ġesù?  Min jaf jgħidli x’jagħmel Ġesù?  Iħobbna?  U iżjed?  Iwasslilna l-Kelma ta’ Alla!  Ġesù jiġi biex jgħallimna l-Kelma ta’ Alla.  Tajjeb ħafna!  U mbagħad?  X’għamel Ġesù fuq din l-art?  Fdiena!  U Ġesù ġie biex jagħti ħajtu għalina.  Il-Missier jaħlaq id-dinja; Ġesù jifdina.  U l-Ispirtu s-Santu x’jagħmel?  Iħobbna!  Jagħtik l-imħabba!  It-tfal kollha flimkien: il-Missier joħloq lil kulħadd, joħloq id-dinja; Ġesù jifdina; u l-Ispirtu s-Santu?  Iħobbna!  U din hi l-ħajja Nisranija: nitkellmu mal-Missier, nitkellmu ma’ l-Iben u nitkellmu ma’ l-Ispirtu s-Santu.  Ġesù fdiena, imma jimxi wkoll magħna fil-ħajja tagħna.  Veru dan?  U kif jimxi?  X’jagħmel meta jimxi magħna fil-ħajja?  Din diffiċli.  Min iweġibha tajjeb jirbaħ id-derby!  X’jagħmel Ġesù meta jimxi magħna?  Għajtu!  L-ewwel: jgħinna.  Imexxina!  Tajjeb ferm!  Jimxi magħna, jgħinna, imexxina u jgħallimna kif nimxu ’l quddiem.  U Ġesù jagħtina wkoll il-qawwa biex nimxu.  Veru?  Isostnina!  Tajjeb!  Fid-diffikultajiet, le?  U anki fix-xogħol ta’ l-iskola!  Isostnina, jgħinna, imexxina, isostnina.  Hekkhu!  Ġesù jimxi dejjem magħna.  Tajjeb.  Imma isma’, Ġesù jagħtina wkoll il-qawwa.  Kif jagħtina l-qawwa Ġesù?  Intom dan tafuh, kif jagħtina l-qawwa!  Għajtu, m’iniex nisma’!  Fit-Tqarbin jagħtina l-qawwa, jgħinna propju bil-qawwa tiegħu.  Hu jiġi għandna.  Imma meta intom tgħidu “jagħtina t-Tqarbin”, biċċa ħobż tista’ timliek b’tant qawwa?  Dak kull ma hu mhux ħobż?  Dak mhux ħobż?  Hu ħobż?  Dan hu ħobż, imma dak li hemm fuq l-altar hu ħobż jew le?  Jidher ħobż!  Imma propjament m’hux ħobż.  Mela x’inhu?  Hu l-Ġisem ta’ Ġesù.  Ġesù jiġi fil-qalb tagħna.  Hekkhu, ejjew naħsbu f’dan, ilkoll: il-Missier tana l-ħajja; Ġesù tana l-fidwa, jimxi magħna, imexxina, isostnina, jgħallimna; u l-Ispirtu s-Santu?  X’jagħtina l-Ispirtu s-Santu?  Iħobbna!  Jagħtina l-imħabba.  Naħsbu f’Alla b’dan il-mod u nitolbu lill-Madonna, Ommna l-Madonna, li dejjem tiġi tħaffef biex tgħinna, ħalli tgħallimna nifhmu tajjeb kif inhu Alla: kif hu l-Missier, kif hu l-Iben u kif hu l-Ispirtu s-Santu.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard