SOLENNITA’ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

QUDDIESA MAL-MOVIMENTI EKKLEŻJALI

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Pjazza San Pietru, 19 ta’ Mejju, 2013

 

Għeżież Ħuti,

F’dan il-jum aħna nikkontempaw u fil-liturġija naħsbu mill-ġdid fl-għotja tal-Ispirtu s-Santu li wettaq Kristu Rxuxtat fil-Knisja tiegħu; hija ġrajja ta’ grazzja li mliet iċ-ċenaklu ta’ Ġerusalemm biex tinfirex fid-dinja kollha.

Imma x’ġara f’dak il-jum daqshekk imbiegħed minna, u fl-istess waqt daqshekk qrib li jasal sa ġewwa nett tal-qalb tagħna?  San Luqa joffrielna t-tweġiba fis-silta tal-Atti tal-Appostli li għadna kemm smajna (2,1-11).  L-evanġelista jeħodna Ġerusalemm, fis-sular ta’ fuq tad-dar fejn kienu miġburin l-Appostli.  L-ewwel element li jolqot l-attenzjoni tagħna huwa l-ħoss li f’daqqa waħda ġie mis-sema, “bħal ta’ riħ qawwi” u li mela d-dar; imbagħad “l-ilsna qishom tan-nar” li tqassmu u qagħadu fuq kull wieħed mill-Appostli. Ħoss u ilsna tan-nar huma sinjali preċiżi u konkreti li missew lill-Appostli, mhux biss minn barra, imma anke minn ġewwa: fil-moħħ u fil-qalb tagħhom.  Il-konsegwenza ta’ dan hi li “lkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu”, li tahom b’qawwa kbira dinamiżmu li ma setgħux jieqfulu, u b’riżultati li jgħaġġbu: “U bdew jitkellmu b’ilsna oħra skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu”.  Hekk jinfetaħ quddiemna kwadru għal kollox mhux mistenni: folla kbira tinġabar u hija mimlija stagħġib għaliex kull wieħed kien jisma’ l-Appostli jitkellem bi lsienu.  Ilkoll għamlu esperjenza ġdida li qatt ma ġrat qabel: “Qegħdin nisimgħuhom jitkellmu bl-ilsien tagħna”.  U fuq hiex kienu jitkellmu? “Kienu jitkellmu fuq il-ħwejjeġ kbar t’Alla”.

Fid-dawl ta’ din is-silta tal-Atti, nixtieq nirrifletti fuq tlitt kelmiet marbutin mal-azzjoni tal-Ispirtu: il-ġdid, l-armonija, il-missjoni.

1. Il-ġdid dejjem inissel fina xi ftit biża’, għaliex iktar inħossuna sguri jekk ikollna kollox taħt kontroll, jekk inkunu aħna li nibnu, li nipprogrammaw, li nfasslu ħajjitna skont l-iskemi tagħna, is-sigurtajiet tagħna, il-gosti tagħna.  U dan iseħħ ukoll m’Alla.  Spiss aħna nimxu warajh, nilqgħuh, imma sa ċertu punt; huwa diffiċli li nintelqu fiH b’fiduċja sħiħa, fil-waqt li nħallu li l-Ispirtu s-Santu jkun ir-ruħ, il-gwida tal-ħajja tagħna, fil-għażliet kollha; aħna nibżgħu li Alla ikun irid jgħaddina minn toroq ġodda, ikun irid joħroġna mill-oriżżont tagħna, bosta drabi limitat, magħluq, egoista, biex jiftħilna qalbna għall-oriżżonti tiegħu.  Imma fl-istorja tas-salvazzjoni, meta Alla jgħarraf lilu nnifsu, iġib il-ġdid – Alla dejjem iġib il-ġdid -, ibiddel u jitlob li nafdaw għal kollox fiH:  Noe’ bena l-arka fil-waqt li kulħadd kien jidħaq bih, u hu salva;  Abram iħalli artu meta f’idejh kellu biss wegħeda;  Mose’ jiffaċċja l-qawwa tal-Fargħun u jmexxi l-poplu lejn il-ħelsien; l-Appostli, imbeżżgħin u magħluqin fiċ-ċenaklu, joħorġu, joħorġu bil-kuraġġ biex ixandru l-Evanġelju.  Mhux il-ġdid minħabba l-ġdid, mhux it-tfittxija tal-ġdid biex nirbħu l-għajja, bħalma jiġri spiss fi żmienna.  Il-ġdid li Alla jġib f’ħajjitna hija dik li lilna tirrealiżżana tassew, dik li tagħtina l-veru ferħ, is-serenita’ tassew, għax Alla jħobbna u jrid biss il-ġid tagħna.  Ejjew insaqsu lilna nfusna llum: Aħna miftuħin għas-“sorpriżi ta’ Alla”?  Jew ningħalqu fina nfusna, bil-biżgħa, għall-ġdid tal-Ispirtu s-Santu?  Aħna kuraġġjużi biex nimxu fit-toroq ġodda li l-ġdid ta’ Alla qiegħed joffrielna jew niddefendu lilna nfusna, magħluqin fl-istrutturi tagħna dgħajfa li tilfu l-qawwa li jkunu miftuħin?  Jiswielna ta’ ġid insaqsu lilna nfusna dawn il-mistoqsijiet matul il-jum kollu.

2. It-tieni ħsieb: L-Ispirtu s-Santu, mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher li joħloq diżordni fil-Knisja għaliex iġib id-diversita’ tal-kariżmi, tad-doni; imma dan kollu, taħt l-azzjoni tiegħu, hu għana kbir, għaliex l-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu ta’ għaqda, li ma jfissirx uniformita’, imma li jmexxi kollox lejn l-armonija.  Fil-Knisja, l-armonija jagħmilha l-Ispirtu s-Santu.  Wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja għandu espressjoni li lili tgħoġobni ħafna; L-Ispirtu s-Santu “huwa nnifsu hu armonija”.  Hu tassew huwa l-armonija.  Huwa waħdu jista’ jqajjem id-diversita’, il-pluralita’, il-moltepliċita’ u fl-istess waqt, iwettaq l-għaqda.  Ukoll hawnhekk, meta nkunu aħna li nixtiequ nagħmlu d-diversita’ u ningħalqu fina nfusna fil-partikolariżmi tagħna, fl-affarijiet esklużivisti tagħna, inġibu l-firda;  u meta nkunu aħna li nixtiequ nagħmlu l-għaqda skont il-pjani umani tagħna, nispiċċaw biex inġibu l-uniformita’, u nkunu qisna qed ngħidu l-istess ħaġa.  Iżda jekk inħallu li niġu mmexxija mill-Ispirtu, il-għana, id-diversita’ ma jsiru qatt konflitt, għaliex Huwa jimbuttana biex ngħixu l-varjeta’ fil-komunjoni tal-Knisja. Il-mixi tagħna flimkien fil-Knisja, taħt il-gwida tar-Ragħajja, li għandhom kariżma speċjali u ministeru, huwa sinjal tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu; l-ekkleżjalita’ hija karatteristika fundamentali għal kull nisrani, għal kull komunita’, għal kull moviment.  Hija l-Knisja li tagħtini ‘l Kristu u li twassalni għand Kristu; il-mixjiet paralleli huma wisq perikolużi!  Meta aħna nidħlu fl-avventura li mmorru ‘l hemm mid-duttrina u mill-Komunita’ ekkleżjali – jgħid l-Appostlu San Ġwann fit-Tieni Ittra tiegħu – u ma nibqgħux fihom, ma nkunux mgħaqudin m’Alla ta’ Ġesu’ Kristu (ara 2Ġw 1,9).  Insaqsu lilna nfusna, għalhekk: Jiena miftuħ għall-armonija tal-Ispirtu s-Santu,waqt li nipprova nirbaħ kull eskluviżmu?  Inħalli lili nnifsi niġi mmexxi minnu fil-waqt li ngħix fil-Knisja u mal-Knisja?

3. L-aħħar punt.  It-teoloġi antiki kienu jgħidu: ir-ruħ hija bħal dgħajsa tal-qlugħ, l-Ispirtu s-Santu huwa r-riħ li jonfoħ fil-qlugħ biex jgħinha ssuq ‘il quddiem, iċ-ċaqlieq u l-imbuttaturi tar-riħ huma d-doni tal-Ispirtu.  Mingħajr l-imbuttaturi tiegħu, mingħajr il-grazzja tiegħu, aħna ma mmorrux ‘il quddiem.  L-Ispirtu s-Santu jdaħħalna fil-misteru ta’ Alla ħaj u jsalvana mill-periklu ta’ Knisja gnostica u ta’ Knisja li tirreferi għaliha biss, magħluqa fil-parametri tagħha; Hu jimbuttana biex niftħu l-bibien biex noħorġu, biex inxandru u biex nagħtu xhieda għall-ħajja tajba tal-Evanġelju, biex nikkomunikaw il-ferħ tal-fidi, tal-laqgħa tagħna ma’ Kristu.  L-Ispirtu s-Santu huwa r-ruħ tal-missjoni.  Dak kollu li ġara f’Ġerusalemm madwar elfejn  sena ilu mhux xi fatt imbiegħed minna; huwa fatt li wasal sa għandna li jsir esperjenza ħajja f’kull wieħed minna.  Il-Pentekoste taċ-ċenaklu ta’ Ġerusalemm hija l-bidu, bidu li jitkompla.  L-Ispirtu s-Santu huwa id-don b’mod speċjali ta’ Kristu Rxoxt lill-Appostli tiegħu; imma Hu jrid li jasal għand kulħadd.  Bħalma qrajna fl-Evanġelju, Ġesu’ jgħid: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (Ġw 14,16).  Hu l-Ispirtu Paraklitu, il-“Konsolatur”, li jagħti il-kuraġġ li mmorru fit-toroq tad-dinja nwasslu l-Evanġelju!  L-Ispirtu s-Santu jgħinna naraw l-oriżżont u jmexxina bil-qawwa sal-periferiji eżistenzjali biex inxandru l-ħajja ta’ Ġesu’ Kristu.  Insaqsu lilna nfusna jekk għandniex it-tendenza li ningħalqu fina nfusna, fil-grupp tagħna, jew inkella nħallu l-Ispirtu s-Santu jiftħilna qalbna għall-missjoni.  Niftakru llum dawn it-tlitt kelmiet: il-ġdid, l-armonija u l-missjoni.

Il-liturġija tallum hija talba kbira li l-Knisja flimkien ma’ Ġesu’ tgħolli lejn il-Missier biex iġedded l-għotja kbira tal-Ispirtu s-Santu.  Kull wieħed u waħda minna, kull grupp, kull moviment, fl-armonija tal-Knisja, jitlob lill-Missier dan id-don.  Illum ukoll, bħal ma kien fit-twelid tagħha, il-Knisja flimkien ma’ Marija titlob:  “Ejja Spirtu Qaddis! – Ejja Spirtu Qaddis imla l-qlub tal-fidili tiegħek u ixgħel fihom in-nar ta’ mħabbtek!”.  Ammen.

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Patri Silvestru Bonavia