ĊELEBRAZZJONI TAL-GĦASAR GĦALL-FTUĦ TAX-XAHAR MISSJUNARJU

 

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

It-Tlieta 1 ta’ Ottubru 2019

 

Fil-parabbola li għadna kemm smajna, il-Mulej jippreżenta ruħu bħala wieħed li, qabel ma jitlaq, isejjaħ lill-qaddejja biex iqassmilhom ġidu (ara Mt 25:14). Alla fdalna l-ikbar ġid tiegħu: ħajjitna, dik tal-oħrajn, kull xorta ta’ doni għal kull wieħed u waħda minna. U dan il-ġid, dawn it-talenti, mhumiex xi ħaġa li rridu nżommu magħluqa ġo kexxun imsakkar, imma sejħa: il-Mulej isejħilna biex bil-kuraġġ u l-kreattività nsarrfu t-talenti tagħna fi frott veru. Alla għad jistaqsina jekk inkunux ċappasna jdejna, irriskjajniex, forsi għamilniex wiċċna. Dan ix-Xahar Missjunarju Straordinarju jrid ikun skoss qawwi biex jipprovokana ħalli nsiru attivi fit-tajjeb. Mhux nutara tal-fidi u gwardjani tal-grazzja, imma missjunarji.

 

Insiru missjunarji billi ngħixu bħala xhieda: b’ħajjitna nagħtu xhieda li nafu lil Ġesù. Hija l-ħajja tagħna stess li titkellem. Il-kelma-muftieħ hi xhieda, kelma li għandha l-istess għeruq tat-tifsira ta’ martri. U l-martri huma l-ewwel xhieda tal-fidi: mhux bil-kliem, imma bil-ħajja tagħhom. Jafu li l-fidi mhix propaganda jew proselitiżmu, imma don rispettuż tal-ħajja. Jgħixu jxerrdu s-sliem u l-ferħ, iħobbu lil kulħadd, anki lill-għedewwa, għall-imħabba ta’ Ġesù. Hekk aħna, li skoprejna li aħna wlied il-Missier tas-Sema, kif nistgħu ma nitkellmux dwar il-ferħ li aħna ġejna maħbuba, iċ-ċertezza li aħna dejjem prezzjużi f’għajnejn Alla? Hi aħbar li ħafna nies qed jistennew. U hi responsabbiltà tagħna. F’dan ix-xahar ejjew nistaqsu lilna nfusna: kif sejra x-xhieda tiegħi?

 

Fi tmiem il-parabbola l-Mulej isejjaħ “tajjeb u fidil” lil min ħabrek u stinka; imma jsejjaħ “ħażin u għażżien” lill-qaddej li pprova jgħatti xturu (ara vv. 21,23,26). Għaliex Alla hu hekk iebes ma’ dan il-qaddej li beża’? X’għamel ħażin? Il-ħażen tiegħu hu li m’għamilx it-tajjeb, dineb id-dnub tal-omissjoni. San Alberto Hurtado kien jgħid: “Hi ħaġa tajba li ma nagħmlux il-ħażin. Imma hi ħaġa ħażina li ma nagħmlux it-tajjeb”. Dan hu d-dnub tal-omissjoni. U dan jista’ jkun id-dnub ta’ ħajja sħiħa, għax aħna rċivejna l-ħajja mhux biex nidfnuha, imma biex nirriskjaw biha; mhux biex inżommuha għalina, imma biex nagħtuha. Min hu ma’ Ġesù jaf li jkollok dak li lesti tagħti, nippossedu dak li naqsmu; u s-sigriet biex ikollna l-ħajja hu li nagħtuha. Jekk ngħixu bl-omissjonijiet, inkunu niċħdu l-vokazzjoni tagħna: l-omissjoni hi l-maqlub tal-missjoni.

 

Nidinbu b’omissjoni, jiġifieri kontra l-missjoni, meta, flok inxerrdu l-ferħ, ningħlaqu f’vittimiżmu ikrah, għax naħsbu li ħadd ma jħobbna u jifhimna. Nidinbu kontra l-missjoni meta nċedu għar-rassenjazzjoni: “Mhux sa jirnexxieli, m’iniex kapaċi”. Imma kif? Alla tak it-talenti u int taħseb li int daqshekk fqir li ma tista’ tagħni lil ħadd? Nidinbu kontra l-missjoni meta noqogħdu ngergru u nibqgħu ngħidu li kollox sejjer ħażin, fid-dinja u fil-Knisja. Nidinbu kontra l-missjoni meta nsiru lsiera tal-biżgħat li jwaħħluna u nħallu tipparalizzana dik id-“dejjem hekk sar”. U nidinbu kontra l-missjoni meta ngħixu ħajjitna qisha kienet toqol fuqna u mhux bħala don; meta fiċ-ċentru hemm aħna bit-taħbit tagħna, u mhux ħutna li qed jistennew minna l-imħabba.

 

“Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7). Iħobb Knisja li toħroġ. Imma attenti: jekk ma toħroġx, mhijiex Knisja. Il-Knisja ssibha fit-triq, il-Knisja timxi. Knisja li toħroġ, missjunarja, hi Knisja li ma taħlix żmien tibki l-affarijiet li ma jsirux sew, il-fidili li m’għadhomx jiġu għandha, il-valuri ta’ dari li m’għadhomx iżjed. Knisja li ma tfittixx oasijiet protetti biex toqgħod fil-kwiet; tixtieq biss li tkun melħ tal-art u ħmira għad-dinja. Din il-Knisja taf li din hi l-qawwa tagħha, l-istess waħda ta’ Ġesù: mhux ir-rilevanza soċjali jew istituzzjonali, imma l-imħabba umli u mogħtija b’xejn.

 

Illum qed nidħlu f’Ottubru missjunarju msieħba minn tliet “qaddejja” li taw ħafna frott. Turina t-triq Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li għamlet mit-talb il-faħam li jkebbes l-azzjoni missjunarja tad-dinja. Dan huwa wkoll ix-xahar tar-Rużarju: kemm qed nitolbu għat-tixrid tal-Vanġelu, biex mill-omissjoni nikkonvertu għall-missjoni? Imbagħad hemm San Franġisk Saverju, wieħed mill-akbar missjunarji tal-Knisja. Anki hu jregħedna xi ftit: qegħdin noħorġu minn ġol-qoxra tagħna, kapaċi nħallu l-kumditajiet tagħna minħabba l-Vanġelu? U hemm il-Venerabbli Pauline Jaricot, ħaddiema li sostniet il-missjonijiet bil-ħidma tagħha ta’ kuljum: bl-offerti li kienet twarrab mill-paga tagħha, kien il-bidu tal-Opri Missjunarji Pontifiċji. U aħna, qed nagħmlu minn kull ġurnata don biex negħlbu l-qasma li teżisti bejn il-Vanġelu u l-ħajja? Nitlobkom, ejjew ma ngħixux fidi “tas-sagristija”.

 

Jakkumpanjawna għandna reliġjuża, saċerdot u lajka. Qed jgħidulna li ħadd mhu eskluż mill-missjoni tal-Knisja. Iva, f’dan ix-xahar il-Mulej qed isejjaħ lilek ukoll. Qed isejjaħ lilek, missier u omm tal-familja; lilek, żagħżugħ li toħlom ħwejjeġ kbar; lilek, li taħdem f’fabbrika, f’negozju, f’bank, f’ristorant; lilek, li m’għandekx xogħol; lilek, li tinsab f’qiegħ ta’ sodda fl-isptar… Il-Mulej qed jitolbok tagħmel minnek innifsek don, hemm fejn tinsab, kif tinsab, ma’ min hu qrib tiegħek; biex il-ħajja mhux tissaportiha, imma tagħtiha; mhux toqgħod tibki lilek innifsek, imma tħalli jmissek id-dmugħ ta’ min qed ibati. Kuraġġ, il-Mulej jistenna ħafna minnek. Jistenna wkoll li xi ħadd ikollu l-kuraġġ jitlaq għal għonq it-triq, biex imur hemm fejn huma nieqsa t-tama u d-dinjità, hemm fejn hemm wisq nies li għadhom jgħixu mingħajr il-ferħ tal-Vanġelu. “Imma waħdi rrid immur?”. Le, hekk mhux sew. Jekk aħna għandna f’moħħna li nagħmlu l-missjoni b’organizzazzjonijiet intraprenditorjali, bi proġetti ta’ xogħol, le. Il-protagonista tal-missjoni huwa l-Ispirtu s-Santu. Hu l-protagonista tal-missjoni. Int mur mal-Ispirtu s-Santu. Mur, il-Mulej mhux sa jitilqek waħdek; xħin tagħti xhieda tiegħu, tiskopri li l-Ispirtu s-Santu wasal qablek biex iħejjilek it-triq. Kuraġġ, ħuti; kuraġġ, Knisja Ommna: erġa’ sib il-qawwa li tagħti l-frott fil-ferħ tal-missjoni!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard