QUDDIESA FIT-TIFKIRA TAL-MEJTIN KOLLHA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Ċimiterju Lawrentin

Il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru 2018

 

Il-liturġija tal-lum hi realistika, hi konkreta. Iddaħħalna fit-tliet dimensjonijiet tal-ħajja, dimensjonijiet li anki t-tfal jifhmuhom: il-passat, il-futur, il-preżent.

 

Illum hu jum ta’ memorja tal-passat, jum biex niftakru f’dawk li mxew qabilna, li mxew ukoll magħna, tawna l-ħajja. Niftakru, nagħmlu memorja. Il-memorja hi dak li jsaħħaħ poplu, għax iħossu b’għeruqu f’mixja, b’għeruqu fi storja, b’għeruqu f’poplu. Il-memorja turina li m’aħniex waħidna, aħna poplu: poplu li għandu storja, li għandu passat, li għandu l-ħajja. Memorja ta’ ħafna li qasmu magħna l-mixja tagħhom, u jinsabu hawn [juri l-oqbra fil-qrib]. Mhijiex ħaġa faċli tagħmel memorja. Aħna, ħafna drabi, inbatu biex nerġgħu lura bil-ħsieb tagħna lejn dak li seħħ f’ħajti, fil-familja tiegħi, fil-poplu tiegħi… Imma llum hu jum ta’ memorja, il-memorja li teħodna lura lejn l-għeruq: lejn l-għeruq tiegħi, lejn l-għeruq tal-poplu tiegħi.

 

U llum hu wkoll jum ta’ tama: it-Tieni Qari wriena x’hemm jistenniena. Sema ġdid, art ġdida u l-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm, ġdida. Xbieha sabiħa li juża biex ifehemna dak li hemm jistenniena: “Rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha” (ara Apok 21:2). Hemm il-ġmiel jistenniena… Memorja u tama, tama li għad nerġgħu niltaqgħu, tama li għad naslu hemm fejn hemm l-Imħabba li ħalqitna, fejn hemm l-Imħabba li tistenniena: l-imħabba ta’ Missier.

 

U bejn memorja u tama hemm it-tielet dimensjoni, dik tat-triq li jeħtieġ nimxu u li aħna nagħmlu. U kif nimxu bla niżbaljaw? Liema huma ­d-dwal li se jgħinuni biex ma niżbaljax it-triq? Liema hu n-“navigatur” li tana Alla nnifsu, biex ma niżbaljawx it-triq? Huma l-Beatitudnijiet li għallimna Ġesù fil-Vanġelu. Dawn il-Beatitudnijiet: il-qalb ħelwa, il-faqar fl-ispirtu, il-ġustizzja, il-ħniena, is-safa tal-qalb – huma d-dwal li jseħbuna biex ma nitfixklux it-triq: dan hu l-preżent tagħna.

 

F’dan iċ-ċimiterju hawn it-tliet dimensjonijiet tal-ħajja: il-memorja, nistgħu narawha hemm [juri l-oqbra]; it-tama, se niċċelebrawha issa fil-fidi, mhux fil-viżjoni; u d-dwal biex imexxuna fit-triq ħalli ma niżbaljawx ir-rotta, smajniehom fil-Vanġelu: huma l-Beatitudnijiet.

 

Nitolbu llum lill-Mulej jagħtina l-grazzja li ma nitilfu qatt il-memorja, ma naħbu qatt il-memorja – memorja ta’ persuna, memorja ta’ familja, memorja ta’ poplu –; u jagħtina l-grazzja tat-tama, għax it-tama hi don tiegħu: nagħrfu nittamaw, inħarsu lejn ix-xefaq, ma nibqgħux magħluqa quddiem ħajt. Inħarsu dejjem lejn ix-xefaq u t-tama. U jagħtina l-grazzja li nifhmu liema huma d-dwal li se jimxu magħna fit-triq biex ma niżbaljawx, u hekk naslu hemm fejn qed jistennewna b’tant imħabba.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard