QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

KAPPELLA PAPALI

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019

 

Epifanija: il-kelma tindika l-manifestazzjoni tal-Mulej, li, kif jgħid San Pawl fit-Tieni Qari (ara Efes 3:6), juri ruħu lill-ġnus kollha, illum irrappreżentati mill-Maġi. Hekk tinkixef ir-realtà mill-isbaħ ta’ Alla li ġie għal kulħadd: kull nazzjon, ilsien u poplu hu minnu milqugħ u maħbub. Simbolu ta’ dan hu d-dawl, li kollox jilħaq u jdawwal.

 

Issa, jekk Alla tagħna juri ruħu lil kulħadd, xorta waħda jqanqal is-sopriża ta’ kif se juri ruħu. Il-Vanġelu jirrakkontalna l-ħafna ġej u sejjer madwar il-palazz tas-sultan Erodi, proprju waqt li Ġesù hu ppreżentat bħala sultan: “Fejn hu dak li twieled, is-sultan tal-Lhud?” (Mt 2:2), jistaqsu l-Maġi. Se jsibuh, imma mhux fejn kienu jaħsbu: mhux fil-palazz irjali ta’ Ġerusalemm, imma f’għamara fqajra ta’ Betlehem. L-istess paradoss deher fil-Milied, meta l-Vanġelu tkellem fuq iċ-ċensiment mad-dinja kollha fi żmien l-Imperatur Awgustu u l-Gvernatur Kirinu (ara Lq 2:2). Imma ħadd mis-setgħana ta’ dak iż-żmien ma ntebaħ li s-Sultan tal-istorja kien twieled fi żmienhom. U mill-ġdid, meta Ġesù, ta’ iktar minn tletin sena, deher quddiem kulħadd, imħabbar minn Ġwanni l-Battista, il-Vanġelu joffri preżentazzjoni oħra solenni tal-kuntest, billi jsemmi l-“kbarat” ta’ dak iż-żmien, poter sekulari u spiritwali: Tiberju Ċesari, Ponzju Pilatu, Erodi, Filippu, Lisanja, il-qassisin il-kbar Anna u Kajfa. U jagħlaq hekk: “il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni fid-deżert” (Lq 3:2). Mela fuq ħadd minn dawk il-kbarat, imma fuq bniedem li kien warrab waħdu fid-deżert. Din hi s-sorpriża: Alla ma jitlax fuq il-palk tad-dinja biex jurina min hu.

 

Aħna u nisimgħu dik il-lista ta’ persunaġġi illustri, tista’ tiġina t-tentazzjoni li “ndawru d-dwal” tagħna fuqhom. Nistgħu naħsbu: kien ikun aħjar kieku l-kewkba ta’ Ġesù dehret Ruma fuq l-għolja Palatina, li minnha Awgustu kien isaltan fuq id-dinja; l-imperu kollu minnufih kien isir Nisrani. Jew, kieku dawlet il-palazz ta’ Erodi, dan kien ikun jista’ jagħmel il-ġid, flok il-ħsara. Imma d-dawl ta’ Alla ma jmurx għand min diġà jixgħel bid-dawl tiegħu nnifsu. Alla jipproponi ruħu, mhux jimponi ruħu; idawwal, imma ma jgħammixx. Dejjem hi kbira t-tentazzjoni li nifxlu d-dawl ta’ Alla mad-dwal tad-dinja. Kemm drabi ħallejna jkaxkarna warajh id-dawl jgħammex tal-poter u tad-dehra, konvinti li qed nagħtu servizz tajjeb lill-Vanġelu! Imma hekk dawwarna d-dawl tagħna fuq in-naħa l-ħażina, għax Alla ma kienx hemm. Id-dawl ħelu tiegħu jilma fl-imħabba umli. Kemm drabi mbagħad, bħala Knisja, ippruvajna niddu aħna bid-dawl tagħna! Imma m’aħniex aħna x-xemx tal-umanità. Aħna l-qamar, li, imqar bid-dellijiet tiegħu, jirrifletti d-dawl veru, il-Mulej. Il-Knisja hi l-mysterium lunæ u l-Mulej hu d-dawl tad-dinja (ara Ġw 9:5). Hu, mhux aħna.

 

Id-dawl ta’ Alla jasal għand min jilqgħu. Iżaija fl-Ewwel Qari (ara 60:2) ifakkarna li d-dawl divin ma jżommx lid-dlamijiet u s-sħab iswed milli jiksu l-art, imma jiddi f’min hu lest jilqgħu. Għalhekk il-profeta jagħmel stedina, li tisfida lil kulħadd: “Qum! Ħa jiddi wiċċek!” (60:1). Hemm bżonn inqumu, jiġifieri ninqalgħu minn fejn aħna mixħuta u nibdew mexjin. Inkella nibqgħu weqfin, bħall-kittieba li kkonsulta Erodi, li kienu jafu tajjeb fejn kien twieled il-Messija, imma ma ċċaqalqux minn fejn kienu. U mbagħad hemm bżonn nilbsu lil Alla li hu d-dawl, ta’ kuljum, sakemm Ġesù jsir il-libsa tagħna ta’ kuljum. Imma biex nilbsu l-libsa ta’ Alla, li hi sempliċi bħad-dawl, l-ewwel irridu nneħħu minn fuqna l-ilbies pompuż. Inkella nagħmlu bħal Erodi, li flok id-dawl divin kien jippreferi d-dwal ta’ din id-dinja, tas-suċċess u tal-poter. Mill-banda l-oħra l-Maġi jagħrfu l-profezija, iqumu minn posthom biex ixiddu fuqhom id-dawl. Huma biss jaraw il-kewkba fis-sema: u la l-kittieba, u la Erodi, u lanqas ħadd f’Ġerusalemm. Biex insibu lil Ġesù jeħtieġ nimxu triq oħra, naqbdu triq differenti, dik tiegħu, it-triq tal-imħabba umli. U rridu nżommuha. Fil-fatt, il-Vanġelu tal-lum jagħlaq billi jgħid li l-Maġi, wara li ltaqgħu ma’ Ġesù, “telqu lura lejn arthom minn triq oħra” (Mt 2:12). Triq oħra, differenti minn dik ta’ Erodi. Triq differenti minn tad-dinja, bħal dik li terrqu dawk kollha li fil-Milied qagħdu ma’ Ġesù: Marija u Ġużeppi, ir-ragħajja. Dawn, bħall-Maġi, ħallew djarhom u saru pellegrini fit-toroq ta’ Alla. Għax dak biss li jħalli r-rabtiet tiegħu mad-dinja biex jibda miexi, jista’ jsib il-misteru ta’ Alla.

 

Dan jgħodd għalina wkoll. Mhux biżżejjed inkunu nafu fejn twieled Ġesù, bħall-kittieba, jekk ma nilħqux dak il-fejn. Mhux dejjem inkunu nafu li Ġesù twieled, bħal Erodi, jekk ma niltaqgħux miegħu. Meta l-fejn tiegħu jsir il-fejn tagħna, il-meta tiegħu jsir il-meta tagħna, il-persuna tiegħu ħajjitna, allura l-profeziji jitwettqu fina. Imbagħad Ġesù jitwieled fina u jsir Alla ħaj għalija. Illum, ħuti, aħna mistednin nixbhu lill-Maġi. Dawn ma joqogħdux jiddiskutu, le, imma jimxu; ma jibqgħux jiċċassaw, imma jidħlu fid-dawl ta’ Ġesù; ma joqogħdux huma fiċ-ċentru, imma jinxteħtu quddiemu, li hu ċ-ċentru; ma jiffissawx fil-pjanijiet tagħhom, imma lesti biex jaqbdu toroq oħra. Fil-ġesti tagħhom hemm kuntatt strett mal-Mulej, ftuħ radikali għalih, twaħħid totali miegħu. Miegħu jinqdew bil-lingwaġġ tal-imħabba, l-istess lingwa li Ġesù, għadu tarbija, diġà jitkellem. Fil-fatt il-Maġi jmorru għand il-Mulej mhux biex jirċievu, imma biex jagħtu. Nistaqsu: fil-Milied ħadnielu xi rigal lil Ġesù, għall-festa tiegħu, jew ir-rigali qsamniehom biss ma’ xulxin?

 

Jekk morna għand il-Mulej b’idejna vojta, illum nistgħu npattu. Il-Vanġelu, fil-fatt, jagħtina, biex ngħidu hekk, lista ċkejkna ta’ rigali: deheb, inċens u mirra. Id-deheb, meqjus bħala l-element l-iżjed prezzjuż, ifakkarna li lil Alla għandna nagħtuh l-ewwel post. Għandna nadurawh. Imma biex nagħmlu dan hemm bżonn niċċaħħdu aħna mill-ewwel post u nemmnu li aħna fil-bżonn, u mhux li nistgħu nagħmlu kollox waħidna. Hekk mela l-inċens, biex jissimbolizza r-relazzjoni tagħna mal-Mulej, it-talb, li bħal fwieħa jitla’ quddiem Alla (ara Salm 141:2). Imma, kif l-inċens biex ifewwaħ irid jinħaraq, hekk ukoll għat-talb hemm bżonn “naħarqu” xi ftit tal-ħin, inqattgħuh mal-Mulej. U dan jeħtieġ nagħmluh tassew, mhux biss bil-kliem. U la qed nitkellmu dwar fatti, għandna l-mirra, dilka li għad tintuża biex tgeżwer bl-imħabba l-ġisem ta’ Ġesù mniżżel mis-salib (ara Ġw 19:39). Il-Mulej iridna nieħdu ħsieb tal-ġisem imġarrab mit-tbatija, tal-ġisem tiegħu l-iżjed dgħajjef, ta’ min waqa’ lura, ta’ min jista’ biss jirċievi bla ma jagħti xejn lura. Prezzjuża f’għajnejn Alla l-ħniena għal min m’għandux biex irodd lura, il-gratwità! Prezzjuża f’għajnejn Alla l-gratwità. F’dan iż-żmien tal-Milied li qed joqrob lejn tmiemu, ejjew ma nitilfux l-okkażjoni li nagħtu rigal sabiħ lis-Sultan tagħna, li ġie għalina lkoll mhux fuq il-palk xeniku għammiexi tad-dinja, imma fil-faqar kollu dawl ta’ Betlehem. Jekk nagħmlu dan, id-dawl tiegħu jfiġġ fuqna.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard